Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 19/11/2018, 19 ta' Novembru 2018

Riżultati ewlenin

Ġrajjiet kurrenti

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew l-aktar kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda internazzjonali. Huma enfasizzaw l-appoġġ sħiħ u kontinwu tagħhom favur il-ftehim nukleari mal-Iran (PAKK), wara d-dħul fis-seħħ tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fil-5 ta' Novembru 2018. Huma nnutaw li dan il-ftehim qed ikompli jiġi implimentat mill-Iran, kif iċċertifikat għat-13-il darba mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Fl-istess ħin, huma esprimew is-solidarjetà sħiħa tagħhom ma' dawk l-istati membri li kienu xhieda ta' mġiba inaċċettabbli minn atturi Iranjani fit-territorju Ewropew, u affermaw li kienu lesti jikkunsidraw rispons immirat xieraq.

Il-ministri għall-affarijiet barranin għamlu referenza wkoll għall-eżitu tal-konferenza internazzjonali għal-Libja ospitata mill-Gvern Taljan f'Palermo fit-12-13 ta' Novembru u għas-sitwazzjoni f'Gaża, wara l-aħħar eskalazzjoni ta' vjolenza.

Asja Ċentrali

Il-ministri għall-affarijiet barranin kellhom diskussjoni dwar l-Asja Ċentrali (il-Każakistan, ir-Repubblika Kirgiża, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan) qabel l-14-il laqgħa ministerjali UE-Asja Ċentrali li ser issir fit-23 ta' Novembru fi Brussell. Il-ministri għall-affarijiet barranin innutaw il-bidliet sinifikanti reċenti fir-reġjun u l-momentum il-ġdid fil-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali. Huma esprimew interess qawwi li l-UE żżid l-involviment tagħha fl-Asja Ċentrali f'oqsma bħall-appoġġ għar-riformi u l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll għall-promozzjoni ta' konnettività sostenibbli u l-kondizzjonijiet reġjonali għall-paċi u l-istabbiltà fl-Afganistan.

Din id-diskussjoni ser tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Asja Ċentrali li mistennija tiġi adottata fl-2019.

Bożnija-Ħerzegovina

Il-Kunsill iddiskuta l-Bożnija-Ħerzegovina wara l-elezzjonijiet li saru fis-7 ta' Ottubru. Il-ministri għall-affarijiet barranin issottolinja l-importanza li jiġu ffurmati gvernijiet fil-livelli kollha malajr kemm jista' jkun. Dan jippermetti lill-mexxejja politiċi biex jerġgħu jiffukaw bis-sħiħ fuq l-aġenda ta' riforma. Il-Kunsill insista li t-tkomplija tal-proċess ta' riforma għadu essenzjali sabiex jirrispondi għall-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini, b'mod partikolari taż-żgħażagħ. Il-ministri nnutaw ukoll li għandha titwettaq ir-riforma tal-liġi elettorali.

Highlights of the Foreign Affairs Council of 19 November 2018, held in Brussels.

Jemen

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Jemen. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-isforzi li għaddejjin tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ politiku u umanitarju. Huma affermaw mill-ġdid l-appoġġ qawwi tagħhom għall-proċess immexxi min-NU u għall-Mibgħut Speċjali tan-NU Martin Griffith.

F'mument meta qed naraw xi passi inkoraġġanti fid-direzzjoni ta' tnaqqis tat-tensjoni, nemmen li dan huwa l-waqt li jintbagħat messaġġ ċar u qawwi lil dawk kollha involuti fil-konflitt, sabiex jikkonsolidaw dawn il-passi, jaslu għal waqfien mill-ġlied, u jimpenjaw ruħhom f'taħdidiet politiċi mmexxija mill-Mibgħut Speċjali tan-NU Martin Griffiths. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Mill-2015 'l hawn, l-UE kkontribwixxiet aktar minn €234 miljun f'finanzjament umanitarju lill-Jemen. L-UE tibqa' l-ikbar donatur umanitarju fil-Jemen.

Ukrajna

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna, b'mod partikolari s-sitwazzjoni fil-Baħar Azov u l-"elezzjonijiet" tal-hekk imsejħa "Repubblika tal-Poplu ta' Luhansk" u tar-"Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk" fil-11 ta' Novembru 2018.

Il-ministri għall-affarijiet barranin tennew l-appoġġ u l-impenn sod tagħhom għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. F'dan il-kuntest, huma fakkru li l-UE ma tirrikonoxxix l-"elezzjonijiet" tal-11 ta' Novembru 2018 li hija tikkunsidra bħala illegali u illeġittimi. Huma affermaw li lesti jikkunsidraw miżuri mmirati xierqa b'reazzjoni għal dan. Il-ministri għall-affarijiet barranin fakkru li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk tibqa' essenzjali. Huma enfasizzaw ukoll l-impenn umanitarju kontinwu tal-UE fil-Lvant tal-Ukrajna, li jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk l-aktar milquta mill-konflitt.

Il-ministri ttrattaw l-appoġġ tal-UE għall-proċess ta' riforma fl-Ukrajna. L-UE u l-Ukrajna ser ikollhom l-opportunità li jirrieżaminaw il-progress tar-riformi, kif ukoll bosta kwistjonijiet oħra ta' rilevanza għall-kooperazzjoni bilaterali u globali, fil-laqgħa tagħhom tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jmiss skedata għas-17 ta' Diċembru 2018.

Sigurtà u difiża

Il-ministri għad-difiża ngħaqdu mal-ministri għall-affarijiet barranin għal diskussjoni dwar il-kooperazzjoni tal-UE fis-sigurtà u d-difiża. Huma rrieżaminaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE f'dan il-qasam, inkluż il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), ir-rieżami annwali koordinat dwar id-difiża (CARD), il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-mobbiltà militari, il-kapaċità militari tal-ippjanar u t-tmexxija (MPCC), il-patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK u l-proposta għal Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-sigurtà u d-difiża.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025