"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Andrii Sybiha, li ngħaqad mal-laqgħa fiżikament biex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni fuq il-post, il-prijoritajiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna u l-iżviluppi diplomatiċi li għaddejjin.
Il-Kunsill imbagħad kellu diskussjoni dwar kif tista' tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja, inkluż permezz tad-19-il pakkett ta' sanzjonijiet.
L-Ukrajna diġà ilha lesta għal waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet minn Frar, iżda r-Russja ma għandha l-ebda interess ġenwin fil-paċi. Ilkoll kemm aħna nappoġġaw l-isforzi tal-President Trump biex tintemm il-gwerra, iżda Putin ser jinnegozja bis-serjetà biss jekk jaħseb li qed jitlef.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Id-diskussjoni tal-Kunsill imbagħad iffukat fuq kif l-Ukrajna tista' tkompli tiġi appoġġata kemm militarment kif ukoll finanzjarjament, inkluż permezz tal-użu ta' assi immobilizzati, kif ukoll fil-kuntest tal-attakki Russi reċenti fuq l-infrastruttura tal-enerġija u t-tħejjija għax-xitwa.
Kif smajna mill-Ministru Sybiha, l-attakki terroristiċi tar-Russja fuq il-grilja tal-enerġija qed jintensifikaw. Ir-Russja tfittex li tagħmel kemm jista' jkun ħsara lill-persuni ċivili. Illum, stedinna lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri addizzjonali biex tiġi appoġġata aħjar is-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna. L-istati membri qablu wkoll li jitolbu lil pajjiżi terzi jiżguraw tagħmir ta' tiswija u jżidu l-konsenji tal-gass lill-Ukrajna.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Ir-Rappreżentant Għoli mbagħad tkellmet dwar il-flotta mistura ta' Moska, u ħabbret reazzjonijiet Ewropej aktar robusti kontriha, u koordinazzjoni aħjar.
Fl-aħħar nett, ir-Rappreżentant Għoli infurmat lill-Kunsill li s'issa 26 stat membru impenjaw ruħhom li jsiru partijiet għat-Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna.
Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun Indo-Paċifiku u approva żewġ settijiet ta' konklużjonijiet dwar l-Indja u l-Indo-Paċifiku rispettivament.
Dan ir-reġjun huwa sieħeb ewlieni għall-Unjoni Ewropea. Flimkien, aħna responsabbli għal aktar minn 70% tal-kummerċ dinji fil-prodotti u s-servizzi. Ix-xahar id-dieħel, ser nospitaw il-Forum Ministerjali bejn l-UE u l-Indo-Paċifiku fi Brussell, li ser ilaqqa' madwar 80 delegazzjoni, u b'hekk dan ikun waħda mill-akbar laqgħat diplomatiċi fl-Ewropa din is-sena. Dan jirrifletti l-impenn tagħna għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab dwar il-kummerċ, it-teknoloġija u s-sigurtà.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fid-dawl tal-ftehim dwar l-ewwel fażi tal-Pjan Komprensiv biex jintemm il-Kunflitt ta' Gaża mressaq mill-President Trump fid-29 ta' Settembru, u l-ftehim li tinbeda l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tiegħu fl-10 ta' Ottubru, li tinkludi waqfien mill-ġlied.
Dwar il-Lvant Nofsani, il-waqfien mill-ġlied f'Gaża għadu kif iffaċċa l-ewwel test tal-istress importanti tiegħu. L-attakki tal-Ħamas fuq persuni ċivili Palestinjani u r-rifjut tiegħu li jiddiżarma jagħmlu l-waqfien mill-ġlied dejjem aktar fraġli. L-UE hija l-akbar sostenitur finanzjarju tal-Awtorità Palestinjana u l-akbar donatur umanitarju ta' Gaża. Il-missjoni tagħna ta' assistenza fil-fruntieri tinsab lesta biex tiġi skjerata.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-Kunsill iddiskuta kif l-UE tista' tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-pjan ta' paċi, inkluż billi tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-governanza u r-rikostruzzjoni. Il-ministri indirizzaw ukoll il-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta' Iżrael.
Il-waqfien mill-ġlied biddel il-kuntest, u dan huwa ċar għal kulħadd. Madankollu, sakemm ma narawx bidla reali u sostnuta fil-prattika, inkluż aktar għajnuna li tilħaq lil Gaża, it-theddida tas-sanzjonijiet tibqa' fuq il-mejda.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Taħt ġrajjiet kurrenti, ir-Rappreżentant Għoli tkellmet dwar ir-Repubblika tal-Moldova u l-eżitu tal-elezzjoni reċenti, li wera appoġġ qawwi għal futur Ewropew. Il-Kunsill iddiskuta t-tagħlimiet meħuda u qabel li jniedi inizjattiva mmirata lejn aktar modernizzar tal-metodi ta' osservazzjoni elettorali.
Ir-Rappreżentant Għoli rreferiet għas-sitwazzjoni fil-Georgia u aġġornat lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi, inkluż l-elezzjonijiet muniċipali li saru fl-4 ta' Ottubru 2025 u r-rigress demokratiku li għaddej bħalissa. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li l-Kummissjoni ser tippreżenta r-rapport tagħha dwar il-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-viża aktar tard din is-sena li jagħti lill-ministri l-opportunità jikkunsidraw miżuri futuri.
Il-Kunsill ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u approva konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż.
Laqgħa Ministerjali dwar is-Sigurtà u l-Konnettività Transreġjonali
Wara l-Kunsill Affarijiet Barranin, ir-Rappreżentant Għoli sejħet il-Laqgħa Ministerjali dwar is-Sigurtà u l-Konnettività Transreġjonali flimkien mal-Kummissarji Kos u Síkela.
Il-laqgħa ġabret flimkien il-ministri tal-UE, tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Baħar l-Iswed u tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, bl-għan li jsir progress konġunt fuq aġenda ta' konnettività transreġjonali u tissaħħaħ l-istabbiltà reġjonali.
Il-laqgħa ministerjali kien fiha żewġ sessjonijiet: waħda ddedikata għas-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, bil-parteċipazzjoni tal-istati membri tal-UE, l-Armenja, l-Ażerbajġan, ir-Repubblika tal-Moldova, it-Turkija u l-Ukrajna; u t-tieni waħda laqqgħet l-istati membri tal-UE, is-Sħubija tal-Lvant, il-Baħar l-Iswed u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali b'enfasi fuq opportunitajiet u sfidi komuni ta' kooperazzjoni fil-konnettività transreġjonali.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.