Il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
Il-ftehim ta' Samoa huwa l-qafas globali għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.
Il-Ftehim ta' Samoa
Ir-relazzjoni bejn l-UE u l-istati membri tagħha u l-istati membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) hija rregolata mill-Ftehim ta' Sħubija OSAKP-UE, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Samoa.
Dan il-ftehim ta' sħubija huwa l-qafas legali l-ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE ma' 77 pajjiż. Dawn jinkludu 47 pajjiż Afrikan, 15-il pajjiż tal-Karibew u 15-il pajjiż tal-Paċifiku.
Pajjiżi tal-Ftehim ta' Samoa:
- Angola
- Antigua u Barbuda
- Bahamas
- Barbados
- Belize
- Benin
- Botswana
- Burkina Faso
- Burundi
- Cabo Verde
- Kamerun
- Repubblika Ċentru-Afrikana
- Chad
- Comoros
- Kongo
- Gżejjer Cook
- Kosta tal-Avorju
- Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
- Djibouti
- Dominica
- Repubblika Dominicana
- Eritrea
- Eswatini
- Etjopja
- Fiġi
- Gabon
- Gambja
- Ghana
- Grenada
- Guinea
- Guinea-Bissau
- Guyana
- Haiti
- Ġamajka
- Kenja
- Kiribati
- Lesoto
- Liberja
- Madagascar
- Malawi
- Maldivi
- Mali
- Gżejjer Marshall
- Mauritania
- Mauritius
- Mikroneżja
- Mozambique
- Namibja
- Nauru
- Niġer
- Niġerja
- Niue
- Palau
- Papua New Guinea
- Rwanda
- Saint Kitts u Nevis
- Saint Lucia
- Saint Vincent u l-Grenadini
- Samoa
- São Tomé u Príncipe
- Senegal
- Seychelles
- Sierra Leone
- Gżejjer Solomon
- Somalja
- Sudan
- Suriname
- Tanzanija
- Timor Leste
- Togo
- Tonga
- Trinidad u Tobago
- Tuvalu
- Uganda
- Vanuatu
- Żambja
- Żimbabwe
Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE u tal-pajjiżi AKP biex jindirizzaw l-isfidi globali flimkien.
Jistabbilixxi prinċipji komuni u jkopri s-sitt oqsma ta' prijorità li ġejjin:
Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija
Il-paċi u s-sigurtà
L-iżvilupp
Il-migrazzjoni u l-mobbiltà
It-tibdil fil-klima
It-tkabbir ekonomiku
Il-ftehim jinkludi pedamentkomuni fil-livell tal-AKP flimkien ma' tliet protokolli reġjonali għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku b'enfasi fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni.
Fl-20 ta' Lulju 2023, il-Kunsill approva l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim ta' sħubija, bħala l-qafas legali ġdid għall-għoxrin sena li jmiss, li jieħu post il-ftehim ta' Cotonou.
Il-ftehim il-ġdid ġie ffirmat uffiċjalment fil-15 ta' Novembru 2023 mill-UE u l-istati membri tagħha u l-membri tal-OSAKP f'Samoa. L-applikazzjoni proviżorja tiegħu bdiet f'Jannar 2024.
- Il-Ftehim ta' Samoa (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Ftehim ta' Samoa: l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffirmaw Ftehim ta' Sħubija ġdid mal-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (stqarrija għall-istampa, 15 ta' Novembru 2023)
- Wara Cotonou: il-Kunsill japprova l-Ftehim ta' Sħubija l-ġdid mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (stqarrija għall-istampa, 20 ta' Lulju 2023)
Il-ftehim ta' Cotonou
Il-qafas ta' sħubija preċedenti, il-ftehim ta' Cotonou, ġie adottat fl-2000 biex jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta' Lomé tal-1975. Ġie konkluż għal perjodu ta' 20 sena.
Il-ftehim ta' Cotonou inizjalment kellu jiskadi fi Frar 2020. Id-dispożizzjonijiet tiegħu ġew estiżi sa ma l-ftehim ta' sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi AKP ikun applikat proviżorjament jew ikun daħal fis-seħħ.
Il-ftehim ta' Cotonou kellu l-għan li jnaqqas u eventwalment jeqred il-faqar u li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija.
Huwa msejjes fuq tliet pilastri:
- kooperazzjoni għall-iżvilupp
- kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali
- dimensjoni politika
Istituzzjonijiet konġunti (ftehim ta' Cotonou)
Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa l-istituzzjoni suprema tas-sħubija AKP-UE. Dan jiltaqa' darba fis-sena, b'mod alternat fi Brussell u f'pajjiż AKP, u huwa magħmul minn:
- membri tal-Kunsill tal-UE
- membru tal-Kummissjoni
- membru tal-gvern ta' kull Stat AKP
Il-kumitat tal-ambaxxaturi AKP-UE jassisti lill-Kunsill tal-Ministri u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Cotonou.
Il-kumitat ta' kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp AKP-UE jeżamina l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp u jissorvelja l-progress.
Il-kumitat ministerjali konġunt tal-kummerċ AKP-UE jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-kummerċ ta' interess għall-istati AKP kollha. Huwa jissorvelja n-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika. Jeżamina wkoll l-impatt tan-negozjati kummerċjali multilaterali fuq il-kummerċ AKP-UE u l-iżvilupp tal-ekonomiji AKP.
L-assemblea parlamentari konġunta AKP-UE hija korp konsultattiv magħmul minn numru indaqs ta' rappreżentanti tal-UE u tal-AKP. L-assemblea tippromwovi proċessi demokratiċi u tiffaċilita fehim aħjar bejn il-popli tal-UE u dawk tal-istati AKP. Barra minn hekk, hija tiddiskuti kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp u s-sħubija AKP-UE, inkluż il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika.
Oqsma ta' kooperazzjoni
1. Żvilupp
L-UE tappoġġa programmi u inizjattivi li jgawdu minnhom għadd ta' pajjiżi mill-grupp ta' stati AKP. Għandha wkoll programmi għal aktar tkabbir ekonomiku u żvilupp reġjonali għal reġjuni speċifiċi fi ħdan l-AKP.
Taħt il-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE 2021-2027, l-UE tiffinanzja l-biċċa l-kbira tal-programmi ta' żvilupp tagħha għall-pajjiżi sħab tal-AKP permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI). NDICI ser jingħata pakkett finanzjarju totali ta' madwar €79.5 biljun (fi prezzijiet attwali). Il-fond Ewropew għall-iżvilupp (FEŻ), li kien iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet diretti mill-istati membri, ma baqax jeżisti mill-2021.
2. Kummerċ
L-UE nnegozjat sensiela ta' ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) mad-79 pajjiż AKP. Dawn il-ftehimiet għandhom l-għan li joħolqu sħubija kondiviża dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostnuta mill-appoġġ għall-iżvilupp.
Il-Kunsill jipprovdi lill-Kummissjoni l-mandat biex tinnegozja dawn il-ftehimiet u jrid jiffirma l-ftehim finali ladarba jiġi ffinalizzat.
FSE ma' pajjiżi Afrikani
Negozjati dwar l-FSE reġjonali mas-16-il stat tal-Afrika tal-Punent, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent (WAEMU) ġew konklużi f'Lulju 2014. Bħalissa jinsab għaddej il-proċess tal-iffirmar. Sal-adozzjoni tal-FSE reġjonali sħiħ mal-Afrika tal-Punent, il-ftehimiet "interim" ta' sħubija ekonomika mal-Kosta tal-Avorju u l-Ghana daħlu f'applikazzjoni proviżorja fit-3 ta' Settembru 2016 u fil-15 ta' Diċembru 2016 rispettivament.
F'Lulju 2014 ġew konklużi wkoll b'suċċess negozjati ma' pajjiżi fil-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika. Il-ftehim ġie ffirmat fl-10 ta' Ġunju 2016 f'Kasane, il-Botswana. Dan beda japplika b'mod proviżorju fl-10 ta' Ottubru 2016.
- L-UE għandha tiffirma ftehim ta' sħubija ekonomika mal-Grupp tal-FSE tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (stqarrija għall-istampa, 1 ta' Ġunju 2016)
- FSE mal-istati tal-SADC aderenti mal-FSE
F'Ottubru 2014 ġew konklużi b'suċċess negozjati mal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant. Bħalissa jinsab għaddej il-proċess tal-iffirmar.
Il-Kamerun kien l-uniku pajjiż fir-reġjun li ffirma l-FSE bejn l-UE u l-Afrika Ċentrali fil-15 ta' Jannar 2009. Fl-4 ta' Awwissu 2014 il-ftehim beda japplika b'mod proviżorju.
Fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, Mauritius, is-Seychelles, iż-Żimbabwe u l-Madagascar iffirmaw FSE fl-2009. Il-ftehim beda jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-14 ta' Mejju 2012.
FSE fir-reġjun tal-Karibew
F'Ottubru 2008, l-UE ffirmat FSE mal-Forum tal-Karibew (CARIFORUM), grupp ta' 15-il stat tal-Karibew. L-FSE bejn il-CARIFORUM u l-UE beda jiġi applikat b'mod proviżorju mid-29 ta' Diċembru 2008.
FSE fir-reġjun tal-Paċifiku
L-FSE interim bejn l-UE u l-istati AKP tal-Paċifiku ġie ffirmat minn Papua New Guinea f'Lulju 2009 u minn Fiġi f'Diċembru 2009. Papua New Guinea rratifikatu f'Mejju 2011. F'Lulju 2014, Fiġi ddeċieda li jibda japplika l-ftehim b'mod proviżorju. Mill-14-il pajjiż tal-Paċifiku, Papua New Guinea u Fiġi jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kummerċ bejn l-UE u l-Paċifiku. Samoa aderiet mal-FSE fil-21 ta' Diċembru 2018 u l-Gżejjer Solomon fis-17 ta' Mejju 2020.
3. Migrazzjoni
Il-migrazzjoni hija aspett importanti tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-AKP. Il-qafas għall-kooperazzjoni f'dan il-qasam huwa stabbilit fl-artikolu 13 tal-ftehim ta' Cotonou.
Dan l-artikolu jinkludi paragrafi dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet f'pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, il-migrazzjoni legali u r-ritorn ta' immigranti illegali.
F'Novembru 2015, l-UE u l-mexxejja Afrikani tal-pajjiżi l-aktar ikkonċernati kellhom summit biex isaħħu l-kooperazzjoni politika fil-qasam tal-migrazzjoni. Huma qablu dwar pjan ta' azzjoni, inkluż 16-il azzjoni konkreta. Barra minn hekk, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika kien ukoll imniedi waqt is-summit.
Reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew qed jaħdmu biex jistabbilixxu politika komprensiva Ewropea dwar il-migrazzjoni
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Jannar 2025