"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 21-22/11/2016, 21 u 22 ta' Novembru 2016

Riżultati ewlenin

21 ta' Novembru 2016

Żgħażagħ

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-promozzjoni ta' approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw kompetenzi, ħiliet u attitudnijiet pożittivi.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza tagħha biex jintlaħqu żgħażagħ minn ambjenti differenti, inkluż żgħażagħ marġinalizzati u żvantaġġati, lil hinn mill-istrutturi formali. Jappellaw ukoll għall-użu ta' għodod innovattivi fil-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-isport u l-kultura, is-servizzi soċjali, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-kommunikazzjoni.

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar kif tista' tinħoloq rabta mill-ġdid bejn iż-żgħażagħ u l-proġett Ewropew, bħala segwitu għad-dibattiti fis-summit informali ta' Bratislava f'Settembru.

"Iż-żgħażagħ huma atturi importanti fis-soċjetajiet tal-lum. Hemm bżonn li nżommulhom moħħhom miftuħ, li jkollhom akkomunament globali u li jkunu lesti jaġixxu bħala voluntiera għall-Ewropa. Bħala kumpens, għandna nipprovdulhom prospetti promettenti. Madanakollu, bħala parti mix-xejra ġenerali kontra l-istabbiliment, iż-żgħażagħ qed iħossuhom aktar maqtugħin u skomdi bil-proġett tal-Unjoni Ewropea. Illum, ħejjejna messaġġi ewlenin għall-mexxejja tagħna Ewropej, wara s-summit ta' Bratislava ta' Settembru 2016, bi sforz biex nerġgħu nibnu l-fiduċja mal-ġenerazzjoni żagħżugħa."

Peter Plavčan, il-Ministru Slovakk għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, ir-Riċerka u l-Isport

Edukazzjoni

Il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet li tenfasizza l-aspetti ewlenin li ser jiggwidaw il-ħidma tal-Kunsill f'dan il-qasam, bħala tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-importanza strateġika tal-ħiliet biex isostnu l-impjiegi, it-tkabbir, u l-kompetittività.

Din tkopri oqsma bħall-iżvilupp tal-ħiliet, ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki, l-appoġġ sew għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, kif ukoll modi kif jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija diġitali, bil-għan li jiġi promoss 'investiment tul il-ħajja fil-persuni'.

Il-Kunsill laħaq ukoll qbil politiku dwar rakkomandazzjoni dwar Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti, fil-qafas tal-Garanzija ta' Ħiliet proposta mill-Kummissjoni. Hija għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet biex jakkwistaw sett ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi rilevanti għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, li huma f'waqthom ħafna fil-kuntest tal-ewwel anniversarju mill-attakki terroristiċi ta' Pariġi.

Huma jenfasizzaw il-ħtieġa li l-ideoloġiji estremisti vjolenti eżistenti jiġu mxekkla u sfidati u li jiġu kkuntrastati b'alternattivi attraenti li mhumiex vjolenti u li l-ġenituri, l-ulied, il-ħaddiema żgħażagħ pari u oħrajn li għandhom kuntatt ma' żgħażagħ li qegħdin fir-riskju ta' radikalizzazzjoni vjolenti jiġu appoġġati.

Jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġu involuti u jkun hemm kooperazzjoni mal-fornituri ta' servizzi fil-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online, b'rispett sħiħ għal-libertà ta' espressjoni, fid-dawl tar-rwol tal-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali bħala mezz ewlieni għall-immirar, is-solleċitazzjoni u l-attivazzjoni ta' persuni potenzjalment radikali biex iwettqu reati vjolenti.

"Għadna kif fakkarna l-anniversarju ta' niket tal-attakki ta' Pariġi fejn intilfu tant ħajjiet innoċenti u inkissru tant familji. Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti jibqgħu importanti fl-aġenda tagħna. Huwa evidenti li kull livell ta' governanza għandu jiġi involut fil-ġlieda kontrihom. Illum il-Kunsill qabel li jiffoka fuq miżuri preventivi bħall-edukazzjoni, l-attivitajiet volontarji u kulturali u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. Jistgħu jiġu kkunsidrati "ġentili", iżda jekk jiġu addottati b'mod mifrux u vigoruż, jistgħu fil-fatt jipproteġu s-soċjetajiet liberali tagħna".

Peter Plavčan, il-Ministru Slovakk għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, ir-Riċerka u l-Isport

22 ta' Novembru 2016

Kultura u l-awdjoviżiv

Il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress fil-proposta għal direttiva riveduta dwar servizzi tal-media awdjoviżiva (AVMS). Il-proposta għandha l-għan li tallinja d-direttiva AVMS aħjar mal-era diġitali, b'kont meħud tal-pass mgħaġġel tal-progress teknoloġiku, il-ħolqien ta' mudelli ġodda ta' negozju u t-tendenzi tal-konsum li qed jinbidlu.

Il-kwistjonijiet maġġuri li għadhom qed jiġu diskussi fil-Kunsill huma l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għall-pjattaformi għall-iskambju tal-vidjos u sa fejn għandhom jiġu rregolati, ir-regoli kwantitattivi dwar ir-reklamar televiżiv, l-obbligazzjonijiet għall-fornituri ta' servizzi on-demand biex jiġu promossi x-xogħlijiet Ewropej, l-allinjament tar-regoli bejn is-servizzi lineari u dawk on-demand, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini, u r-rwol ta' korp Ewropew ta' regolaturi nazzjonali (ERGA).

"Il-bidliet fl-ekosistema tas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva kellhom bżonn reviżjoni tad-direttiva AVMS sabiex tkun adatta għall-era l-ġdida diġitali. Wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li l-industrija tal-media Ewropea tibqa' ta' suċċess. Jeħtieġ li l-Ewropa jkollha suq uniku kompetittiv għall-kontenut awdjoviżiv li jiffaċilita l-provvista, ilaħħaq mad-domanda tal-udjenza, tkun fejn tkun, u li jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-fornituri kollha. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nżommu l-objettivi ta' ordni pubbliku tagħna tal-protezzjoni tal-minuri, il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda. Il-Presidenza tagħna għamlet progress konsiderevoli fuq il-proposta l-ġdida u ninsabu kburin li ngħadduha lill-Presidenza Maltija".

Marek Maďrič, il-Ministru Slovakk għall-Kultura u President tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018). L-għan ġenerali ta' din l-inizjattiva huwa li titkattar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rikkezza tal-wirt kulturali Ewropew u l-opportunitajiet li tista' toffri u li taqsam il-valuri u l-ideali Ewropej inkorporati fil-wirt kulturali. Fl-istess ħin, tipprova li tinġibed l-attenzjoni lejn l-isfidi li qed jiffaċċa l-wirt kulturali.

"Il-wirt kulturali Ewropew huwa l-ġojjell li jixraqlu li jidher u li jkun maħbub fl-Ewropa kollha. Għaldaqstant il-presidenza tagħna għamlet sforzi biex twitti t-triq kemm jista' jkun malajr biex is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali ssir fl-2018. Ninsabu kuntenti li llum fil-Kunsill qbilna dwar approċċ ġenerali dwar din id-deċiżjoni importanti li ser terġa' tpoġġi għal darba oħra l-Wirt kulturali fiċ-ċentru tal-attenzjoni. L-appoġġ unanimu tal-istati membri juri b'mod ċar kemm din id-deċiżjoni hija f'waqtha. Issa nistgħu nibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew."

Marek Maďrič, il-ministru Slovakk għall-Kultura u President tal-Kunsill

L-iżvilupp ta' approċċ strateġiku fir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali issa ilu xi ftit li sar ta' prijorità għall-Kunsill. Il-ministri iddiskutew kif l-UE u l-istati membri tagħha jistgħu jikkooperaw b'mod effettiv biex jinkiseb approċċ aktar strateġiku u globali f'dan il-qasam.

Sport

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar id-diplomazija bl-isport li jirreferu għall-użu tal-isport bħala mezz biex jiġu influwenzati r-relazzjonijiet diplomatiċi, interkulturali, soċjali, ekonomiċi u politiċi. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata wkoll fil-laqgħa mar-rappreżentanti għall-isport.

Il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri biex jesploraw kif jista' jintuża aħjar il-potenzjal tal-isport fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u l-involviment ta' atleti magħrufin sew bħala messaġġiera, biex jiġu promossi l-valuri pożittivi tal-sport u dawk Ewropej.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025