Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 20 ta' Novembru 2025

Riżultati ewlenin

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Andrii Sybiha, li ta ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni fuq il-post u l-aktar prijoritajiet urġenti tal-Ukrajna.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

L-Unjoni Ewropea minn dejjem appoġġat paċi ġusta, dejjiema u komprensiva. [...] Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx. Biex kwalunkwe pjan ta' paċi jirnexxi, irid jiġi appoġġat mill-Ukrajna, u jrid jiġi appoġġat mill-Ewropa. [...] L-UE għandha pjan b'żewġ punti ċar ħafna: l-ewwel, li ddgħajjef lir-Russja u t-tieni, li tappoġġa lill-Ukrajna.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Id-diskussjoni sussegwenti tal-UE27 iffukat fuq modi kif tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja, b'mod partikolari permezz ta' miżuri biex tiġi mfixkla l-flotta mistura. F'dan il-kuntest, il-Kunsill ġie infurmat mid-Direttur tal-INTCEN tal-UE, Daniel Markić, u l-mibgħut tas-sanzjonijiet tal-UE, David O’Sullivan, dwar l-impatt tas-sanzjonijiet.

Id-data hija ċara ħafna. L-esportazzjoni taż-żejt mhux maħdum Russu ilha xhur ma tkun daqshekk baxxa. Id-dħul mit-taxxa Russu miż-żejt huwa l-aktar baxx minn meta bdiet il-gwerra. Is-sanzjonijiet qed jolqtu sew lir-Russja u hemm aktar ġejjin.

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Il-ministri kienu tal-istess fehma li l-prijorità tal-UE għandha tibqa' l-attenzjoni fuq il-flotta mistura Russa u li l-ħidma biex jiġu imposti aktar miżuri restrittivi fuq il-flotta mistura għandha tkompli.

Bosta ministri semmew ukoll l-importanza tal-appoġġ finanzjarju għall-Ukrajna.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ġie infurmat dwar l-attakki reċenti fuq in-network ferrovjarju tal-Polonja u azzjonijiet ibridi oħra kontra stati membri Ewropej.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

Dwar Gaża, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal forza ta' stabbilizzazzjoni internazzjonali ġġib bidla radikali. Il-paċi tiddependi fuq li l-Ħamas ma jkollux rwol, iżda tiddependi wkoll fuq li s-sħab internazzjonali jkollhom rwol. Il-persunal tal-UE diġà qed jaħdem fiċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni, b’enfasi fuq kwistjonijiet umanitarji u ta' sigurtà.

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Il-Kunsill iddiskuta possibbiltajiet differenti biex jiġi estiż l-użu tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE fuq il-post, u b'mod partikolari biex il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) f'Rafah tiġi estiża għal punti ta' qsim oħra. Il-ministri ddiskutew ukoll jekk il-missjoni ta' appoġġ tal-pulizija tal-UE għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) tistax tkun minn ta' quddiem fit-taħriġ tal-pulizija Palestinjana.

Ikla informali ta' nofsinhar tal-ministri UE-ASEAN

Il-ministri għall-affarijiet barranin kellhom ikla informali ta' nofsinhar dwar ir-relazzjonijiet UE-ASEAN mal-ministri mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja. L-enfasi tad-diskussjoni kienet fuq kif l-UE u l-ASEAN jistgħu japprofondixxu l-kooperazzjoni fir-rigward tar-reżiljenza ġeopolitika u s-sigurtà kif ukoll iħejju għall-50 anniversarju tar-relazzjonijiet bilaterali fl-2027.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

Matul il-ftit jiem li ġejjin, għandna 70 delegazzjoni fil-belt għall-Forum Indo-Paċifiku tagħna. Is-sigurtà tagħna hija interkonnessa. Dak li jiġri fl-Ewropa huwa importanti fl-Asja. Dak li jiġri fl-Asja huwa importanti fl-Ewropa. Mis-sigurtà ekonomika sal-ktajjen tal-provvista u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, il-ħidma mas-sħab tagħna tal-Indo-Paċifiku hija tweġiba għal dinja aktar perikoluża.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Is-Saħel

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fis-Saħel, u vvalida l-prinċipji ta' approċċ imġedded tal-UE għar-reġjun tas-Saħel. L-approċċ jiffoka fuq l-involviment politiku u diplomatiku, is-sigurtà tal-bniedem u l-opportunitajiet ekonomiċi, u l-għan tiegħu huwa li jiġu prevenuti aktar kunflitti, jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata.

Sudan

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fis-Sudan wara l-ħtif ta' El Fasher mill-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) u adotta miżuri restrittivi kontra Abdelrahim Hamdan Dagalo, il-viċi kmandant tal-RSF. L-UE ser iżżomm lis-Sudan fuq quddiem tal-aġenda u tiddiskuti kwalunkwe miżura xierqa oħra.

Barra minn hekk, l-UE ħarġet dikjarazzjoni tappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jerġgħu jibdew in-negozjati biex jinkiseb waqfien mill-ġlied immedjat u dejjiemi.

Punti oħra fuq l-aġenda

Il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq għaxar individwi responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja.

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jilqgħu l-patt għall-Mediterran, li jikkonfermaw li r-reġjun tal-Mediterran huwa prijorità strateġika għall-UE.

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-avvanz fl-istrateġija diġitali internazzjonali għall-UE. Il-konklużjonijiet jistabbilixxu viżjoni ambizzjuża dwar kif l-UE ser tinvolvi ruħha fl-affarijiet diġitali globali.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 19 ta' Diċembru 2025