"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Andrii Sybiha, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi kemm fuq il-livell politiku kif ukoll is-sitwazzjoni fuq il-post.
Huwa ċar li l-istati membri kollha tal-UE jridu l-paċi. [...] Madankollu qed naraw li r-Russja trid il-gwerra għax ilbieraħ stess rajna l-aktar attakk imdemmi, u attakki mill-ajru fuq Sumy matul tmiem il-ġimgħa. Jidher ċar li qed itawlu u ma jridu l-paċi bl-ebda mod. Għalhekk l-uniku mod kif nikkonvinċu lir-Russja tinnegozja bis-serjetà huwa, li nżidu l-pressjoni.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-Kunsill iddiskuta appoġġ militari msaħħaħ tal-UE. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li l-UE hija l-akbar fornitur ta' għajnuna militari lill-Ukrajna, iżda wkoll l-akbar sostenitur tal-industrija tad-difiża Ukrena, peress li l-pajjiżi Ewropej s'issa impenjaw aktar minn €23 biljun għal għajnuna militari lill-Ukrajna din is-sena.
Il-Kunsill ddiskuta wkoll it-taħriġ tas-suldati Ukreni permezz ta' EUMAM Ukraine, li s'issa ħarrġet aktar minn 73,000 suldat. Il-Kunsill iddiskuta x'jista' jsir aktar fir-rigward tal-missjoni.
Fir-rigward tal-inizjattiva tar-Rappreżentant Għoli dwar it-twassil ta' 2 miljun ċiklu ta' munizzjon lill-Ukrajna, ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li żewġ terzi tal-mira kienu diġà ntlaħqu, u li maġġoranza kbira tal-istati membri qablu li l-UE kellha tagħmel aktar.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill eżamina s-sitwazzjoni attwali tas-sanzjonijiet kontra r-Russja, u r-Rappreżentant Għoli ħabbar li bdiet il-ħidma fuq is-17-il pakkett ta' sanzjonijiet li jiffoka fuq il-flotta mistura u elementi oħra.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar il-Lvant Nofsani, inkluż l-iżviluppi fis-Sirja.
Ir-Rappreżentant Għoli aġġornat lill-ministri dwar iż-żjara reċenti tagħha fir-reġjun, u d-diskussjonijiet li saru hemmhekk dwar il-Pjan Għarbi ta' Rkupru u Rikostruzzjoni.
Dak li jaqblu dwaru l-istati membri kollha huwa li nappoġġaw is-soluzzjoni ta' żewġ stati. Ipproponejna wkoll €1.6 biljun fuq tliet snin b'appoġġ għall-Awtorità Palestinjana, li għandha tkun dik li tipprovdi s-servizzi, u lill-Palestinjani.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Ir-Rappreżentant Għoli ssottolinjat li s-sitwazzjoni ġenerali hija gravi ħafna u li r-ritorn għall-mejda tan-negozjati huwa ta' importanza kbira sabiex ikun jista' jerġa' jibda l-waqfien mill-ġlied, il-ħelsien tal-ostaġġi u l-aċċess mingħajr xkiel u d-distribuzzjoni sostnuta tal-assistenza umanitarja fuq skala kbira lejn u madwar Gaża.
Ir-Rappreżentant Għoli qalet li l-Kunsill laqa' l-Pjan Għarbi, iżda enfasizzat li jonqsu elementi importanti bħall-finanzjament, is-sigurtà u l-governanza ta' Gaża, u li l-UE ser taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha biex tkompli l-ħidma fuq dawn is-suġġetti.
Il-Kunsill imbagħad kellu diskussjoni dwar is-Sirja u partikolarment jekk għandux jkompli jtaffi s-sanzjonijiet tal-UE jew le. F'dan il-kuntest ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li l-Kunsill qabel li jevalwa l-proċess, iżda wkoll li jaħdem biex jipproponi l-passi li jmiss, filwaqt li jżomm f'moħħu l-kondizzjonalitajiet u l-linji ħomor magħrufa sew tal-UE.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA), li s-sħubija tagħha tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha fl-2025.
Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li l-istati membri kollha tal-UE riedu aktar involviment mal-pajjiżi Afrikani, u li kien importanti li ma jintilfux għal xi influwenza esterna, bħar-Russja jew iċ-Ċina. Hija semmiet ukoll it-tielet laqgħa ministerjali UE-UA li jmiss, skedata għall-21 ta' Mejju fi Brussell, u qalet li l-Kunsill iddiskuta liema riżultati konkreti jista' jippreżenta waqt dik il-laqgħa.
Il-Kunsill imbagħad iddiskuta s-sitwazzjoni fis-Sudan, li sentejn wara l-bidu tal-gwerra qed jiffaċċja kriżi umanitarja bħal qatt qabel. Id-diskussjoni indirizzat is-sitwazzjoni umanitarja u l-konferenza li ser tiġi ospitata b'mod konġunt mill-UE, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, f'Londra fil-15 ta' April
Balkani tal-Punent
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab tal-Balkani tal-Punent, b'enfasi fuq kif tista' tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża meta jiġu ffaċċjati l-isfidi politiċi, u kif jiġu promossi l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun. Id-dibattitu dwar l-UE 27 sar wara l-ikla informali mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Balkani tal-Punent lejliet il-Kunsill.
Ir-Rappreżentant Għoli saħqet li l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun huma essenzjali għall-UE.
Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina u s-Serbja, u kkonferma l-ħtieġa għal normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo*
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Deċiżjonijiet oħra
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq seba' individwi addizzjonali u żewġ entitajiet responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż għall-użu tal-ġudikatura bħala għodda għad-detenzjoni arbitrarja.
Il-Kunsill irreveda l-qafas tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, billi adotta deċiżjoni li temenda l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill li tiddefinixxi r-regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġija u tat-tagħmir militari, u billi approva konklużjonijiet dwar is-suġġett.
Il-Kunsill żied l-ammont ta' referenza finanzjarja għall-EU BAM Rafah b'aktar minn €4 300 000 sat-30 ta' Ġunju 2025. Din id-deċiżjoni ser tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iskjerament mill-ġdid tal-missjoni fil-Punt ta' Qsim tal-Fruntiera ta' Rafah, li ġie awtorizzat f'Jannar 2025 bħala konsegwenza tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied f'Gaża.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.