Skip to content

Assorbiment tal-karbonju

L-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera huwa kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Ir-regoli tal-UE jistabbilixxu sistema għaċ-ċertifikazzjoni tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju.

X'inhu l-assorbiment tal-karbonju?

L-assorbiment tal-karbonju jirreferi għall-proċess li attivament ineħħi d-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-atmosfera.

Peress li ma jistgħux jiġu eliminati l-emissjonijiet kollha ta' gassijiet serra minn ras il-għajn, l-assorbiment tal-karbonju huwa essenzjali biex ipatti għall-emissjonijiet inevitabbli u jillimita t-tisħin globali.

L-assorbiment tal-karbonju jfisser li s-CO2 jitneħħa u jinħażen b'mod sikur, biex ma jkunx jista' jikkontribwixxi biex tiżdied it-temperatura tad-dinja. L-emissjonijiet iffrankati bl-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju ġeneralment jissejħu "emissjonijiet negattivi".

Liema huma l-metodi ewlenin għall-assorbiment tas-CO2?

Jintużaw diversi metodi biex id-diossidu tal-karbonju jitneħħa mill-atmosfera. Fosthom hemm soluzzjonijiet teknoloġiċi u bbażati fuq in-natura:

  • ir-restawr tal-foresti u tal-ħamrija biex tissaħħaħ il-kapaċità naturali tagħhom li jaħżnu l-karbonju
  • ġestjoni aħjar tal-art agrikola biex jiżdied il-potenzjal tagħha li taħżen il-karbonju
  • ġbir tal-karbonju direttament bl-użu ta' sistemi mekkaniċi li jiġbdu s-CO2 u jinjettawh f'faċilitajiet jew prodotti tal-ħżin
  • is-sekwestru tal-karbonju minn impjanti li jipproduċu l-bijofjuwils u l-bijoenerġija
  • il-ħżin tal-karbonju fi prodotti dejjiema, bħall-kostruzzjoni bbażata fuq l-injam

Kif tirregola l-assorbiment tal-karbonju l-UE?

L-UE u l-istati membri tagħha huma marbuta legalment li jiksbu n-newtralità klimatika sal-2050. Dan jitlob tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li l-emissjonijiet inevitabbli li jifdal – minn setturi li jiddependu mill-karbonju – jiġu bbilanċjati bl-assorbimenti tal-karbonju. Iż-żieda fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u fl-attivitajiet li jneħħu s-CO2 mill-atmosfera hija għalhekk essenzjali biex tintlaħaq il-mira tan-newtralità.

Sal-2050 l-assorbimenti u l-emissjonijiet tal-karbonju ser ikollhom jilħqu bilanċ nett

Verżjoni testwali

Il-grafika turi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-assorbimenti tal-karbonju f'miljuni ta' tunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2 mill-2015 sal-2050.

Sal-2050, l-emissjonijiet u l-assorbimenti ser ikollhom ikunu ndaqs biex jintlaħaq bilanċ ta' emissjonijiet żero netti.

*Provvista ta' enerġija: inkluż bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (BECCS); industrija: għajr assorbimenti industrijali mhux BECCS

L-assorbimenti tal-karbonju bl-użu ta' sistemi naturali naqsu f'dawn l-aħħar snin, filwaqt li l-assorbiment industrijali tal-karbonju għadu mhux żviluppat għalkollox. L-UE tixtieq tagħti spinta lill-operazzjonijiet tal-assorbiment tal-karbonju u hija impenjata li tiżviluppa regoli ċari dwar dawn l-attivitajiet.

L-inizjattivi politiċi tal-UE f'dan il-qasam jinkludu:

  • sistema ta' ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju
  • soluzzjonijiet ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola
  • mira għall-assorbimenti tal-karbonju fuq l-art u fil-foresti

Sistema ta' ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju

L-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu fuq proposta biex jiġi stabbilit qafas legali għaċ-ċertifikazzjoni tal-attivitajiet ta' assorbiment tal-karbonju.

L-ewwel pass biex tingħata spinta lill-attivitajiet ta' assorbiment tal-karbonju fl-UE huwa li tiġi stabbilita sistema affidabbli ta' kwantifikazzjoni, monitoraġġ u verifika ta' dawk l-operazzjonijiet.

Il-proposta ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2022, u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ftiehmu dwarha b'mod proviżorju waqt trilogi fi Frar 2024. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati mal-Parlament f'Novembru 2023.

Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda f'Novembru 2024.

Kif taħdem iċ-ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbiment tal-karbonju?

Iċ-ċertifikazzjoni hija kruċjali biex ikun hemm aktar ċarezza u trasparenza dwar l-operazzjonijiet tal-assorbiment tal-karbonju u tiġi evitata l-ambigwità fl-identifikazzjoni tagħhom.

Il-proposta għal regolament dwar qafas volontarju ta' ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju fl-UE kollha għandha l-għanijiet li ġejjin:

  • il-faċilitazzjoni u t-tħaffif tal-introduzzjoni ta' attivitajiet ta' assorbiment tal-karbonju u tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ħamrija
  • l-għoti ta' kriterji għall-identifikazzjoni ta' assorbimenti u tnaqqis ta' kwalità għolja
  • il-ħolqien ta' opportunitajiet kummerċjali għall-industrija u l-ġesturi tal-art
  • il-ġlieda kontra l-greenwashing u t-tisħiħ tal-fiduċja

Liema attivitajiet ikunu koperti?

Skont il-ftehim proviżorju li ntlaħaq fi Frar 2024, il-proposta għal regolament tkun tkopri:

Impjant industrijali għall-assorbiment tas-CO2.

ħżin permanenti tal-karbonju permezz ta' teknoloġiji industrijali, bħall-bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (BECCS) u l-qbid dirett tal-karbonju mill-arja u l-ħżin tiegħu (DACCS)

Art agrikola b'siġra, ċereali u balal tal-ħuxlief.

ħżin tal-karbonju u tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ħamrija permezz ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola għal mill-inqas ħames snin (pereżempju bir-restawr ta' foresti, ġestjoni tal-ħamrija u ta' artijiet mistagħdra u bi prattiki ta' għelejjel ta' kopertura)

Dar tal-injam u zkuk tas-siġar.

ħżin tal-karbonju fi prodotti dejjiema (pereżempju kostruzzjoni bl-injam) għal mill-inqas 35 sena

Metodi bħall-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) u l-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) ma jkunux koperti mir-regoli. Sal-2026, il-Kummissjoni terġa' teżamina l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli biex tivvaluta l-fattibbiltà tal-inklużjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet agrikoli marbut mat-trobbija tal-annimali.

Kriterji għaċ-ċertifikazzjoni

L-attivitajiet jistgħu jiġu ċċertifikati skont ir-regoli tal-UE jekk jissodisfaw erba' kriterji tal-kwalità:

  • kwantifikazzjoni: l-attivitajiet iridu jwasslu għal benefiċċju kwantifikabbli ta' assorbiment nett ta' karbonju jew tnaqqis tal-emissjonijiet (jiġifieri l-assorbiment tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet iridu jkunu aktar mill-emissjonijiet li tipproduċi l-attività)
  • addizzjonalità: l-attivitajiet imorru lil hinn minn prattiki normali
  • ħżin fit-tul: iċ-ċertifikati huma marbuta ma' kemm idum il-ħżin sabiex jiżguraw ħżin dejjiemi u jimminimizzaw ir-riskju ta' rilaxx ta' karbonju
  • sostenibbiltà: l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-sostenibbiltà, pereżempju billi jipproteġu l-bijodiversità u r-riżorsi tal-ilma

Il-Kummissjoni Ewropea, megħjuna minn grupp ta' esperti, ingħatat l-inkarigu li tiżviluppa metodoloġiji ta' ċertifikazzjoni bbażati fuq dawn il-kriterji.

Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni

Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni għall-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju jkun volontarju.

Erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament tal-UE jiġi żviluppat reġistru taċ-ċertifikazzjonijiet għall-UE kollha.

Biex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni, ikunu jridu jittieħdu l-passi li ġejjin:

  1. l-operaturi jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar l-attività tagħhom ta' assorbiment tal-karbonju
  2. ċertifikaturi indipendenti terzi jivverifikaw l-attivitajiet skont il-kriterji u l-metodoloġija tal-UE
  3. jinħarġu ċertifikati lill-operaturi
  4. l-attivitajiet jiddaħħlu fir-reġistru tal-UE

Ir-regolament jistabbilixxi obbligi ċari ta' monitoraġġ u regoli dwar ir-responsabbiltà għall-operaturi.

Soluzzjonijiet ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar is-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola, wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' April 2022 dwar iċ-ċikli tal-karbonju sostenibbli. Il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jħeġġu prattiki tal-biedja li jgħinu fil-qbid u l-ħżin tas-CO2.

Mira għall-assorbimenti tal-karbonju fuq l-art u fil-foresti

Fil-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", l-UE adottat leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-istati membri jneħħu l-ekwivalenti ta' 310 miljun tunnellata ta' CO2 sal-2030 fis-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija. Is-settur jinkludi attivitajiet marbuta mal-użu u l-ġestjoni tal-art u l-foresti, li b'mod naturali jassorbu u jaqbdu l-karbonju.

Biex tintlaħaq il-mira tal-assorbiment tal-karbonju, ġew stabbiliti miri li jorbtu għal kull stat membru.

Ir-regolament ġie adottat formalment mill-Kunsill f'Marzu 2023.

L-infografika tispjega kif reviżjoni tar-regolament LULUCF tistabbilixxi regoli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-karbonju fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija.
Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (Infografika)

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Diċembru 2024