Skip to content

Unjoni tal-enerġija

L-unjoni tal-enerġija tgħin lill-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. Tiżgura wkoll aktar għażla u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi tal-UE u tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima.

L-enerġija tagħti moviment lid-dinja. L-ekonomija tal-UE u l-benesseri tal-Ewropej jiddependu fuq provvista tal-enerġija stabbli u affordabbli. L-istati membri tal-UE qablu dwar regoli u miri komuni biex tiġi żgurata l-provvista ta' enerġija nadifa, fil-qafas tal-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija.

Il-prijoritajiet ewlenin għall-2030 għal pjanijiet nazzjonali għall-klima u l-enerġija jinkludu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sehem minimu ta’ enerġija rinnovabbli u aktar interkonnessjoni tal-elettriku.
Pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (Infografika)

Pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (Infografika)

L-unjoni tal-enerġija spjegata: regoli u miri

L-istrateġija tal-unjoni tal-enerġija għandha l-għan li tiżgura enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015, bħala tweġiba għal talba mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE, l-istrateġija hija msejsa fuq ħames pilastri:

  • is-sigurtà tal-enerġija
  • suq intern tal-enerġija integrat
  • l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija
  • ir-riċerka u l-innovazzjoni

Fl-2016, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' proposti leġiżlattivi msejjaħ "Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha" biex l-istrateġija tissarraf f'realtà. Il-proposti tal-Kummissjoni ġew diskussi fi ħdan il-Kunsill, kif ukoll fil-Parlament Ewropew u n-negozjati bdew fl-2017. Sa Mejju 2019, ġew adottati l-atti leġiżlattivi kollha li jinsabu fil-pakkett, u b'hekk tlestiet l-unjoni tal-enerġija.

L-istadji importanti ewlenin ta' dan il-proċess kienu:

  • Mejju 2019: regolament u direttiva dwar l-elettriku, regolament dwar it-tħejjija għar-riskji u riforma tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija
  • Diċembru 2018: direttiva riveduta dwar l-effiċjenza fl-enerġija, direttiva riveduta dwar l-enerġija rinnovabbli, regolament dwar il-governanza
  • Mejju 2018: direttiva riveduta dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini

Bħala parti mill-pakkett, l-UE rrevediet ukoll il-miri tal-enerġija tal-UE għall-2030 kif ġej:

  • mill-inqas 32.5% aktar effiċjenza fl-enerġija billi jitnaqqas il-konsum tal-enerġija
  • mill-inqas sehem ta' 32% ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli

Dawn il-miri ġew riveduti aktar tard bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%".

Pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima

Abbażi tar-regolament dwar il-governanza, li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2018, l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jirrapportaw dwar il-kontribut tagħhom għall-unjoni tal-enerġija. Dan isir permezz ta' pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs), li jkopru perjodu ta' għaxar snin u għandhom jiġu aġġornati regolarment. L-ewwel NECPs ikopru l-perjodu 2021-2030.

Għaliex l-unjoni tal-enerġija hija importanti?

L-unjoni tal-enerġija twieġeb għall-isfidi ewlenin li l-UE qed tiffaċċa fil-qasam tal-enerġija. Dawn huma:

  • it-tibdil fil-klima: l-UE hija impenjata li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-enerġija hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin
  • id-dipendenza fuq l-enerġija: bħala l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja, l-UE jeħtieġ li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq is-swieq barranin
  • infrastruttura li qed teqdiem: l-UE jeħtieġ li tintegra b'mod sħiħ is-swieq tal-enerġija tagħha, timmodernizza l-infrastruttura tal-enerġija tagħha u tiżgura l-koordinazzjoni fil-prezzijiet nazzjonali tal-enerġija

Il-ħolqien ta' unjoni tal-enerġija li tiffunzjona għalkollox jgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-UE, is-sigurtà tal-enerġija tagħha u l-impenn tagħha li tiġġieled t-tibdil fil-klima, filwaqt li twassal għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u n-negozji tal-UE.

Immaġni: Nixfa kkawżata mit-tibdil fil-klima

Fuq quddiem fir-rigward tat-tibdil fil-klima

L-UE hija impenjata li tmexxi l-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Il-mexxejja tal-UE jaspiraw li jilħqu l-għan ambizzjuż li l-Ewropa ssir newtrali għall-klima sal-2050, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi. Billi jaħdmu flimkien fid-deċennji li ġejjin, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-emissjonijiet ta' gass serra jitnaqqsu għal minimu u li jittieħdu miżuri biex ipattu għal kwalunkwe emissjonijiet li jkun fadal.