"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Affarijiet Interni), 28 ta' Settembru 2023
Riżultati ewlenin
Affarijiet interni
Ażil u migrazzjoni: id-dimensjoni esterna
Fl-isfond ta' għadd kbir ta' wasliet irregolari ta' migranti u applikanti għall-ażil madwar l-UE kollha, il-Kunsill iddiskuta modi biex tinbena kollaborazzjoni mill-qrib u permanenti ma' pajjiżi ewlenin ta' tranżitu migratorju u ta' oriġini.
Il-ministri appoġġaw il-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi migratorji li l-UE tikkondividi ma' kontinenti u pajjiżi oħra. Huma enfasizzaw li taħlita koordinata li tinkludi l-għajnuna għall-iżvilupp biex jiġu miġġielda l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti, l-iżvilupp ta' aktar mogħdijiet legali bħala alternattiva għall-migrazzjoni illegali u politika sostenibbli ta' riammissjoni u ritorn tkun essenzjali għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari.
Id-diskussjoni evolviet madwar l-iżvilupp ta' mudell preventiv li, abbażi ta' finanzjament solidu, ifixkel it-tluq irregolari. Dan ikollu l-għeruq tiegħu f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u jinkludi elementi bħal rondi konġunti, ċentri operazzjonali konġunti, kooperazzjoni sostnuta maż-żmien u l-iżvilupp ta' mogħdijiet ta' migrazzjoni ordnati, regolari u sikuri.
Il-politika esterna dwar il-migrazzjoni teħtieġ sħubijiet komprensivi ma' xi wħud mill-ġirien immedjati tagħna u djalogi dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà mas-sħab aktar imbiegħda. Il-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni teħtieġ approċċ aktar preventiv sabiex tindirizza b'mod effettiv l-isfidi strutturali fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.
Fernando Grande-Marlaska Gómez, aġent ministru għall-intern ta' Spanja
Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil
Il-presidenza pprovdiet lill-ministri b'aġġornament dwar il-fajls leġiżlattivi differenti tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-presidenza tenniet ukoll l-impenn tagħha li tikkonforma mal-għan stabbilit fil-Pjan Direzzjonali maqbul bejn il-ħames Presidenzi b'Rotazzjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea f'Settembru 2022, biex jintlaħaq qbil dwar il-fajls tal-Patt qabel tmiem il-leġiżlatura attwali.
Il-presidenza esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha bl-appoġġ wiesa' muri mid-delegazzjonijiet rigward l-aħħar test ta' kompromess dwar ir-regolament dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi u esprimiet il-fiduċja tagħha li jista' jintlaħaq dalwaqt mandat ta' negozjar fil-Kunsill.
Wara l-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015, l-istati membri nnegozjaw għadd ta' liġijiet tal-UE biex jirriformaw is-sistema Ewropea komuni tal-ażil. Ladarba jiġu adottati, dawn id-diversi liġijiet tal-UE li bħalissa qed jiġu nnegozjati ser jirriżultaw f'qafas komuni li jittratta l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni. Ser ikun hemm aktar solidarjetà għall-istati membri fejn jaslu l-biċċa l-kbira tal-migranti, aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltà u ser ikun hemm regoli aktar ċari għall-ġestjoni ta' persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin, il-Patt ser jistabbilixxi proċeduri aktar effiċjenti u aktar ġusti għal dawk il-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, kif ukoll għal dawk li mhumiex fil-bżonn ta' tali protezzjoni.
B'mod ġenerali, il-presidenza Spanjola enfasizzat il-progress sinifikanti li sar s'issa, iżda wkoll il-ħidma importanti li għad trid titwettaq fin-negozjati interistituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-fajls differenti tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Kooperazzjoni mal-Amerka Latina dwar is-sigurtà interna
Il-Kunsill indirizza l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerka Latina dwar l-aspetti tas-sigurtà interna u speċjalment il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga. Dan il-punt fuq l-aġenda kien preċedut minn ikla ta' ħidma tal-ministri tal-UE mal-ministri tal-Kumitat Latin-Amerikan għas-Sigurtà Interna (CLASI) fejn iddiskutew kwistjonijiet ta' interess reċiproku fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u organizzata.
Il-ministri tal-UE u l-ministri mill-pajjiżi tal-CLASI qablu dwar dikjarazzjoni konġunta. Hija tissottolinja l-ħtieġa li jingħaqdu l-forzi sabiex jiġi indirizzat it-theddid kriminali li qed jiffaċċjaw l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Latina. Id-dikjarazzjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li – fost affarijiet oħra – jinbnew kapaċitajiet effettivi għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej u tal-Amerka Latina.
Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Latina fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata hija kruċjali. L-iskambju tal-lum mal-ministri tal-Kumitat Latin-Amerikan għas-Sigurtà Interna huwa mument importanti biex tingħata spinta lis-sħubija interreġjonali tagħna.
Fernando Grande-Marlaska Gómez, aġent ministru għall-intern ta' Spanja
Sabiex tingħata ċertezza għal aktar minn erba' miljun persuna spostata mill-Ukrajna li bħalissa jgħixu fl-UE, il-Kunsill qabel li jestendi mill-4 ta' Marzu 2024 sal-4 ta' Marzu 2025 il-protezzjoni temporanja għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-mekkaniżmu ta' protezzjoni temporanja ġie attivat fl-4 ta' Marzu 2022 – ftit jiem biss wara li l-forzi armati Russi bdew invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna – u ġie estiż awtomatikament b'sena. Kien att enormi ta' solidarjetà mill-istati membri u ċ-ċittadini tal-UE li jipprovdulhom kenn. L-UE wriet is-solidarjetà tagħha mal-persuni spostati u mal-istati membri permezz ta' sistema flessibbli ta' kondiviżjoni tar-responsabbiltà.
Is-sistema tipprovdi protezzjoni immedjata u kollettiva (jiġifieri mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet individwali) lill-persuni spostati mill-Ukrajna li mhumiex f'pożizzjoni li jirritornaw lejn l-Ukrajna.
Konsegwenzi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-presidenza, permezz ta' nota mill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, tat stampa tas-sitwazzjoni attwali dwar id-djalogu dwar is-sigurtà interna mal-Ukrajna. Dan id-djalogu ġie stabbilit mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja sabiex jittaffew l-implikazzjonijiet potenzjali tagħha għas-sigurtà interna tal-UE. L-isfidi li qed jiġu diskussi jinkludu s-sigurtà tal-fruntieri u t-traffikar tal-armi tan-nar.
Affarijiet oħra
Il-ministru Portugiż informa lid-delegazzjonijiet dwar it-tieni konferenza Ewro-Għarbija dwar is-sigurtà tal-fruntieri li ser issir f'Porto fil-15 u s-16 ta' Novembru.
Punti ''A''
Il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet għan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera biex jipparteċipaw fil-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (il-Fond IBMF-BMVI) għall-perjodu mill-2021 sal-2027, biex b'hekk tissaħħaħ iż-żona Schengen kollha kemm hi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.