"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Aċċess aħjar għal evidenza elettronika fil-ġlieda kontra l-kriminalità

L-UE qed taħdem fuq regoli ġodda biex tħaffef l-aċċess għad-data diġitali użata għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, irrispettivament mill-post fejn tinsab id-data.

X'inhi l-evidenza elettronika?

Ir-rivoluzzjoni diġitali qed tiddefinixxi mill-ġdid kull aspett tas-soċjetà, u l-kriminalità mhijiex eċċezzjoni. Aktar u aktar kriminali qed jużaw it-teknoloġija biex jippjanaw u jwettqu reati. Bħala riżultat, l-awtoritajiet qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq evidenza elettronika biex jintraċċaw u jikkundannaw il-kriminali.

L-evidenza elettronika tirreferi għal data diġitali li tintuża għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

Fost affarijiet oħra, din tinkludi:

  • posta elettronika
  • messaġġi b'test jew kontenut minn applikazzjonijiet li jibagħtu messaġġi
  • kontenut awdjoviżiv
  • informazzjoni dwar il-kont online tal-utent

Data bħal din tista' tintuża biex tiġi identifikata persuna jew tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha.

Fl-era diġitali, il-kriminali qed jagħmlu użu dejjem akbar minn servizzi u għodod teknoloġiċi biex jippjanaw u jwettqu reati. Bħala riżultat, l-evidenza elettronika qed issir essenzjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità: bħalissa, 85% tal-investigazzjonijiet kriminali jinvolvu data diġitali.

Il-kwistjoni dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika

L-aċċess għall-evidenza elettronika jista' jkun proċess ikkumplikat u li jieħu fit-tul għall-awtoritajiet minħabba li spiss tkun maħżuna f'pajjiż ieħor. Il-fornituri ta' servizz online jaħżnu d-data tal-utenti fuq servers li jistgħu jinstabu f'diversi pajjiżi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE.

Dan jagħmilha ferm aktar diffiċli għall-awtoritajiet ġudizzjarji biex jiġbru evidenza elettronika peress li jridu jgħaddu minn proċeduri fit-tul u kkumplikati biex jiksbu aċċess għaliha.

Issir talba transfruntiera biex tinkiseb evidenza elettronika f'aktar minn 50% tal-investigazzjonijiet kriminali kollha.

Kif ir-regoli l-ġodda ser itejbu l-aċċess għall-evidenza elettronika

F'April 2018, wara appelli mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda biex tagħmilha aktar faċli u aktar malajr biex l-awtoritajiet ikollhom aċċess għall-evidenza elettronika, irrispettivament mill-post fejn tinsab id-data.

Skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, ir-regoli l-ġodda jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji minn pajjiż wieħed tal-UE li jitolbu direttament l-aċċess għal evidenza elettronika minn kwalunkwe fornitur ta' servizz li joffri servizzi fl-Unjoni Ewropea u stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor.

Dan ser iħaffef it-talba għall-aċċess peress li ma jkunx hemm il-bżonn li wieħed jgħaddi mill-awtoritajiet fl-istat membru l-ieħor.

Ir-regoli proposti huma magħmula minn żewġ proposti leġiżlattivi:

  • regolament dwar l-ordnijiet ta' produzzjoni u ta' preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali
  • direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali

Fil-25 ta' Jannar 2023, il-Kunsill ikkonferma l-qbil dwar iż-żewġ proposti leġiżlattivi mal-Parlament Ewropew.

Regolament dwar l-ordnijiet ta' produzzjoni u ta' preservazzjoni

Ir-regolament dwar l-ordnijiet ta' produzzjoni u ta' preservazzjoni għall-evidenza elettronika ser jippermetti lill-awtoritajiet ikollhom aċċess għal data maħżuna, irrispettivament minn fejn tkun tinsab.

L-ordni ta' produzzjoni ser tippermetti lil awtorità ġudizzjarja ta' stat membru titlob direttament l-aċċess għal evidenza elettronika minn fornitur ta' servizz stabbilit jew rappreżentat fi stat membru ieħor. F'każ ta' emerġenza, il-fornitur ta' servizz irid jirrispondi fi żmien 10 ijiem, jew fi żmien 6 sigħat.

L-ordni ta' preservazzjoni ser timpedixxi t-tħassir ta' evidenza elettronika minn fornitur ta' servizz waqt li l-ordni ta' produzzjoni tkun għadha qed tiġi pproċessata.

Ir-regoli ser jibnu fuq il-prinċipji eżistenti ta' rikonoxximent reċiproku bejn l-istati membri. Dawn ser japplikaw biss għal data maħżuna peress li interċettazzjoni f'ħin reali ta' telekomunikazzjonijiet mhijiex koperta mir-regoli proposti.

Direttiva dwar ir-rappreżentanti legali

Id-direttiva dwar ir-rappreżentanti legali ser tobbliga lill-fornituri kollha ta' servizzi li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni Ewropea iżda li joffru servizzi fl-Unjoni biex jaħtru rappreżentant legali. Ir-rappreżentat ser ikun responsabbli biex jirċievi deċiżjonijiet u ordnijiet, ikun konformi magħhom u jinfurzahom. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-fornituri kollha ta' servizz li joperaw fl-UE jkollhom l-istess obbligi fir-rigward tal-aċċess għall-evidenza elettronika.

Negozjati internazzjonali

F'Ġunju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea:

  • tinnegozja ftehim f'isem l-UE mal-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika
  • tieħu sehem fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità

Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti

In-negozjati mal-Istati Uniti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bdew f'Settembru 2019 u għadhom għaddejjin.

Bħalissa, il-fornituri ta' servizzi bbażati fl-Istati Uniti jikkollaboraw mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Ewropej permezz ta' kooperazzjoni diretta fuq bażi volontarja jew permezz ta' proċeduri ta' assistenza legali reċiproka (MLA).

Il-liġi tal-Istati Uniti mhux dejjem tippermetti lil fornituri ta' servizzi jwieġbu direttament għal talbiet Ewropej għal aċċess għal evidenza elettronika. Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti jista' jiffaċilita l-kooperazzjoni u jiżgura li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Il-Kummissjoni tinforma perjodikament lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali ta' dawn in-negozjati.

It-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità

Il-Kunsill tal-Ewropa adotta t-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità fis-17 ta' Novembru 2021. L-għan tal-protokoll huwa li jistabbilixxi:

  • dispożizzjonijiet għal reġim aktar effiċjenti ta' assistenza legali reċiproka (MLA)
  • dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni diretta ma' fornituri ta' servizzi f'pajjiżi oħra li huma partijiet għall-Konvenzjoni
  • qafas u salvagwardji għall-estensjoni tat-tiftix transfruntier

Il-protokoll jinkludi salvagwardji b'saħħithom u rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Il-vantaġġ ta' ftehim bħal dan huwa l-potenzjal tiegħu li japplika fid-dinja kollha.

L-UE ma tistax tiffirma jew tirratifika l-protokoll peress li l-istati biss jistgħu jkunu parti għalih. Huwa għalhekk li l-UE awtorizzat lill-istati membri biex jiffirmaw il-protokoll (fil-5 ta' April 2022) u jirratifikawh (fl-14 ta' Frar 2023).

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Jannar 2024