Skip to content

Kif in-natura tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Natura u ħamrija f'saħħithom huma importanti mhux biss għall-bijodiversità, iżda wkoll għall-qbid tal-emissjonijiet ta' CO2 u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima. Huwa għalhekk li l-UE qed taħdem biex tipproteġi l-ekosistemi u l-ħabitats naturali.

Ir-rwol tan-natura bħala bir tal-karbonju

Iż-żoni fi stat naturali jaqbdu d-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-atmosfera bħala parti mill-proċess ta' fotosinteżi naturali u jaħżnuh fi "bjar tal-karbonju".

Il-foresti, il-ħamrija, it-torbieri u l-oċeani kollha jaġixxu bħala bjar tal-karbonju. Iż-żamma tagħhom fi stat tajjeb ta' saħħa għandha rwol essenzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Madankollu, ħafna ekosistemi bħalissa huma degradati, u dan inaqqas il-kapaċità tagħhom ta' sekwestru tal-karbonju. Pereżempju, f'xi stati membri tal-UE, il-foresti bdew jarmu aktar CO2 milli kapaċi jassorbu minħabba fatturi bħal żieda fil-ħsad, nirien u ħsara mill-pesti.

Ir-restawr tal-foresti u ta' żoni naturali oħra, u li dawn isiru aktar reżiljenti għal avvenimenti li jwasslu għad-degradazzjoni tal-ekosistemi, huma kruċjali sabiex tinżamm u possibbilment tiżdied il-kapaċità tagħhom li jassorbu s-CO2. Mingħajr restawr, il-funzjoni tagħhom bħala bir tal-karbonju tista' tonqos, u dan jista' jkollu impatt negattiv fuq l-objettiv tal-UE li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Idejn li jimbuttaw 'l isfel l-emissjonijiet li joħorġu miċ-ċmieni tal-fabbriki.
Klima

Klima

Miżuri tal-UE għall-protezzjoni tan-natura u l-ħamrija

Sabiex ittejjeb ir-rwol tan-natura bħala bir tal-karbonju, kif ukoll biex tissalvagwardja l-bijodiversità tagħha, l-UE adottat ċerti miżuri, inkluż:

  • il-liġi dwar ir-restawr tan-natura
  • miri ogħla għall-assorbiment tal-karbonju fis-settur tal-użu tal-art

Liġi dwar ir-restawr tan-natura

Il-liġi dwar ir-restawr tan-natura għandha l-għan li tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE, li tirrikjedi li l-istati membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi ta' restawr li jkopru mill-inqas 20% tal-art u tal-ibħra tal-UE sal-2030.

Sal-2050, għandhom ikunu fis-seħħ miżuri għall-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr.

Mira tal-assorbiment tal-karbonju għas-settur tal-użu tal-art

Ir-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), li ġie rivedut bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", jistabbilixxi mira ġdida u aktar ambizzjuża għall-UE kollha għall-assorbimenti netti ta' gassijiet serra li għandha tinkiseb sal-2030 (310 miljun tunnellata ta' ekwivalenti ta' CO2).

Ir-regolament jistabbilixxi wkoll miri vinkolanti għal żieda fl-assorbimenti netti ta' gassijiet serra għal kull stat membru.

L-infografika tispjega kif reviżjoni tar-regolament LULUCF tistabbilixxi regoli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-karbonju fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija.
Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (Infografika)

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025