- Kunsill Affarijiet Barranin
Kunsill Affarijiet Barranin, 10/12/2018, 10 ta' Diċembru 2018
Riżultati ewlenin
L-Iran
Il-Kunsill iddiskuta l-Iran. Il-ministri kkonċentraw fuq l-implimentazzjoni tal-PAKK, il-ftehim nukleari mal-Iran, inkluż l-isforzi attwali tal-UE biex tippreserva kanali finanzjarji effettivi mal-Iran u tkompli r-relazzjonijiet kummerċjali leġittimi fl-isfond tal-impożizzjoni mill-ġdid ta' sanzjonijiet tal-Istati Uniti fil-5 ta' Novembru 2018. Huma ddiskutew ukoll tħassib dwar l-imġiba reċenti ta' atturi Iranjani fuq territorju Ewropew, il-programm tal-missili ballistiċi tal-Iran u aspetti oħra tas-sigurtà reġjonali.
Kien hemm kunsens fost l-istati membri dwar il-ħtieġa li nżommu l-politika ġenerali tagħna mal-Iran, b'mod partikolari fid-dawl tal-interess qawwi li lkoll għandna biex inżommu fis-seħħ il-PAKK. L-appoġġ sħiħ tal-UE għall-implimentazzjoni tal-PAKK ma jfissirx li nagħlqu għajnejna għal kwistjonijiet oħra. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
Il-Balkani tal-Punent
Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew il-Balkani tal-Punent. Wara sena ta' relazzjonijiet intensivi ħafna bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-ministri kellhom l-opportunità biex jevalwaw l-involviment u l-kooperazzjoni tal-UE mar-reġjun. Huma affermaw mill-ġdid l-impenn inekwivoku tal-UE għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Huma fakkru wkoll fl-aspettattivi tagħhom għall-passi li jmiss fil-progress tar-reġjun b'rabta mal-mixja Ewropea tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Il-ministri ddiskutew l-aħħar żviluppi fil-Bożnija-Ħerzegovina, b'segwitu għall-iskambji tagħhom fil-Kunsill Affarijiet Barranin preċedenti u fakkru fil-ħtieġa li jiġu fformati gvernijiet fil-livelli kollha u li jkun hemm involviment biex isir progress fl-aġenda ta' riforma. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza li jiġu appoġġati l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Prespa bejn Skopje u Ateni. Il-ministri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-attenzjoni qawwija li l-UE qed tagħti lid-djalogu bejn Belgrad u Pristina. F'dan il-kuntest, huma wkoll esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-gvern tal-Kosovo li jżid it-taxxa tariffarja fuq oġġetti mis-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina għal 100%, bi ksur ċar tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali.
L-Ukrajna
Il-Kunsill iddiskuta l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna. Il-ministri għall-affarijiet barranin fakkru fit-tħassib serju tagħhom dwar iż-żieda perikoluża tat-tensjonijiet fil-Baħar Azov u l-Kanal ta' Kerch. Huma fakkru wkoll li l-UE ma tirrikonoxxix l-"elezzjonijiet" tal-11 ta' Novembru 2018 li hija tikkunsidra bħala illegali u illeġittimi. Il-Kunsill żied lil disa' persuni involuti f'dawk l-hekk imsejħa "elezzjonijiet" mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi minħabba azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, ir-Rappreżentant Għoli u l-ministri għall-affarijiet barranin skambjaw fehmiet mal-ministru għall-affarijiet barranin Ukren Pavlo Klimkin. Huma ffokaw fuq l-aħħar żviluppi fil-Baħar Azov u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ukrajna, kif ukoll fuq appoġġ possibbli mill-UE biex tgħin lir-reġjuni affettwati fix-Xlokk tal-Ukrajna.
- L-Ukrajna: l-UE żżid disa' persuni involuti fl-"elezzjonijiet" tar-"Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk" u r-"Repubblika tal-Poplu ta' Luhansk" fuq il-lista ta' sanzjonijiet (stqarrija għall-istampa, 10/12/2018)
- Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar tensjonijiet li qed jiżdiedu fil-Baħar Azov, 28 ta' Novembru 2018
Il-Venezwela
Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Venezwela. Ir-Rappreżentant Għoli aġġornat lill-ministri għall-affarijiet barranin dwar il-ħidma li għaddejja dwar il-possibbiltà tal-istabbiliment ta' grupp ta' kuntatt internazzjonali li, jekk il-kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, jista' jgħin jiffaċilita l-proċess politiku. Il-Kunsill ikkonferma wkoll il-pożizzjoni soda tiegħu dwar miżuri restrittivi mmirati fis-seħħ dwar il-Venezwela.
Aħna l-Ewropej nemmnu li n-nuqqas ta' linja politika jista' jkun approċċ perikoluż, u li s-sanzjonijiet għandhom dejjem jiġu kkombinati bi spazju għal djalogu u involviment. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
Il-ministri għall-affarijiet barranin tennew ukoll li l-elezzjoni tal-20 ta' Mejju 2018 u l-eżitu tagħha ma kellhom l-ebda kredibbiltà, peress li l-proċess elettorali ma żgurax il-garanziji neċessarji għal elezzjonijiet inklużivi u demokratiċi. Huma qablu wkoll li jistabbilixxu approċċ komuni tal-UE bil-ħsieb tal-bidu tat-tieni mandat tal-President Maduro fl-10 ta' Jannar 2019.
Barra minn hekk, il-Kunsill fakkar fl-impenn tiegħu li jappoġġa lill-popolazzjoni tal-Venezwela u, fil-pajjiżi ġirien, li jappoġġa l-inklużjoni soċjo-ekonomika tal-Venezweljani u r-reżiljenza tal-komunitajiet ospitanti. F'dan il-kuntest, il-ministri laqgħu l-€20 miljun addizzjonali biex jirrispondu għall-ħtiġijiet urġenti ta' dawk affettwati mill-kriżi soċjo-ekonomika fil-Venezwela, somma li ġiet allokata mill-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta' Diċembru 2018.
Kooperazzjoni UE - Unjoni Afrikana
Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA) bil-ħsieb tal-ewwel laqgħa ministerjali UE-UA bejn summit u ieħor li ser issir fil-21 u t-22 ta' Jannar 2019 fi Brussell. Il-laqgħa ser tkopri tliet temi ewlenin: aspetti politiċi (paċi, sigurtà u governanza), aspetti ekonomiċi (investiment, kummerċ u ħiliet) u multilateraliżmu (tisħiħ tal-kooperazzjoni b'appoġġ għal ordni globali bbażat fuq regoli).
Il-ministri esprimew l-interess ċar tagħhom fit-tisħiħ tas-sħubija strateġika tal-UE mal-Afrika. Huma enfasizzaw l-importanza tal-involviment maż-żgħażagħ. Huma nnotaw il-progress li diġà sar dwar il-kooperazzjoni b'rabta mal-paċi, is-sigurtà u l-governanza, inkluż permezz tal-iffirmar ta' memorandum ta' fehim bejn l-UE u l-UA fit-23 ta' Mejju 2018. Dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà, huma enfasizzaw il-ħidma li saret fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni konġunt tal-Belt Valletta. Il-ministri ssottolinjaw ukoll ir-rwol kruċjali tas-settur privat u l-investiment privat biex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika jingħataw spinta. Huma laqgħu l-alleanza l-ġdida proposta bejn l-Afrika u l-Ewropa għall-investiment u impjiegi sostenibbli.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Ukrajna: l-UE żżid disa' persuni involuti fl-"elezzjonijiet" tar-"Repubblika tal-Poplu ta' Donetsk" u r-"Repubblika tal-Poplu ta' Luhansk" fuq il-lista ta' sanzjonijiet - 10/12/2018
In-nisa, il-paċi u s-sigurtà: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet - 10/12/2018
L-Indja: Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar strateġija ġdida tal-UE - 10/12/2018
Il-Myanmar/Burma: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet - 10/12/2018
Libja: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet - 10/12/2018
EUCAP Somalia: missjoni estiża, baġit maqbul - 10/12/2018
Repubblika Demokratika tal-Kongo: il-Kunsill jestendi s-sanzjonijiet għal sena oħra - 10/12/2018
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #FAC
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Jannar 2024