"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 20 ta' Lulju 2023

Riżultati ewlenin

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Fil-Kunsill Affarijiet Barranin sar skambju ta' fehmiet dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Fil-bidu tad-diskussjoni tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, indirizza fil-qosor lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u infurmahom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna.

Il-Kunsill ikkonferma d-determinazzjoni tal-UE li tkompli tappoġġa d-difiża leġittima tal-Ukrajna kontra l-aggressur, anke fid-dawl tal-attakki reċenti fuq il-portijiet Ukreni u l-ħażniet taċ-ċereali.

Id-diskussjoni tal-Kunsill imbagħad iffokat fuq l-impenji fil-qasam tas-sigurtà li l-UE tista' toffri lill-Ukrajna, biex l-appoġġ eżistenti jiġi ttrasformat f'impenn fit-tul għas-sigurtà u r-reżiljenza tal-Ukrajna.

Il-ministri kellhom l-ewwel diskussjoni dwar l-inizjattiva tar-Rappreżentant Għoli biex jiġi żgurat finanzjament aktar sostenibbli u prevedibbli għall-appoġġ għad-difiża lill-Ukrajna, billi tinħoloq taqsima apposta taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Iddeskrivejt lill-ministri l-inizjattiva tagħna biex niżguraw finanzjament aktar sostenibbli u prevedibbli għall-appoġġ għad-difiża lill-Ukrajna. Nipproponu l-ħolqien ta' taqsima apposta taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tipprovdi sa €5 biljun fis-sena għall-erba' snin li ġejjin għall-ħtiġijiet tad-difiża tal-Ukrajna.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Fl-aħħar nett, il-Kunsill iddiskuta t-terminazzjoni tal-inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali mir-Russja, u tenna l-appoġġ tiegħu għall-Formula ta' Paċi tal-Ukrajna, l-unika bażi komprensiva biex tinkiseb paċi ġusta u sostenibbli fil-fehma tal-UE.

It-Turkija

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ġunju li stiednu lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw rapport lill-Kunsill Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija.

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-ħtieġa li l-UE terġa' tinvolvi ruħha mat-Turkija, u tibni fuq interessi komuni, filwaqt li tipprova tnaqqas id-differenzi eżistenti.

Li titnaqqas b'mod sostenibbli t-tensjoni fil-Lvant tal-Mediterran, kif ukoll li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' Ċipru, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU, ikunu ta' benefiċċju għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu.

Tqies ukoll li r-rispett tal-libertajiet u l-valuri fundamentali kif definiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għaliha t-Turkija hija parti, huwa essenzjali.

Id-dimensjoni tal-politika barranija tas-sigurtà ekonomika

Ir-Rappreżentant Għoli ppreżenta fil-qosor lill-Kunsill il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli dwar "Strateġija Ewropea ta' Sigurtà Ekonomika" tal-20 ta' Ġunju 2023, li tiffoka fuq id-dimensjoni tal-politika barranija tagħha.

Il-Kunsill ser ikollu diskussjoni dwar dan is-suġġett fil-futur biex janalizza modi ġodda possibbli għall-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà ekonomika tal-UE f'kuntest ġeopolitiku diffiċli u li qed jevolvi malajr, u jikkunsidra l-użu possibbli tal-istrumenti disponibbli fil-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

Ġrajjiet kurrenti

Taħt ġrajjiet kurrenti l-Kunsill iddiskuta, fost l-oħrajn, iċ-Ċina, is-Summit UE-CELAC tas-17 u t-18 ta' Lulju, l-Armenja u l-Ażerbajġan, u l-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani.

Skambju informali mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet mas-Segretarju Blinken dwar kif jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-politika barranija bejn l-UE u l-Istati Uniti li diġà huma b'saħħithom, inkluż dwar kif tista' ssir ħidma flimkien fuq l-isfidi globali, l-approċċi rispettivi lejn iċ-Ċina u l-involviment ma' sħab emerġenti.

Din kienet ir-raba' darba li s-Segretarju Blinken ħa sehem f'laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin mill-konferma tiegħu 'l hawn.

Il-partijiet iddiskutew il-livell bla preċedent ta' kooperazzjoni tagħna b'rispons għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna - kemm fl-appoġġ lill-Ukrajna kif ukoll fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi globali tal-gwerra ta' Putin, u ddiskutew sensibilizzazzjoni u involviment koordinati ma' sħab oħra madwar id-dinja.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-Nazzjonijiet Uniti matul it-78 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Settembru 2023 – Settembru 2024.

Il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija tal-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), bħala l-qafas legali l-ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-istati membri tagħha u d-79 pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku, għall-għoxrin sena li ġejjin, li ser jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou.

Il-Kunsill:

  • impona s-seba' ċiklu ta' sanzjonijiet kontra sitt individwi u entità waħda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma
  • stabbilixxa reġim ġdid ta' sanzjonijiet li jippermetti lill-UEtelenka persuni u entitajiet Iranjani responsabbli għall-għoti ta' appoġġ militari permezz ta' droni għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u elenka wkoll sitt individwi taħt reġimi ta' sanzjonijiet oħra eżistenti
  • elenka 18-il individwu u ħames entitajiet responsabbli għal vjolenza abbażi tal-ġeneru u marbutin mal-każijiet ta' Navalny u Kara-Murza

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025