Skip to content

Sanzjonijiet kontra t-terroriżmu

L-UE imponiet sanzjonijiet kontra individwi, gruppi u entitajiet involuti f'atti terroristiċi, inkluż ISIL/Da'esh, Al-Qaeda, Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina.

Lista tal-UE ta' terroristi

F'Diċembru 2001 l-UE adottat għall-ewwel darba miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet involuti f'atti terroristiċi, wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru dik is-sena.

Il-lista tal-UE ġiet stabbilita biex timplimenta r-riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Għal dak l-għan, l-UE adottat:

  • Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

Min jinsab fil-lista ta' terroristi?

Il-lista tal-UE ta' terroristi tinkludi individwi, gruppi u entitajiet involuti f'atti terroristiċi. Dan ifisser:

  • individwi li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew inkella jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta' atti terroristiċi
  • gruppi u entitajiet li huma proprjetà ta' jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn tali individwi
  • individwi, gruppi u entitajiet li jaġixxu f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta' tali individwi, gruppi u entitajiet

L-UE tista' timmira wkoll lejn membri ewlenin ta' gruppi u entitajiet elenkati fl-UE, kif ukoll persuni, gruppi u entitajiet assoċjati ma' dawk involuti f'atti terroristiċi (inkluż permezz ta' finanzjament, taħriġ jew reklutaġġ).

Hemm 13-il individwu u 23 grupp u entità fuq l-hekk imsejħa "lista tal-UE ta' terroristi". Dawn huma attivi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

Il-lista tinkludi pereżempju l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), The Base u Sendero Luminoso.

X'inhuma s-sanzjonijiet?

L-individwi, il-gruppi u l-entitajiet kollha fil-lista ta' terroristi huma soġġetti għal miżuri relatati ma':

  • l-iffriżar ta' fondi u assi finanzjarji
  • kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali

Barra minn hekk, ma jistgħux isiru disponibbli għalihom fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi, la direttament u lanqas indirettament. L-individwi fil-lista jistgħu wkoll jkunu soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar.

X'jikkostitwixxi att terroristiku?

Skont il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, atti terroristiċi huma azzjonijiet intenzjonati li jistgħu joħolqu dannu lil pajjiż jew lil organizzazzjoni internazzjonali, meta jitwettqu bl-għan li:

  • jintimidaw serjament lill-popolazzjoni
  • jostakolaw organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta' att
  • jgħarrqu serjament jew ikissru l-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta' pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali

Kriterji għall-elenkar

Individwi, gruppi u entitajiet ġodda jistgħu jiżdiedu mal-lista tal-UE ta' terroristi biss meta deċiżjoni dwar il-kwistjoni tkun diġà ttieħdet minn awtorità kompetenti ta' stat membru, jew pajjiż terz.

Din id-deċiżjoni tista' tirrigwarda:

  • il-bidu ta' investigazzjonijiet jew prosekuzzjoni għal att terroristiku, għal tentattiv biex wieħed iwettaq tali att, jieħu sehem fih jew jiffaċilitah
  • kundanna ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-atti

Il-Kunsill jirrieżamina l-lista f'intervalli regolari u tal-inqas kull 6 xhur. Minbarra dan ir-rieżami regolari, il-Kunsill jista', fi kwalunkwe mument, jadotta deċiżjoni dwar l-elenkar jew it-tneħħija mil-lista ta' individwi, gruppi u entitajiet.

Eċċezzjoni umanitarja

Fi Frar 2024, il-Kunsill iddeċieda li jimmodifika l-qafas tal-UE dwar miżuri restrittivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (lista tal-UE ta' terroristi), billi introduċa eċċezzjoni umanitarja għall-miżuri tal-iffriżar tal-assi.

B'riżultat tad-deċiżjoni, ċerti kategoriji ta' atturi umanitarji jistgħu jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet ma' individwi u entitajiet elenkati mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel, jekk l-għan ikun li tingħata assistenza umanitarja jew li jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem ta' persuni fil-bżonn. Dawn il-kategoriji jinkludu:

  • dawk deskritti fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU
  • organizzazzjonijiet u aġenziji ċċertifikati bħala sħab umanitarji tal-UE jew tal-istati membri tagħha u l-aġenziji speċjalizzati tal-istati membri

L-eċċezzjoni umanitarja ġiet l-aħħar estiżasat-22 ta' Frar 2027.

ISIL/Da'esh u Al-Qaeda

Fl-20 ta' Settembru 2016, l-UE stabbiliet qafas dedikat ta' miżuri restrittivi kontra ISIL/Da'esh u Al-Qaeda, u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom.

Dawn il-miżuri restrittivi awtonomi tal-UE huma komplementari għal dawk adottati taħt il-"lista tal-UE ta' terroristi".

X'inhuma s-sanzjonijiet?

Is-sanzjonijiet tal-UE kontra ISIL/Da'esh u Al-Qaeda jikkonsistu fi:

  • projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal individwi
  • iffriżar tal-assi għal individwi, gruppi u entitajiet
  • projbizzjoni tat-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati

Skont dan ir-reġim, l-UE tista' tpoġġi fil-mira lil dawk li jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, lil ISIL/Da'esh u Al-Qaeda. Tista' tpoġġi wkoll fil-mira lil dawk li jipparteċipaw fl-ippjanar, it-tħejjija jew il-faċilitazzjoni ta' azzjonijiet vjolenti minn ISIL/Da'esh u Al-Qaeda.

Individwi, gruppi, entitajiet u korpi jistgħu jiġu elenkati wkoll għal attivitajiet bħal:

  • il-forniment, il-bejgħ, jew it-trasferiment ta' armi u materjal relatat lil ISIL/Da'esh u Al-Qaeda
  • reklutaġġ għal dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet
  • l-inċitament jew il-provokazzjoni pubblika ta' azzjonijiet vjolenti ta' dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet

Il-Kunsill jirrieżamina l-lista f'intervalli regolari u tal-inqas kull 12-il xahar. Is-sanzjonijiet bħalissa japplikaw għal total ta' 15-il individwu u 8 gruppi u ser jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta' Ottubru 2026.

Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina

Fid-19 ta' Jannar 2024, il-Kunsill stabbilixxa qafas iddedikat ta' miżuri restrittivi li jippermetti lill-Unjoni Ewropea żżomm responsabbli lil kwalunkwe individwu jew entità li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina (PIJ).

Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-gravità tal-attakki tas-7 ta' Ottubru 2023 kontra Iżrael u għandha l-għan li tipprevjeni azzjonijiet vjolenti bħal dawn mill-Ħamas u l-PIJ fil-futur.

Ir-reġim il-ġdid jikkomplementa l-miżuri restrittivi li ġew adottati preċedentement skont il-"lista tal-UE ta' terroristi".

X'inhuma s-sanzjonijiet?

Is-sanzjonijiet tal-UE kontra l-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina jikkonsistu fi:

  • projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal individwi
  • iffriżar tal-assi għal individwi, gruppi u entitajiet
  • projbizzjoni tat-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati

Skont dan ir-reġim, l-UE tista' tpoġġi fil-mira lil dawk li jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, lill-Ħamas jew il-PIJ. Hija tista' tpoġġi wkoll fil-mira lil dawk li jipparteċipaw fl-ippjanar, it-tħejjija jew il-faċilitazzjoni ta' azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas jew il-PIJ.

Individwi, gruppi, entitajiet u korpi jistgħu jiġu elenkati wkoll għal attivitajiet bħal:

  • il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u materjal relatat liż-żewġ organizzazzjonijiet terroristiċi
  • l-appoġġ għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà ta' Iżrael flimkien mal-Ħamas u l-PIJ
  • l-involviment fi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali jew tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem
  • l-inċitament jew il-provokazzjoni pubblika ta' azzjonijiet vjolenti ta' dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet

Għall-ewwel darba, l-UE tista' wkoll tpoġġi fil-mira l-isponsors ta' dawk li jisponsorizzaw lil dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet terroristiċi.

F'Mejju 2026, il-Kunsill iddeċieda li jespandi l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet biex jinkludu fil-mira tagħhom ukoll lil membri tal-Bureau Politiku (“Politburo”) tal-Ħamas li jippromwovu, jiddefendu u jiġġustifikaw azzjonijiet vjolenti.

Barra minn hekk, l-UE ssanzjonat tliet entitajiet skont ir-reġim globali ta' sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem b'reazzjoni għall-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru mifruxa mwettqa matul l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati li seħħew f'diversi bnadi f'Iżrael fis-7 ta' Ottubru 2023.

Ara wkoll

Ir-rispons tal-UE għat-terroriżmu

Ir-rispons tal-UE għat-terroriżmu

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE

Tipi ta' sanzjonijiet li tadotta l-UE

Tipi ta' sanzjonijiet li tadotta l-UE

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Mejju 2026