Skip to content

Missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari

Il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tippermetti lill-UE tiskjera missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari barra mill-UE, abbażi tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-istati membri tal-UE.

X'inhi l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni?

Il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE, li ġiet stabbilita meta ġie ffirmat it-Trattat ta' Liżbona fl-2009, ħadet post il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD).

Il-PSDK hija qafas għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u l-maniġġar ta' kriżijiet. Il-pajjiżi tal-UE jridu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-UE kapaċitajiet ċivili u militari disponibbli biex jimplimentaw il-PSDK.

Id-deċiżjonijiet relatati mal-PSDK jittieħdu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b'unanimità. Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà hija responsabbli biex tipproponi deċiżjonijiet fil-qasam tal-PSDK.

Ir-rispons għall-kunflitti u l-kriżijiet

Il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tippermetti lill-UE tiskjera missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari barra mill-pajjiż, inkluż b'mandati eżekuttivi, abbażi tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-istati membri tal-UE.

It-tipi ta' kompiti li jistgħu jitwettqu taħt il-PSDK huma:

kompiti umanitarji u ta' salvataġġ

il-prevenzjoni tal-kunflitti

kompiti għall-forzi ta' kumbattiment fil-maniġġar ta' kriżijiet

operazzjonijiet konġunti ta' diżarm

kompiti ta' konsulenza u assistenza ċivili u militari

kompiti fl-istabbilizzazzjoni wara l-kunflitti

Permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tagħha, l-UE għandha l-għan li tirrispondi għal kunflitti u kriżijiet, tibni l-kapaċitajiet tas-sħab u, fl-aħħar mill-aħħar, tipproteġi l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha.

Mill-2003 'l hawn, l-UE nediet aktar minn 40 missjoni u operazzjoni madwar id-dinja. Bħalissa hemm 22 missjoni u operazzjoni tal-PSDK:

  • 13-il missjoni ċivili
  • 8 missjonijiet/operazzjonijiet militari
  • 1 missjoni/inizjattiva ċivili-militari
Verżjoni testwali

Missjonijiet ċivili

  • Missjoni ta' Konsulenza għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM UKRAINE)
  • Missjoni ta' Konsulenza b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM IRAQ)
  • Missjoni Konsultattiva fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)
  • Missjoni ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM LIBYA)
  • Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM RAFAH)
  • Missjoni ta' Bini tal-Kapaċità fil-Mali (EUCAP SAHEL MALI)
  • Missjoni ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP SOMALIA)
  • Missjoni fl-Armenja (EUM ARMENIA)
  • Missjoni ta' Monitoraġġ fil-Georgia (EUMM GEORGIA)
  • Missjoni ta’ Sħubija fl-Armenja (EUPM ARMENIA)
  • Missjoni ta' Sħubija fir-Repubblika tal-Moldova (EUPM MOLDOVA)
  • Missjoni tal-Pulizija għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)
  • Missjoni għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo* (EULEX KOSOVO)

Missjonijiet u operazzjonijiet militari

  • Missjoni ta' Assistenza Militari fil-Mozambique (EUMAM MOZAMBIQUE)
  • Missjoni ta' Assistenza Militari b'Appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM UKRAINE)
  • Operazzjoni Militari fil-Bożnija-Ħerzegovina (EUFOR ALTHEA)
  • Operazzjoni Militari fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)
  • Operazzjoni Militari għall-Kontribut għas-Sigurtà Marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA)
  • Operazzjoni ta' Sigurtà Marittima biex tiġi ssalvagwardata l-Libertà ta' Navigazzjoni b'rabta mal-Kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)
  • Missjoni ta' Taħriġ fis-Somalja (EUTM SOMALIA)
  • Missjoni ta' Taħriġ fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

Ċivili-Militari

  • Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali għas-Saħel (RACC)
  • Inizjattiva tas-Sigurtà u d-Difiża b'appoġġ għall-Pajjiżi Afrikani tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (EU SDI GoG)

* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 u l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

L-operazzjonijiet u l-missjonijiet militari jibbenefikaw minn finanzjament taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Il-baġit tal-UE jiffinanzja parti mill-kostijiet komuni tal-missjonijiet ċivili

Patt ċivili

Fit-22 ta' Mejju 2023, il-Kunsill approva l-patt il-ġdid dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK. Il-patt għandu l-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni ċivili tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u jsaħħaħ l-effettività, l-impatt, il-flessibbiltà u r-robustezza tal-missjonijiet ċivili. Il-patt il-ġdid jibni fuq l-ewwel patt, adottat f'Novembru 2018.

Korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-PSDK

L-istati membri tal-UE stabbilew strutturi politiċi, militari u ċivili permanenti biex jippermettu lill-Unjoni Ewropea tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha għall-maniġġar ta' kriżijiet u taqdi r-rwol tagħha bħala attur tas-sigurtà globali.

Kunsill Affarijiet Barranin

Il-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) fil-konfigurazzjoni tad-difiża tiegħu jlaqqa' flimkien il-ministri għad-difiża tal-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin huma ppreseduti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Ir-Rappreżentant Għoli hija assistita mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) huwa magħmul mill-ambaxxaturi tal-istati membri u huwa ppresedut minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Il-KPS jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-aspetti koperti mill-politika estera u ta' sigurtà komuni u jikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-politiki f'dan il-qasam. Huwa jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet.

Il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea

Il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) huwa l-ogħla korp militari fi ħdan il-Kunsill. Huwa magħmul mill-kapijiet tad-difiża tal-istati membri, li huma rrappreżentati regolarment mir-rappreżentanti militari permanenti tagħhom.

L-EUMC jidderieġi l-attivitajiet militari kollha fil-qafas tal-UE u jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet militari lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà.

Il-Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġar ta' Kriżijiet

Il-Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġar ta' Kriżijiet (CIVCOM) huwa l-korp konsultattiv għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għall-maniġġar ta' kriżijiet ċivili, b'mod partikolari fir-rigward tal-PSDK ċivili. Dan jinkludi t-tħejjija ta' dokumenti ta' ppjanar għal missjonijiet ġodda u l-iżvilupp ta' strateġiji u politiki relatati flimkien ma' kapaċitajiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili.

Grupp Politiku/Militari

Il-Grupp Politiku/Militari (PMG) iwettaq il-ħidma preparatorja fil-qasam tal-PSDK għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà. Dan ikopri l-aspetti politiċi tal-kwistjonijiet militari u ċivili-militari tal-UE, inkluż kunċetti, kapaċitajiet u operazzjonijiet u missjonijiet.

B'mod partikolari huwa responsabbli għal sħubijiet ma' pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet oħra, inkluż in-NATO, kif ukoll eżerċizzji.

Ara wkoll

A military helmet, an olive branch and the stars of the EU flag.
Faċilità Ewropea għall-Paċi

Faċilità Ewropea għall-Paċi

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO)

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO)

Prontezza tad-difiża Ewropea

Prontezza tad-difiża Ewropea

L-aħħar reviżjoni: 21 ta' April 2026