Il-politika tal-UE dwar il-viżi
L-UE stabbiliet politika komuni dwar il-viżi għall-vjaġġaturi li jgħaddu miż-żona Schengen jew li beħsiebhom jibqgħu fiha għal perjodu qasir.
Għaliex ir-regoli komuni tal-UE dwar il-viżi?
Aktar minn 400 miljun ċittadin tal-UE jgawdu l-libertà tal-moviment fiż-żona Schengen. Dawn jistgħu jivvjaġġaw, jaħdmu u jgħixu kullimkien fl-UE. Nazzjonali mhux tal-UE li jgħixu fl-UE jew li jżuru l-UE bħala turisti, studenti fuq skambju jew għal skopijiet ta' negozju jistgħu wkoll jiċċaqalqu liberament.
Id-dispożizzjonijiet ta' Schengen:
- jabolixxu l-kontrolli fil-fruntieri interni tal-UE, b'xi eċċezzjonijiet limitati
- jipprovdu sett uniku ta' regoli għall-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-UE
Politika komuni tal-UE dwar il-viżi hija meħtieġa għall-funzjonament effettiv taż-żona Schengen mingħajr fruntieri peress li tiffaċilita d-dħul tal-viżitaturi fl-UE, filwaqt li ssaħħaħ is-sigurtà interna.
L-UE stabbiliet politika dwar il-viżi għal:
- soġġorni qosra intenzjonati fit-territorju ta' stat ta' Schengen jew tranżitu minnu
- tranżitu miż-żoni ta' tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-istati ta' Schengen
Soġġorni qosra huma soġġorni ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.
Illum, 29 pajjiż Ewropew joħorġu viżi ta' Schengen (bħala membri taż-żona Schengen): 25 mis-27 stat membru tal-UE, l-Iżlanda, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
Ċipru, fejn il-kontrolli fil-fruntieri interni għadhom ma tneħħewx, u l-Irlanda (li mhix parti miż-żona Schengen) ma joħorġux viżi ta' Schengen, iżda viżi nazzjonali biss.
Pajjiżi li joħorġu viżi ta' Schengen
Reġim mingħajr viża ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE
Bħalissa l-UE għandha sistema ta' vjaġġar mingħajr viża fis-seħħ ma' 61 pajjiż mhux tal-UE, żewġ reġjuni amministrattivi speċjali taċ-Ċina (Hong Kong u Macao) u awtorità territorjali waħda li mhijiex rikonoxxuta bħala stat minn tal-inqas stat membru wieħed tal-UE (Tajwan).
Skont dan ir-reġim, ċittadini mhux tal-UE b'passaport bijometriku jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorni qosra mingħajr ma jkollhom bżonn viża.
Japplika l-prinċipju ta' reċiproċità tal-viża. Dan ifisser li l-istess reġim ta' vjaġġar mingħajr viża japplika għaċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn dawk il-pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Hemm 61 pajjiż mhux tal-UE b'reġim ħieles mill-viża.
F'Marzu 2023, il-Kunsill qabel dwar reġim mingħajr viża għall-Kosovo*.
Mill-1 ta' Jannar 2024, id-detenturi ta' passaport tal-Kosovo jistgħu jivvjaġġjaw lejn l-UE mingħajr viża, sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dan, min-naħa tiegħu, jippermetti wkoll liċ-ċittadini tal-UE jivvjaġġaw lejn il-Kosovo mingħajr ma jeħtieġu viża.
- Pajjiżi terzi li n-nazzjonali tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Ftehimiet ta' eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Kosovo*: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ivvjaġġar mingħajr viża (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Marzu 2023)
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Sistema Ewropea ta' informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS)
Fl-2018, il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi s-sistema Ewropea ta' informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS). Is-sistema ser tintuża biex twettaq verifiki avvanzati fuq vjaġġaturi eżenti mill-viża u, fejn meħtieġ, dawn ma jingħatawx awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.
Ser tkun simili għal sistemi eżistenti fis-seħħ fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fl-Awstralja, fost pajjiżi oħrajn.
L-ETIAS qed tiġi żviluppata minn eu-LISA. Din hija l-aġenzija tal-UE responsabbli għas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. L-ETIAS ser tibda topera fl-aħħar kwart tal-2026.
Ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE
L-UE għandha fis-seħħ ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża ma' xi pajjiżi li mhumiex fl-UE. Skont din is-sistema simplifikata tal-viża, iċ-ċittadini mhux tal-UE b'passaport bijometriku jgawdu minn proċeduri ffaċilitati biex jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorni qosra.
Proċeduri ffaċilitati għall-ħruġ ta' viżi jinkludu:
- simplifikazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn meħtieġa
- tariffa mnaqqsa jew ebda tariffa għal ċerti kategoriji ta' applikanti
- ħinijiet ta' pproċessar aktar mgħaġġla għall-applikazzjonijiet għal viża
- dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta' viżi għal dħul multiplu b'validità estiża
Ftehimiet dwar il-viża ma' pajjiżi mhux tal-UE
- Albanija: vjaġġar mingħajr viża
- Andorra: vjaġġar mingħajr viża
- Antigua u Barbuda: vjaġġar mingħajr viża
- Arġentina: vjaġġar mingħajr viża
- Armenja: proċedura simplifikata tal-viża
- Awstralja: vjaġġar mingħajr viża
- Awstrija: pajjiż tal-UE li joħroġ viżi ta' Schengen
- Ażerbajġan: proċedura simplifikata tal-viża
- Bahamas: vjaġġar mingħajr viża
- Barbados: vjaġġar mingħajr viża
- Belarussja: ftehim dwar il-viża parzjalment sospiż
- Belġju: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Bożnija-Ħerzegovina: vjaġġar mingħajr viża
- Brażil: vjaġġar mingħajr viża
- Brunei: vjaġġar mingħajr viża
- Bulgarija: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Cabo Verde: proċedura simplifikata tal-viża
- Kanada: vjaġġar mingħajr viża
- Ċilì: vjaġġar mingħajr viża
- Kolombja: vjaġġar mingħajr viża
- Costa Rica: vjaġġar mingħajr viża
- Kroazja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Ċipru: pajjiż tal-UE li ma joħroġx viżi ta' Schengen
- Repubblika Ċeka: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Danimarka: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Dominica: vjaġġar mingħajr viża
- Timor Leste: vjaġġar mingħajr viża
- El Salvador: vjaġġar mingħajr viża
- Estonja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Finlandja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Franza: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Georgia: vjaġġar mingħajr viża
- Ġermanja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Greċja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Grenada: vjaġġar mingħajr viża
- Gwatemala: vjaġġar mingħajr viża
- Honduras: vjaġġar mingħajr viża
- Hong Kong: vjaġġar mingħajr viża
- Ungerija: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Iżlanda: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Irlanda: pajjiż tal-UE li ma joħroġx viżi ta' Schengen
- Iżrael: vjaġġar mingħajr viża
- Italja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Ġappun: vjaġġar mingħajr viża
- Kiribati: vjaġġar mingħajr viża
- Kosovo*: vjaġġar mingħajr viża
- Latvja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Liechtenstein: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Litwanja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Lussemburgu: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Macao: vjaġġar mingħajr viża
- Malażja: vjaġġar mingħajr viża
- Malta: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Gżejjer Marshall: vjaġġar mingħajr viża
- Mauritius: vjaġġar mingħajr viża
- Messiku: vjaġġar mingħajr viża
- Mikroneżja: vjaġġar mingħajr viża
- Moldova: vjaġġar mingħajr viża
- Monaco: vjaġġar mingħajr viża
- Montenegro: vjaġġar mingħajr viża
- Nauru: vjaġġar mingħajr viża
- Netherlands: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- New Zealand: vjaġġar mingħajr viża
- Nikaragwa: vjaġġar mingħajr viża
- Maċedonja ta' Fuq: vjaġġar mingħajr viża
- Norveġja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Santa Sede: vjaġġar mingħajr viża
- Palau: vjaġġar mingħajr viża
- Panama: vjaġġar mingħajr viża
- Paragwaj: vjaġġar mingħajr viża
- Peru: vjaġġar mingħajr viża
- Polonja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Portugall: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Rumanija: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Russja: ftehim dwar il-viża kompletament sospiż
- Saint Kitts u Nevis: vjaġġar mingħajr viża
- Saint Lucia: vjaġġar mingħajr viża
- Saint Vincent u l-Grenadini: vjaġġar mingħajr viża
- Samoa: vjaġġar mingħajr viża
- San Marino: vjaġġar mingħajr viża
- Serbja: vjaġġar mingħajr viża
- Seychelles: vjaġġar mingħajr viża
- Singapore: vjaġġar mingħajr viża
- Slovakkja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Slovenja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Gżejjer Solomon: vjaġġar mingħajr viża
- Korea t'Isfel: vjaġġar mingħajr viża
- Spanja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Żvezja: pajjiż li joħroġ viżi ta' Schengen
- Tajwan: vjaġġar mingħajr viża
- Tonga: vjaġġar mingħajr viża
- Trinidad u Tobago: vjaġġar mingħajr viża
- Tuvalu: vjaġġar mingħajr viża
- Ukrajna: vjaġġar mingħajr viża
- Emirati Għarab Magħquda: vjaġġar mingħajr viża
- Renju Unit: vjaġġar mingħajr viża
- Stati Uniti: vjaġġar mingħajr viża
- Urugwaj: vjaġġar mingħajr viża
- Vanuatu: ftehim dwar il-viża kompletament sospiż
- Venezwela: vjaġġar mingħajr viża
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Sospensjoni tal-ftehimiet dwar il-viża
L-UE tista' tissospendi l-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża jew il-faċilitazzjoni tal-viża meta pajjiż mhux tal-UE ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ftehim. Imbagħad japplikaw ir-regoli ġenerali tal-kodiċi tal-UE dwar il-viżi.
Is-sospensjonijiet jistgħu jiġu skattati minn stat membru tal-UE jew mill-Kummissjoni Ewropea.
Bħalissa tliet ftehimiet huma sospiżi:
- Russja (sospensjoni sħiħa tal-ftehim għall-faċilitazzjoni)
- Belarussja (sospensjoni parzjali tal-ftehim għall-faċilitazzjoni)
- Vanuatu (sospensjoni sħiħa tal-ftehim ta' eżenzjoni)
- Vanuatu: il-Kunsill jissospendi għalkollox il-ftehim dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża (stqarrija għall-istampa, 8 ta' Novembru 2022)
- Il-Kunsill jadotta s-sospensjoni sħiħa tal-faċilitazzjoni tal-viża mar-Russja (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Settembru 2022)
- Belarussja: il-Kunsill jissospendi d-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża għall-uffiċjali tar-reġim tal-Belarussja (stqarrija għall-istampa, 9 ta' Novembru 2021)
Regoli ġodda tal-UE dwar is-sospensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża għal pajjiżi terzi
L-UE bħalissa qed taġġorna l-mekkaniżmu biex tissospendi l-ivvjaġġar mingħajr viża. Bil-mekkaniżmu l-ġdid, l-UE ser tingħata r-raġunijiet ġodda li ġejjin għas-sospensjoni tar-reġim mingħajr viża:
- nuqqas ta' allinjament ta' pajjiż terz mingħajr viża mal-politika tal-UE dwar il-viżi, f'każijiet fejn dan jista' jwassal għal żieda fil-wasliet fl-UE eż. minħabba l-prossimità ġeografika ta' dan il-pajjiż mal-UE
- it-tħaddim ta' skema taċ-ċittadinanza b'investiment, li biha ċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż terz ikkonċernat, bi skambju għal pagamenti jew investimenti predeterminati
- theddid ibridu u nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni jew fil-proċeduri tas-sigurtà tad-dokumenti
Fit-13 ta' Marzu 2024, l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar l-abbozz ta' regolament.
Regoli ġenerali tal-UE dwar il-viża
Għal vjaġġaturi minn pajjiżi mhux tal-UE mingħajr ebda ftehim ta' eżenzjoni jew faċilitazzjoni, japplika l-kodiċi dwar il-viżi. Il-kodiċi jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi għall-fini ta' soġġorni qosra u tranżitu fl-ajruport miż-żona Schengen.
Dan jelenka wkoll il-pajjiżi mhux tal-UE li n-nazzjonali tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża ta' tranżitu fl-ajruport meta jgħaddu miż-żoni ta' tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-UE u jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' tali viżi.
Il-kodiċi dwar il-viżi jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni ta' immigranti irregolari permezz tal-mekkaniżmu ta' ingranaġġ tal-viżi.
Skont dan il-mekkaniżmu, meta pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera dwar ir-riammissjoni, jistgħu jittieħdu miżuri restrittivi speċifiċi relatati mal-ipproċessar tal-viża u t-tariffa tal-viża. S'issa, ġew adottati miżuri restrittivi kontra l-Gambja u l-Etjopja.
Min-naħa l-oħra, jekk pajjiż jinstab li qed jikkoopera dwar ir-riammissjoni, l-UE tista' tipprovdi tnaqqis fit-tariffa tal-viża, tnaqqis fil-ħin biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-viża jew żieda fil-perjodu ta' validità tal-viżi għal dħul multiplu.
Diġitalizzazzjoni tal-viża ta' Schengen
Bħalissa, l-applikazzjoni għal viża ta' Schengen hija proċess twil u bbażat ħafna fuq il-karta. L-applikanti jridu jivvjaġġaw biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jiġbru l-viża tagħhom wara. Dan huwa ta' piż kemm għall-vjaġġaturi kif ukoll għall-konsulati.
F'April 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-viża ta' Schengen. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li:
- jissostitwixxu l-isticker tal-viża
- jintroduċu l-kapaċità li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal viża online permezz ta' pjattaforma tal-viża online
- itejbu l-proċess tal-applikazzjoni għall-viża
- inaqqsu l-ispejjeż u l-piż fuq il-pajjiżi tal-UE u fuq l-applikanti
Fit-13 ta' Novembru 2023, il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda tal-UE biex jiddiġitalizza l-proċedura tal-viża.
- Id-diġitalizzazzjoni tal-viża: l-ivvjaġġar bil-viża lejn l-UE jsir aktar faċli (stqarrija għall-istampa, Kummissjoni Ewropea)
- Viża Schengen: il-Kunsill jaqbel dwar mandat ta' negozjar dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċedura tal-viża (stqarrija għall-istampa, 29 ta' Marzu 2023)
- Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiftiehmu dwar regoli għad-diġitalizzazzjoni tal-proċedura tal-viża (stqarrija għall-istampa, 13 ta' Ġunju 2023)
- Il-Kunsill japprova d-diġitalizzazzjoni tal-proċedura tal-viża (stqarrija għall-istampa, 13 ta' Novembru 2023)
L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Ġunju 2024