Sudan
L-UE ilha tappoġġa b'mod attiv l-isforzi internazzjonali biex jinkisbu l-paċi u l-istabbiltà fis-Sudan sa mill-bidu tal-gwerra fl-2023. L-UE u l-istati membri tagħha flimkien huma l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja lis-Sudan.
Il-kriżi fis-Sudan
Il-poplu Sudaniż ġarrab għexieren ta' snin ta' kunflitt, inkluż it-tieni gwerra ċivili Sudaniża bejn l-1983 u l-2005 u l-gwerra f'Darfur bejn l-2003 u l-2020, li wasslu għal instabbiltà politika, ta' sigurtà u ekonomika fis-Sudan.
Sa minn April 2023, is-Sudan qed jiffaċċa gwerra ċivili ġdida li tinvolvi żewġ fazzjonijiet: il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF), kif ukoll il-milizzji affiljati rispettivi tagħhom.
Il-gwerra bejn l-SAF u l-RSF aggravat il-kriżi umanitarja li diġà kienet kritika u kkawżat insigurtà akuta tal-ikel, inkluż il-karestija. Barra minn hekk, hemm rapporti ta' abbużi u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem, bħal:
- attakki kontra persuni ċivili bbażati fuq l-allegata affiljazzjoni jew l-etniċità tagħhom
- vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru
- attakki mmirati fuq il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u l-infrastruttura tal-enerġija
- reklutaġġ u użu tat-tfal mill-fazzjonijiet fil-gwerra
Is-Sudan ġie affettwat ukoll b'mod sinifikanti minn eventi ta' temp estrem assoċjati mat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar u n-nixfiet.
Skont in-Nazzjonijiet Uniti, aktar minn 33.7 miljun persuna jeħtieġu assistenza umanitarja b'mod urġenti. Dan huwa ekwivalenti għal 65% tal-popolazzjoni Sudaniża. Huwa stmat li 19-il miljun persuna (tnejn minn kull ħames Sudaniż) qed jiffaċċaw livelli għoljin ta' insigurtà tal-ikel akuta.
Is-Sudan bħalissa qed jiffaċċa l-akbar kriżi ta' spostamenti fid-dinja, b'aktar minn 9 miljun persuna spostati internament u aktar minn 4.4 miljun persuna li ħarbu mis-Sudan, prinċipalment lejn pajjiżi ġirien.
Għal dawn l-aħħar 15-il sena, is-Sudan kien konsistentement fost l-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja bl-ogħla numru ta' persuni spostati internament minħabba kunflitt u vjolenza.
Il-UNICEF jistma li madwar 8.4 miljun tifel u tifla (mis-16.5 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola) fis-Sudan ma jmorrux skola. Huwa stmat li 65% tal-popolazzjoni tas-Sudan ma għandhiex aċċess għal kura tas-saħħa essenzjali.
Qed jiġu rrapportati fil-pajjiż kollu nuqqas ta' ikel, ilma nadif, mediċini, flus kontanti u fjuwil, flimkien ma' komunikazzjonijiet u elettriku limitati.
Sors tad-data:
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan
Fl-20 ta' Ottubru 2025, il-Kunsill approva konklużjonijiet li jikkundannaw bil-qawwa l-kunflitt li għaddej fis-Sudan li, għal aktar minn sentejn, wassal għat-telf ta' eluf ta' ħajjiet u kkawża tbatija enormi għall-poplu Sudaniż. Il-kunflitt joħloq ukoll theddida serja għall-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun kollu.
L-UE hija mħassba ħafna dwar l-unità, l-integrità territorjali u l-istabbiltà tas-Sudan, bi frammentazzjoni dejjem akbar abbażi ta' linji politiċi u etniċi, aggravata aktar mill-ħolqien ta' strutturi governattivi paralleli. L-UE tirrifjuta kwalunkwe tentattiv ta' diviżjoni tas-Sudan.
L-UE tenfasizza li r-responsabbiltà primarja għat-tmiem tal-kunflitt hija kemm tat-tmexxija tal-Forzi Armati Sudaniżi kif ukoll tat-tmexxija tal-Forzi ta' Appoġġ Rapidu, u dawk li jappoġġaw lil dawn l-entitajiet. L-UE ddefiniet it-talbiet li ġejjin għall-partijiet kollha fil-kunflitt:
- involviment kostruttivfin-negozjati lejn waqfien mill-ġlied immedjat u fi proċess kredibbli u inklużiv ta' medjazzjoni għall-paċi, li jwassal għal waqfien sostnut tal-ostilitajiet
- l-iżgurar ta' aċċess umanitarju rapidu, mingħajr xkiel u sostenibbli u l-protezzjoni taċ-ċivili fis-Sudan kollu
- impenji kredibbli biex tiġi ffaċilitata governanza ċivili ġenwinament inklużiva, rappreżentattiva u indipendenti
- ir-restawr u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u l-ġustizzja fis-Sudan
L-UE lesta żżid l-impenn tagħha mal-partijiet fil-kunflitt, dment li jkun hemm progress kredibbli lejn il-kisba tat-talbiet ewlenin tal-UE.
Bħala kopresident tal-konferenzi ta' Pariġi u Londra għas-Sudan u l-pajjiżi ġirien tiegħu, l-UE wriet l-impenn tagħha li tappoġġa lill-poplu tas-Sudan u li jkollha rwol attiv fl-indirizzar tal-kunflitt b'mod komprensiv.
L-UE ser tibqa' involuta b'mod attiv, inkluż fl-ogħla livell, u ser taġixxi b'vuċi waħda, filwaqt li tippromwovi formati inklużivi u tiżgura koordinazzjoni sħiħa ma' atturi rilevanti tal-istess fehma. Hija ser tkompli tuża - u fejn possibbli tintensifika - l-użu tal-firxa sħiħa ta' strumenti ta' politika barranija għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż fejn xieraq, miżuri restrittivi mmirati biex tikseb riżoluzzjoni paċifika għall-kriżi.
L-UE tirrikonoxxi d-drittijiet inerenti tal-poplu Sudaniż għal-libertà, il-paċi u l-ġustizzja, u ttenni l-impenn sod tagħha li takkumpanja lis-Sudan fl-isforzi tiegħu biex jippreserva l-unità u l-integrità territorjali tiegħu, u biex jikseb stabbiltà dejjiema, demokrazija u prosperità sostenibbli.
Appoġġ umanitarju għall-poplu Sudaniż
L-UE u s-27 stat membru tagħha flimkien jikkostitwixxu l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja lis-Sudan. Bejn l-2023 u l-2026, l-UE allokat €598.3 miljun f'assistenza lill-persuni l-aktar vulnerabbli fis-Sudan.
Meta jitqies l-appoġġ li ngħata wkoll lill-pajjiżi ġirien li sfaw affettwati mill-kriżi tas-Sudan – bħaċ-Ċad, is-Sudan t'Isfel, l-Etjopja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, l-Uganda, l-Eġittu u l-Libja – il-kontribuzzjoni totali tal-UE għall-perjodu mill-2023 sal-2026 tammonta għal €974.8 miljun. Dawk iċ-ċifri ma jinkludux l-assistenza umanitarja li ngħatat mill-istati membri individwali tal-UE.
Barra minn hekk, fil-15 ta' April 2026, fit-tielet konferenza internazzjonali dwar is-Sudan, l-UE, flimkien mal-istati membri tagħha, wiegħdet aktar minn €812 miljun f'għajnuna biex tirrispondi b'mod urġenti għall-emerġenza li hemm bħalissa fil-pajjiż, kemm ġewwa l-fruntieri tiegħu kif ukoll lil hinn minnhom.
Minn dik il-wegħda totali, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea hija ta' €360.8 miljun, li minnhom €215.5 miljun ser jappoġġaw lill-persuni fil-bżonn fis-Sudan, u €145.3 miljun ser jgħinu fir-rispons għall-kriżi reġjonali tar-refuġjati kkawżata mill-gwerra.
L-għajnuna umanitarja tal-UE tipprovdi lill-komunitajiet Sudaniżi:
assistenza għall-ikel u n-nutrizzjoni
ilma u faċilitajiet sanitarji
kura tas-saħħa
kenn
edukazzjoni
assistenza fi flus
L-UE tikkontribwixxi wkoll għat-trattament nutrizzjonali u l-kura tat-tfal taħt il-ħames snin, u n-nisa tqal jew li qed ireddgħu, madwar is-Sudan.
L-assistenza titwassal permezz ta' aġenziji tan-NU, organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi, u l-moviment tas-Salib l-Aħmar.
L-UE qed tippromwovi wkoll il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali għal aċċess mingħajr xkiel u sikur għall-għajnuna umanitarja, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u s-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji.
Sanzjonijiet relatati mas-Sudan
L-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan
L-UE stabbiliet qafas ġdid ta' sanzjonijiet relatat mas-Sudan f'Ottubru 2023, b'reazzjoni għall-kunflitt bejn l-RSF u l-SAF.
Dan il-qafas huwa mmirat lejn persuni u entitajiet responsabbli għal jew involuti fi:
- azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan
- l-ostakolar jew l-imminar tal-isforzi biex titkompla t-tranżizzjoni politika demokratika fis-Sudan
- l-ostakolar tat-twassil ta' assistenza umanitarja, l-aċċess għaliha jew id-distribuzzjoni tagħha fis-Sudan
- l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sudan
Is-sanzjonijiet japplikaw għal individwi u entitajiet li jappartjenu għall-SAF jew għall-RSF jew li huma affiljati magħhom, kif ukoll individwi u entitajiet assoċjati magħhom. Dawn jinkludu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi, l-iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet u projbizzjoni tat-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk l-individwi jew entitajiet li huma sanzjonati.
18-il individwu u 8 entitajiet huma sanzjonati taħt dan ir-reġim, li ġie estiż sal-10 ta' Ottubru 2026.
L-impożizzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet tissottolinja l-appoġġ sod tal-UE għall-paċi u r-responsabbiltà fis-Sudan. L-UE, f'koordinazzjoni mal-komunità internazzjonali, ser tuża l-għodod u l-istrumenti diplomatiċi tagħha, inkluż sanzjonijiet, biex tfittex riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt, tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja serja fil-pajjiż u lil hinn minnu u biex trawwem proċess politiku dejjiemi u inklużiv li jirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-poplu Sudaniż.
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Embargo fuq l-armi
L-UE ilha mill-1994 tpoġġi taħt embargo l-provvista ta' armi lis-Sudan. Fl-2005, l-UE implimentat is-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-Sudan relatati mal-kunflitt f'Darfur billi għaqqdithom mal-embargo eżistenti tal-UE fuq l-armi fuq is-Sudan.
Fl-2011, wara l-indipendenza tas-Sudan t'Isfel, l-UE emendat l-embargo fuq l-armi biex ikopri kemm is-Sudan kif ukoll is-Sudan t'Isfel. Madankollu, fl-2014, l-UE ddeċidiet li tissepara l-oqfsa ta' sanzjonijiet li jikkonċernaw iż-żewġ pajjiżi.
Taħt ir-reġim tas-Sudan, iċ-ċittadini tal-UE huma pprojbiti milli jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet li ġejjin ma' kwalunkwe persuna jew korp fis-Sudan jew għall-użu fis-Sudan:
- ifornu, ibiegħu, jittrasferixxu jew jesportaw armi jew tagħmir militari relatat ta' kull tip
- jipprovdu assistenza teknika, senserija u servizzi oħrajn relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u tagħmir militari relatat
- jiffinanzjaw jew joffru assistenza finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari
Id-deċiżjoni imponiet projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq ħames individwi meqjusa li:
- jimpedixxu l-proċess ta' paċi
- jikkostitwixxu theddida għall-istabbiltà fid-Darfur u r-reġjun
- iwettqu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jew tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew atroċitajiet oħra
- jiksru l-embargo fuq l-armi u/jew huma responsabbli għal titjiriet militari offensivi fir-reġjun tad-Darfur u fuqu
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Ara wkoll
Rispons għall-kriżijiet
Għajnuna umanitarja
Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' April 2026