Skip to content

Prodotti ta' xogħol furzat

L-użu tax-xogħol furzat fil-manifattura tal-prodotti għadu problema dinjija. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha l-għan li effettivament telimina l-prodotti magħmula bl-użu ta' xogħol furzat mis-suq tal-Unjoni.

Ir-realtà tax-xogħol furzat

Ix-xogħol furzat, inkluż it-tħaddim furzat tat-tfal, għadu mifrux madwar id-dinja. L-organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tistma li globalment hemm madwar 27.6 miljun persuna f'sitwazzjoni ta' xogħol furzat, li minnhom 3.3 miljun huma tfal.

Xogħol furzat, kif definit mill-ILO, huwa "kull xogħol jew servizz li huwa impost minn kwalunkwe persuna taħt it-theddida ta' penali u li għalih il-persuna ma tkunx offriet ruħha volontarjament".

Dan jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom persuni jiġu mġiegħla jaħdmu jew permezz tal-użu tal-vjolenza jew l-intimidazzjoni, jew b'mezzi aktar indiretti bħal dejn manipulat, żamma ta' karti tal-identità jew theddid ta' denunzja lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni.

Ix-xogħol furzat għadu jinsab f'għadd kbir ta' setturi, bħall-industriji tat-tessuti u tal-minjieri u fl-agrikoltura.

Tessuti

Agrikoltura

Tħaffir fil-minjieri

L-istrateġija tal-UE biex tipprojbixxi l-prodotti tax-xogħol furzat

L-UE adottat regoli biex tipprojbixxi l-introduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-UE, jew l-esportazzjoni minnu ta' kwalunkwe prodott magħmul bl-użu ta' xogħol furzat.

Biex jinkiseb dan, il-leġiżlazzjoni, li daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2024, tistabbilixxi qafas strutturat għall-projbizzjoni tal-użu tax-xogħol furzat fil-produzzjoni ta' oġġetti tal-UE u fil-ktajjen tal-provvista.

Għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-UE li tipprojbixxi u tneħħi prodott mis-suq uniku jekk jintwera li jinvolvi xogħol furzat, irrispettivament minn jekk ikunx prodott fl-UE jew impurtat fl-UE.

Ir-regoli ser jidħlu fis-seħħ fl-14 ta' Diċembru 2027: minn dik id-data, l-ebda prodott magħmul b'xogħol furzat ma jista' jinbiegħ fis-suq tal-UE.

Investigazzjonijiet

Biex tgħin fil-valutazzjoni ta' ksur possibbli ta' dan ir-regolament, il-Kummissjoni qed tiżviluppa bażi tad-data li ser ikun fiha informazzjoni verifikabbli u aġġornata regolarment dwar ir-riskji ta' xogħol furzat, oqsma jew prodotti.

It-tmexxija tal-investigazzjonijiet ser ikunu responsabbli għaliha awtoritajiet differenti:

  • il-Kummissjoni hija kompetenti barra mit-territorju tal-UE
  • l-awtorità kompetenti nazzjonali tkun qed tmexxi hi meta r-riskji jkunu fit-territorju ta' stat membru

L-awtoritajiet tal-istati membri għandhom jaqsmu informazzjoni ma' stati membri oħra jekk jissuspettaw li jseħħ ksur tar-regolament f'partijiet oħra tal-UE, jew jikkondividu informazzjoni mal-Kummissjoni, jekk jissuspettaw l-użu ta' xogħol furzat f'pajjiż terz.

Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-ksur ta' dan ir-regolament huma:

  • l-iskala u s-severità tax-xogħol furzat suspettat
  • il-kwantità jew il-volum tal-prodotti introdotti jew li jsiru disponibbli fis-suq tal-Unjoni
  • is-sehem tal-partijiet tal-prodott fil-prodott finali li x'aktarx saru b'xogħol furzat
  • il-prossimità tal-operaturi ekonomiċi għar-riskji ta' xogħol furzat suspettat fil-katina tal-provvista tagħhom, kif ukoll l-influwenza li għandhom biex jindirizzawhom

Deċiżjoni finali

Id-deċiżjoni finali ser tittieħed mill-awtorità li mexxiet l-investigazzjoni.

Id-deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali ser tapplika fl-istati membri l-oħra kollha abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

Jekk l-awtoritajiet jikkonkludu li ntuża xogħol furzat, huma jistgħu jiddeċiedu li jipprojbixxu u jirtiraw il-prodotti mis-suq tal-UE u mis-swieq online. Madankollu, jekk il-produtturi jeliminaw ix-xogħol furzat mill-operazzjonijiet jew mill-ktajjen tal-provvista tagħhom, il-prodotti pprojbiti jistgħu jitħallew lura fis-suq tal-UE.

Liema prodotti ser jiġu pprojbiti?

Ir-regoli jkopru l-prodotti kollha manifatturati bl-użu ta' xogħol furzat jew imqiegħda u magħmula disponibbli fis-suq fl-UE, jew esportati mill-UE.

Is-setturi kollha tal-industrija huma koperti mil-leġiżlazzjoni.

Inżidu l-kunfidenza tal-konsumatur

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-fiduċja tal-konsumatur peress li l-prodotti fis-suq tal-UE huma garantiti li jaderixxu mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem.

Għan-negozji, il-leġiżlazzjoni għandha l-potenzjal li tissimplifika l-isforzi ta' sostenibbiltà soċjali, filwaqt li trawwem aktar fiduċja pubblika u kredibbiltà fost il-klijenti.

L-objettiv tal-projbizzjoni antiċipata huwa li tikkontribwixxi b'mod attiv għall-isforzi globali mmirati lejn il-qerda tax-xogħol furzat u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-tfal.

Ara wkoll

Bini modern ta' uffiċċji tal-ħġieġ b'aċċenti vertikali ħodor, akkumpanjat minn stampa ta' lista ta' kontroll b'marki ta' kontroll u weraq ħodor, li jissimbolizzaw is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà ambjentali.
Sostenibbiltà korporattiva

Sostenibbiltà korporattiva

Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Immaġni li turi miżien tal-ġustizzja, ħaddiem fil-qasam tas-saħħa u ħaddiem fil-qasam tal-kostruzzjoni, u t-tnejn qed iżommu clipboard.
Drittijiet tax-xogħol

Drittijiet tax-xogħol

L-aħħar reviżjoni: 17 ta' Awwissu 2024