"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 9 u 10 ta' Marzu 2023
Riżultati ewlenin
Affarijiet Interni (9 ta' Marzu 2023)
Ażil u migrazzjoni
Il-ministri ddiskutew l-aspetti interni u esterni tal-migrazzjoni, wara l-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Frar 2023.
Il-migrazzjoni hija sfida Ewropea konġunta u llum komplejna l-ħidma tagħna fuq rispons Ewropew konġunt. F'dawn l-aħħar xhur għamilna progress f'diversi oqsma, permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni għal rotot taħt pressjoni għolja, u progress fuq fajls ewlenin tal-ażil bħall-Eurodac. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, ser inkomplu b'dawn l-isforzi biex nibnu politika komprensiva dwar il-migrazzjoni u l-ażil.
Il-Ministru għall-Migrazzjoni tal-Iżvezja, Maria Malmer Stenergard
Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li tiżdied l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni dwar ir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Balkani tal-Punent. Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjanijiet ta' azzjoni għar-rotot tal-Lvant u tal-Punent.
Il-ministri tennew l-impenn tagħhom li jagħmlu progress fuq il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Huma ddiskutew ukoll l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali ta' Dublin u l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-atturi kollha dwar it-tiftix u s-salvataġġ. Dwar dan l-aħħar punt, huma nnotaw it-tnedija mill-ġdid tal-grupp ta' kuntatt Ewropew dwar it-tiftix u s-salvataġġ.
Il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar l-istat ġenerali taż-żona Schengen u l-implimentazzjoni tal-oqsma ta' prijorità diskussi mill-Kunsill f'Ġunju 2022 u l-azzjonijiet ta' prijorità kkonfermati mill-Kunsill f'Diċembru 2022. Il-Kummissjoni ppreżentat il-barometru ta' Schengen +, li għandu l-għan li jipprovdi stampa ġenerali taż-żona Schengen abbażi ta' indikaturi ewlenin.
Il-ministri ddiskutew il-futur tal-politika dwar il-viżi u kkunsidraw kif il-politika dwar il-viżi tista' ssir aktar strateġika u sostenibbli. Huma appellaw lill-Kummissjoni biex fix-xhur li ġejjin tressaq proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat il-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-viża biex isir aktar effiċjenti.
Il-ministri ħadu nota tad-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) imsaħħa, li bdiet topera fis-7 ta' Marzu. Huma qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskeda taż-żmien tal-bidu tal-operat tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES).
Waqt l-ikel, il-ministri ddiskutew s-sitwazzjoni attwali tad-djalogu dwar is-sigurtà interna mal-Ukrajna u l-kooperazzjoni fil-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Affarijiet oħra
Il-Presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi attwali.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Il-Kummissjoni Ewropea tat informazzjoni dwar ir-riżultati tal-ewwel sitt xhur tal-operat taċ-ċentru ta' appoġġ tal-UE għas-sigurtà interna u l-ġestjoni tal-fruntieri fil-Moldova.
Il-Greċja rrapportat dwar it-tieni konferenza Ewropea dwar il-ġestjoni tal-fruntieri li saret f'Ateni fit-23-24 ta' Frar.
Il-Portugall irrapporta dwar il-konferenza ministerjali UE-MENA dwar "sħubija strateġika fil-qasam tal-pulizija lejn kooperazzjoni ta' fiduċja fis-sigurtà", li saret f'Liżbona fit-13-14 ta' Frar. Franza rrapportat dwar il-viġilanza dwar organizzazzjonijiet li jippromwovu valuri inkompatibbli ma' dawk tal-UE.
Il-Kunsill adotta, bħala punt mingħajr diskussjoni, il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża għad-detenturi ta' passaporti maħruġa mill-Kosovo1.
1 Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Il-ministri vvalutaw is-sitwazzjoni attwali dwar ir-risposti ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-impunità fir-rigward ta' delitti mwettqa b'rabta mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Sa mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE mmobilizzat ruħha bis-sħiħ biex tiżgura rispons proporzjonat man-natura serja taċ-ċirkostanzi.
Jum wara jum, ir-Russja tkompli bil-gwerra ta' aggressjoni mhux ġustifikata tagħha u l-attakki fatali u indiskriminati tagħha kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili. Dawn id-delitti jridu jieqfu u l-awturi tagħhom iridu jitressqu quddiem il-ġustizzja. L-UE tikkontribwixxi b'mod attiv u prattiku, u ser tkompli tikkontribwixxi, għall-isforzi mill-Ukrajna u l-komunità internazzjonali għat-taħrik ta' dawn id-delitti.
Gunnar Strömmer, Ministru għall-Ġustizzja tal-Iżvezja
Ġiet stabbilita skwadra ta' investigazzjoni konġunta (SIK) biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u provi u biex tappoġġa investigazzjonijiet kriminali dwar id-delitti mwettqa fl-Ukrajna. Ġie msaħħaħ ir-rwol tal-Eurojust, u l-aġenzija issa tospita l-qalba tal-bażi ta' data dwar il-provi ta' delitti internazzjonali l-aktar serji (CICED), li bdiet topera fit-23 ta' Frar 2023. L-istati membri pprovdew ukoll appoġġ forensiku lill-awtoritajiet Ukreni u lill-QKI għall-ġbir ta' provi. Aktar reċentement, inħoloq ċentru internazzjonali għall-prosekuzzjoni tad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna (ICPA) f'The Hague.
Il-Presidenza rrapportat ukoll dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin rigward l-abbozz ta' direttiva dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u pieni għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE. L-istati membri jappoġġaw bis-sħiħ l-għan tal-proposta u, fil-biċċa l-kbira, is-sustanza tad-dispożizzjonijiet previsti. In-negozjati avvanzaw relattivament malajr u l-Presidenza għandha l-għan li tilħaq approċċ ġenerali mhux aktar tard mil-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f'Ġunju.
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-ispazju ċiviku fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw ir-rwol essenzjali tal-libertà ta' assoċjazzjoni fl-iżgurar ta' soċjetà demokratika u pluralista u l-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika. Restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-ispazju operattiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jkunu ta' theddida għall-istat tad-dritt.
Il-ministri mbagħad kellhom diskussjoni dwar passi speċifiċi biex jappoġġaw aħjar l-ispazju ċiviku u dwar miżuri possibbli biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-istati membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ispazju ċiviku.
Il-ministri ddiskutew wkoll il-passi li jmiss fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-antisemitiżmu. Huma qasmu il-passi meħuda u li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali u qiesu kif il-Kunsill jista' joħloq approċċ li jħares 'il quddiem għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-antisemitiżmu.
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-barrieri għall-aċċess għall-ġustizzja u kif jistgħu jingħelbu. Huma qiesu liema huma jew kienu l-aktar sfidi sinifikanti fl-istat membru rispettiv tagħhom u qasmu l-aħjar prattiki fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi.
Il-ġlieda kontra l-kriminalità
Il-Presidenza rrappurtat dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-abbozz ta' direttiva dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. L-eżami sa issa wera li l-istati membri jappoġġaw l-għanijiet tal-proposta, kif ukoll il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet previsti tagħha. Sar progress sostanzjali u l-ħidma ser tkompli bil-ħsieb li jintlaħaq approċċ ġenerali f'Ġunju.
Waqt l-ikel, il-ministri ddiskutew it-theddida li l-kriminalità organizzata qed toħloq għas-soċjetajiet Ewropej u l-istituzzjonijiet pubbliċi fir-rigward tat-traffikar tad-drogi.
Affarijiet oħra
Il-Presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma tagħha dwar il-proposti leġiżlattivi attwali.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Il-presidenza informat lill-ministri bir-rapport finali dwar id-disa' serje ta' evalwazzjonijiet reċiproċi, li ffoka fuq strumenti legali għal rikonoxximent reċiproku fil-qasam taċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-libertà.
Il-Kummissjoni informat lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma li għaddejja tagħha mal-Qafas ta' Privatezza tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti.
Il-presidenza informat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l- adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.