Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 17 ta' Marzu 2025

Riżultati ewlenin

Pjan ta' azzjoni għal enerġija affordabbli

Wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni u abbażi ta' nota ta' informazzjoni mħejjija mill-presidenza, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom pubblikament dwar il-pjan ta' azzjoni għal enerġija affordabbli, li ġie adottat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Frar bħala parti mill-patt għal industrija nadifa. Il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi miżuri biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija, tiġi kompluta l-Unjoni tal-Enerġija, jiġi attirat l-investiment u ssir tħejjija għal kriżijiet potenzjali tal-enerġija.

Il-ministri laqgħu l-pjan ta' azzjoni għal enerġija affordabbli, b'diversi jisħqu fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni rapida. Fid-diskussjoni tagħhom, il-ministri ffukaw fuq il-miżuri proposti fuq terminu medju għal dak fit-tul, inkluż it-tlestija ta' Unjoni tal-Enerġija ġenwina. Huma talbu wkoll aktar ċarezza dwar miżuri fuq terminu qasir biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, bħat-tassazzjoni u l-imposti, u rrimarkaw li dawn kienu kompetenzi fil-livell nazzjonali.

Xi ministri kkummentaw dwar il-possibbiltà ta' interkonnessjonijiet aħjar permezz tal-modernizzazzjoni u l-espansjoni ta' grilji u interkonnetturi. Huma enfasizzaw l-importanza ta' permessi aktar rapidi, li mhux neċessarjament jeħtieġu leġiżlazzjoni ġdida iżda użu aħjar tal-oqfsa eżistenti. Diversi saħqu fuq il-ħtieġa għad-diżakkoppjament tal-prezzijiet tal-elettriku mill-prezzijiet tal-gass u wrew ukoll disponibbiltà għal aktar diskussjonijiet dwar l-iffaċilitar tas-swieq tal-kapaċità.

Diversi ministri laqgħu n-newtralità teknoloġika msemmija fil-pjan ta' azzjoni għal enerġija affordabbli, filwaqt li oħrajn esprimew preferenza biex minflok issir enfasi fuq l-iżvilupp rapidu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Il-programm pilota tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u l-kuntratti fit-tul, kif imħabbar fil-pjan ta' azzjoni, tqajjem ukoll matul id-dibattitu u ntlaqa' bħala mezz biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-enerġija.

Il-Kunsill ikkonkluda li ser ikomplu bl-isforzi tagħhom biex iwasslu prezzijiet aktar affordabbli u biex isaħħu l-Unjoni tal-Enerġija.

<p>Paulina Hennig-Kloska, Ministru għall-Ambjent u l-Klima tal-Polonja</p>

Il-laqgħa tal-lum enfasizzat l-importanza vitali tas-sigurtà tal-enerġija — pilastru fundamentali ta' Unjoni tal-Enerġija vera. Bħala prijorità tal-Presidenza Pollakka, is-sigurtà tal-enerġija hija essenzjali biex tiġi żgurata enerġija stabbli u affordabbli għall-unitajiet domestiċi u l-industriji, li hija kruċjali għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE. Nedejna wkoll diskussjoni dwar qafas tas-sigurtà tal-enerġija li jħares 'il quddiem. Dan il-qafas ser jissalvagwardja l-ekonomija, iċ-ċittadini, u kemm l-infrastruttura fiżika kif ukoll dik ċibernetika tagħna.

<p>Paulina Hennig-Kloska, Ministru għall-Ambjent u l-Klima tal-Polonja</p>

Paulina Hennig-Kloska, Ministru għall-Ambjent u l-Klima tal-Polonja

Illustrazzjoni ta' id iżżomm pannell solari, turbina eolika, werqa tal-felċi u grafika ċirkolari ħadra bl-istilel tal-UE, li tissimbolizza l-impenn tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u sostenibbli.
Enerġija (informazzjoni ġenerali)

Enerġija (informazzjoni ġenerali)

L-arkitettura tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali u t-triq 'il quddiem rigward ir-regolamenti tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass u dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku, li huma elementi ewlenin tal-qafas tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE.

Iffukaw fuq kif dan il-qafas jista' jsir aktar b'saħħtu u dinamiku biex jindirizza sfidi eżistenti u ġodda għas-sigurtà tal-enerġija li jista' jkollhom impatt fuq il-benesseri taċ-ċittadini tal-UE u jdgħajfu l-ekonomija u l-kompetittività tal-UE.

Ħafna ministri rreferew għat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-enerġija, b'mod partikolari dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni b'mod magħqud u kkoordinat u li ssir enfasi fuq id-diversifikazzjoni. Il-ministri saħqu fuq il-ħtieġa li ż-żewġ regolamenti jiġu adattati għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-sigurtà u tas-suq u li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom kif xieraq, biex jiġu indirizzati l-isfidi ġeopolitiċi attwali u futuri u l-avvenimenti klimatiċi estremi. Il-biċċa l-kbira tal-ministri ma kinux favur l-għażla ta' qafas leġiżlattiv uniku kemm għas-setturi tal-gass kif ukoll tal-elettriku iżda saħqu fuq il-ħtieġa ta' approċċ armonizzat.

Għadd ta' ministri indikaw il-ħtieġa li jiġi ppreżentat, malajr kemm jista' jkun, il-pjan direzzjonali REPowerEU mmirat lejn l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tal-importazzjoni tal-fjuwils Russi lejn l-UE.

Xi ministri semmew il-ħtieġa għal flessibbiltà fir-rigward tar-regolament propost dwar il-ħżin tal-gass, li qed jiġi diskuss bħalissa, kif ukoll għal valutazzjoni tal-impatt rigoruża tar-regoli. Din il-proposta hija maħsuba biex tiġi żgurata l-kontinwità bejn it-tmiem tar-regolament attwali dwar il-ħżin tal-gass u d-dħul fis-seħħ ta' qafas potenzjali aktar permanenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass.

Il-ministri għall-enerġija qasmu l-fehmiet tagħhom ukoll dwar miżuri biex tissaħħaħ is-sorveljanza u tiġi protetta aħjar l-infrastruttura kritika tal-enerġija fl-Ewropa, inkluż it-tiswija ta' infrastruttura danneġġata fil-każ tal-qerda tagħha kif ukoll diżastri naturali, li fihom l-UE jista' jkollha rwol akbar.

Dan l-iskambju ta' fehmiet ser iwitti t-triq għall-approvazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-laqgħa tal-Kunsill Enerġija f'Ġunju.

Is-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna

Il-Ministru għall-Enerġija tal-Ukrajna, German Galushchenko, informa lill-ministri għall-enerġija dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna. Il-Ministru Galushchenko tenna l-appell għal aktar difiża tal-ajru u għodod tal-gwerra elettronika, kif ukoll għal soluzzjonijiet ta' protezzjoni passiva mhux għaljin iżda effettivi. Bħalissa għaddejjin l-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, il-ġenerazzjoni deċentralizzata, u l-integrazzjoni mas-suq tal-enerġija tal-UE.

Sa mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-Russja mmirat bla heda l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna. L-attakki Russi fuq il-produzzjoni tal-enerġija u s-sistemi ta' trażmissjoni rriżultaw f'telf ta' 60% tal-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni u 63630 ħsara lill-faċilitajiet tal-enerġija mill-2022.

Il-ministri affermaw mill-ġdid l-appoġġ kontinwu u s-solidarjetà sħiħa tagħhom għall-Ukrajna u l-impenn tagħhom li jiżguraw li l-poplu Ukren ikollu aċċess għall-enerġija u t-tisħin. Huma laqgħu passi ulterjuri għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq Ewropew tal-enerġija.

Infrastruttura kritika

Matul ikla informali, il-ministri għall-enerġija ddiskutew l-infrastruttura kritika u kif tista' tiġi protetta, flimkien mal-president tal-ENTSO-G u l-president tal-bord tal-ENTSO-E, in-networks Ewropej tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għall-gass u l-elettriku rispettivament.

Affarijiet oħra

Il-ministri ġew infurmati minn Christian Zinglersen, direttur tal-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija dwar l-iżviluppi fis-suq tal-elettriku u tal-gass tal-UE. Il-preżentazzjoni kienet tinkludi sfidi ta' kompetittività fis-suq tal-gass tal-UE, ix-xejriet tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass u l-ħtieġa għal aktar ippjanar u kooperazzjoni transfruntiera.

Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar it-tħejjija tal-UE għall-istaġun tax-xitwa li jmiss.

F'sessjoni pubblika, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja ppreżentaw informazzjoni dwar is-sinkronizzazzjoni b'suċċess tas-sistemi tal-elettriku tal-Baltiku maż-Żona Sinkronika tal-Ewropa Kontinentali, li saret fid-9 ta' Frar 2025. L-istati Baltiċi kienu l-aħħar tliet stati membri tal-UE li n-networks tal-elettriku tagħhom kienu għadhom qed joperaw bis-sħiħ fis-sistema Russa u Belarussa. Is-sinkronizzazzjoni żiedet is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u saħħet l-indipendenza tar-reġjun Baltiku. It-tliet Stati Membri saħqu fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-aspetti li fadal tal-proġett ta' sinkronizzazzjoni, li huwa kruċjali għat-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija tagħna.

Iċ-Ċekja saħqet fuq l-isfidi fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-att delegat dwar il-fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika u l-iżvilupp tal-ekonomija tal-idroġenu, li kien ġie adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Frar 2023 u li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-idroġenu, il-fjuwils ibbażati fuq l-idroġenu, jew vetturi oħra tal-enerġija jistgħu jitqiesu bħala fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika (RFNBO).

Mappa li turi ċrieki ta' daqsijiet differenti, kull wieħed minnhom jinsab fi stat membru tal-UE fejn hemm faċilitajiet għall-ħżin tal-gass. Id-daqs ta' kull ċirku jikkorrispondi għall-kapaċità ta' ħżin ta' dak il-pajjiż.
Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE? (Infografika)

Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE? (Infografika)

Miter tal-kilowatt fis-siegħa bi vleġġa ħadra tipponta 'l isfel u simboli li jirrappreżentaw metriċi tal-konsum bħall-euro, il-metri kubi, gigawatt-siegħa, u perċentwali.
Il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista (informazzjoni ġenerali)

Il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista (informazzjoni ġenerali)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Marzu 2025