Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 14 ta' Ottubru 2024

Riżultati ewlenin

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Andrii Sybiha, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-Ukrajna, speċjalment f'termini ta' sistemi ta' difiża tal-ajru u infrastruttura tal-enerġija.

Fid-diskussjoni li segwiet, il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-appoġġ tal-UE għall-Formula ta' Paċi tal-President Zelensky u l-appoġġ militari tal-UE lill-Ukrajna. Ir-Rappreżentant Għoli ċċara li hemm loġika strateġika fit-tisħiħ tal-Ukrajna fuq il-livell politiku u militari biex tiffavorixxi negozjati għall-paċi, u li l-paċi ma tistax tiġi konfuża mal-kapitulazzjoni.

Ir-Rappreżentant Għoli semma l-attakki Russi reċenti kontra l-infrastruttura tal-enerġija u tal-portijiet, kif ukoll l-esportazzjonijiet taċ-ċereali, u ssottolinja l-ħtieġa li Putin ma jitħalliex jipperikola s-sigurtà dinjija tal-ikel jew jirnexxi fl-isforzi tiegħu biex juża x-xitwa bħala arma.

<p>Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</p>

Ser nestendu l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea (b'appoġġ għall-Ukrajna) għas-sentejn li ġejjin. Nittama li nilħqu kunsens biex inżidu l-mandat tagħha.

Jeħtieġ ukoll li finalment insibu kunsens dwar il-proposti tiegħi biex niżblukkaw il-Faċilità Ewropea għall-Paċi/il-Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna. Kważi rnexxielna.

<p>Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</p>

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet mal-Mibgħut Speċjali tal-UE David O'Sullivan dwar l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE u l-isforzi biex tiġi miġġielda ċ-ċirkomvenzjoni. Ir-Rappreżentant Għoli ssottolinja li sar progress fl-indirizzar taċ-ċirkomvenzjoni, iżda jeħtieġ li jsir aktar biex ikompli jiġi miġġieled dan il-fenomenu, inkluż fl-istati membri tal-UE.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet, il-Kunsill dan l-aħħar adotta reġim ġdid immirat lejn attivitajiet ibridi Russi kontra l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha, u llum ittieħdu miżuri restrittivi kontra seba' individwi u seba' entitajiet wara t-trasferimenti ta' missili u droni mill-Iran lejn ir-Russja.

Skambju informali ta' fehmiet mas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp

Il-ministri kellhom skambju informali ta' fehmiet, l-ewwel tat-tip tiegħu mill-Brexit 'l hawn, mas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp, David Lammy, biex jevalwaw flimkien għadd ta' kwistjonijiet barranin, ta' sigurtà u ta' difiża ewlenin fil-kuntest ġeopolitiku attwali.

L-iskambju wera konverġenza kbira. Ir-Renju Unit u l-UE kienu flimkien fuq quddiem nett tar-rispons internazzjonali għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u huma magħqudin fl-appell għal waqfien mill-ġlied f'Gaża u biex titreġġa' lura l-eskalazzjoni serja fil-Lvant Nofsani.

Ir-Rappreżentant Għoli kkonkluda li l-partijiet jikkunsidraw konsultazzjonijiet regolari bejn l-UE u r-Renju Unit dwar suġġetti speċifiċi, bħall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-reġjun Indo-Paċifiku jew il-Balkani tal-Punent.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, b'enfasi fuq is-sitwazzjoni fuq il-post fir-reġjun kollu. Il-ministri ttrattaw is-sitwazzjoni fil-Libanu, l-attakki tal-Iran fuq Iżrael, is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u l-iżviluppi fix-Xatt tal-Punent.

Fir-rigward tal-Libanu, l-UE kienet ħarġet stqarrija fejn ikkundannat l-attakki kollha kontra l-missjonijiet tan-NU, u fejn esprimiet tħassib partikolarment serju dwar l-attakki mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani (IDF) kontra l-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL), li ħallew bosta membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi midruba. Il-Kunsill ikkonferma li attakki bħal dawn kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali, huma totalment inaċċettabbli, u jridu jieqfu minnufih.

Illum il-ministri tennew l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-UNIFIL. Ħadd ma qed jitlob lill-UNIFIL biex tirtira. U tajjeb li kulħadd ikun jaf li mhuwiex is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jrid jiddeċiedi jekk l-UNIFIL tibqax jew titlaqx. Din id-deċiżjoni hija f'idejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

[...] Hawnhekk illum, l-ebda stat membru ma kien favur l-irtirar tal-UNIFIL. Allura jekk m'għandhomx għalfejn jirtiraw, iridu jibqgħu. U jekk ikollhom jibqgħu, iridu jibqgħu mingħajr periklu.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ir-Rappreżentant Għoli tkellem ukoll dwar l-appoġġ tal-UE lill-UNRWA, l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib, u t-talba li saret lill-Kummissjoni biex il-porzjon li jmiss tal-appoġġ tal-UE jkun disponibbli għall-UNRWA minnufih fil-jiem li ġejjin.

Fl-aħħar nett, matul id-diskussjoni l-Kunsill tenna l-appell tiegħu għal waqfien mill-ġlied f'Gaża, il-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi, u konformità sħiħa mad-dritt umanitarju. Il-ministri ttrattaw ukoll it-tħejjijiet għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, li kien intalab minn diversi stati membri fil-passat.

Ġrajjiet kurrenti

Taħt Ġrajjiet Kurrenti, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar:

− il-proċess ta' normalizzazzjoni bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan

− il-Georgia qabel l-elezzjonijiet parlamentari fis-26 ta' Ottubru

− ir-Repubblika tal-Moldova qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum dwar l-adeżjoni mal-UE fl-20 ta' Ottubru. Il-Kunsill adotta wkoll miżuri restrittivi mmirati lejn ħames individwi u entità waħda responsabbli għal azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova

− il-Qarn tal-Afrika b'enfasi fuq is-Sudan u s-Somalja, u

− Il-Venezwela wara l-elezzjonijiet tat-28 ta' Lulju.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill estenda l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi imposti fuq 25 persuna u 3 entitajiet għal sena addizzjonali, sas-16 ta' Ottubru 2025.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Marzu 2025