Timeline - Human rights
-
2026
11 ta' FrarIl-Kunsill jestendi l-mandat tar-rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi b'sentejn il-mandat ta' Kajsa Ollongren bħala rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, sad-29 ta' Frar 2028. Is-Sa Ollongren inħatret għall-ewwel darba f'Ġunju 2025.
-
2025
23 ta' ĠunjuL-UE taħtar rappreżentant speċjali ġdid għad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill ħatar lil Kajsa Ollongren bħala r-rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem.
Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE l-ġdida ser tkompli l-ħidma tal-predeċessuri tagħha biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-pożizzjonijiet tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali.
-
2025
27 ta' JannarKonklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem 2025
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-2025.
Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill enfasizza li biex il-liġijiet u n-normi jkunu aktar b'saħħithom mill-kunflitt, kulħadd irid jimpenja ruħu għall-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali, abbażi tan-Nazzjonijiet Uniti. Għal dan l-għan, l-UE ser tkompli tikkoopera mar-reġjuni kollha tad-dinja, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-istess fehma.
-
2024
24 ta' ĠunjuIt-tfal u l-konflitti armati: il-Kunsill jaġġorna l-linji gwida tal-UE u japprova konklużjonijiet
L-UE hija mħassba serjament dwar iż-żieda fil-ksur tad-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-konflitti armati, aggravat mill-proliferazzjoni ta' gwerer, inkluż il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u d-deportazzjoni illegali tagħha u t-trasferiment furzat tagħha ta' tfal Ukreni.
Il-linji gwida aġġornati tal-UE huma maħsuba li jsaħħu l-kontribut tal-UE għall-iżgurar tar-rispett, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal f'konflitti armati u f'sitwazzjonijiet oħra ta' vjolenza bl-armi minn organizzazzjonijiet terroristiċi jew minn gruppi kriminali organizzati fuq livell globali.
-
2024
27 ta' MejjuL-UE testendi l-pjan ta' azzjoni tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija sal-2027
L-UE estendiet il-pjan ta' azzjoni tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija sal-2027, inizjalment adottat għall-perjodu 2020-2024. Il-pjan ta' azzjoni jiggwida l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE li jrawmu d-drittijiet tal-bniedemu d-demokrazija madwar id-dinja.
B'sens ta' urġenza mġedded, l-estensjoni tal-pjan ta' azzjoni tikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tagħha, filwaqt li tingħaqad mal-istati membri, is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi tad-demokrazija u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
-
2024
26 ta' FrarIl-Kunsill jaħtar rappreżentant speċjali ġdid tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill ħatar lil Olof Skoog bħala r-rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem wara Eamon Gilmore. Huwa ser ikompli l-ħidma tal-predeċessuri tiegħu biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-pożizzjonijiet tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali.
Barra minn hekk, ser jgħin jistabbilixxi vuċi Ewropea aktar b'saħħitha permezz tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi rilevanti oħra.
Ir-rappreżentant speċjali ser jaħdem mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżgura l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-azzjonijiet esterni.
-
2024
22 ta' JannarKonklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem 2024
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-2024.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, il-multilateraliżmu u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali fl-ambjent internazzjonali attwali mimli tensjoni kkaratterizzat minn kunflitt armat, awtoritarjaniżmu, diżinformazzjoni u spinta kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
-
2023
20 ta' FrarKonklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem 2023
L-2023 huwa l-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-UE:
- tafferma mill-ġdid l-impenn inekwivoku tagħha għar-rispett, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem kollha u għad-difiża tal-universalità tagħhom
- iżżomm magħquda bħala sostenitur ferventi tas-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u ser tkompli tirrispetta, tiddefendi u tippromwovi b'mod attiv id-drittijiet tal-bniedem kollha bħala prijorità tal-azzjoni esterna tagħha
-
2022
21 ta' ĠunjuKonklużjonijiet tal-Kunsill: il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-professjonisti oħra tal-media
Il-Kunsill jirrikonoxxi li ħafna ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media ma jistgħux jaħdmu b'mod ħieles u indipendenti kullimkien kif suppost.
Skont rapport tal-Kunsill tal-Ewropa l-għadd ta' twissijiet dwar theddid serju għas-sikurezza tal-ġurnalisti u l-libertà tal-media fl-Ewropa kważi rdoppja mill-2016 (l-għadd ta' twissijiet fl-2021 kien 282).
Is-sitwazzjoni ekonomika tal-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media sejra għall-agħar anki minħabba fatturi bħal:
- it-trasformazzjoni diġitali
- l-għeluq ta' stazzjonijiet tax-xandir
- il-konsegwenzi tal-pandemija
-
2022
9 ta' ĠunjuKonklużjonijiet tal-Kunsill: id-drittijiet tat-tfal
Il-Kunsill jappella lill-istati membri biex itejbu l-protezzjoni tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, fost oħrajn billi:
- jistabbilixxu proċeduri ta' akkoljenza (akkomodazzjoni adattata għall-ħtiġijiet tat-tfal u aċċess għas-servizzi bażiċi)
- jipprovdu assistenza lit-tfal mhux akkumpanjati, (kustodja legali jew rappreżentanza xierqa)
- isaħħu l-politika tal-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal (strateġiji għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar u ħolqien ta' għarfien dwar ir-riskju)
- jiżguraw li ma ssirx strumentalizzazzjoni tal-emerġenzi fejn tidħol il-kustodja tat-tfal (m'għandhomx isiru adozzjonijiet waqt konflitti armati)
-
2022
4 ta' MarzuKonklużjonijiet tal-Kunsill: il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-antisemitiżmu
F'dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jiddeplora ż-żieda allarmanti ta' inċidenti razzisti u antisemitiċi fl-istati membri tal-UE.
Huwa jistieden lill-istati membri biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni u strateġiji sa tmiem l-2022, li jimplimentaw il-pjan ta' azzjoni 2020 tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-istrateġija 2021 tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.
-
2022
24 ta' JannarKonklużjonijiet tal-Kunsill: il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2022
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2022. Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE biex tirrispetta, tipproteġi u tissodisfa:
- id-drittijiet tal-bniedem
- id-demokrazija
- l-istat tad-dritt
U biex tagħmel dan b'mod konsistenti u koerenti fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha u tappoġġa s-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bħala ġebla tax-xewka tal-azzjoni esterna tagħha.
L-UE ser tindirizza riskji li feġġew reċentement għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż:
- it-theddid ibridu
- l-iżviluppi teknoloġiċi
- it-tibdil fil-klima
- il-konsegwenzi kontinwi tal-pandemija tal-COVID-19
-
2020
19 ta' NovembruKonklużjonijiet tal-Kunsill: il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024
B'dan il-Pjan ta' Azzjoni, il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-UE biex tkompli tmexxi 'l quddiem il-valuri universali għal kulħadd.
Minkejja xi passi kbar 'il quddiem, kien hemm ukoll reżistenza għall-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha kellhom impatt dejjem aktar negattiv fuq:
- id-drittijiet tal-bniedem
- id-demokrazija
- l-istat tad-dritt
Kien hemm ukoll żieda fl-inugwaljanzi li kienu diġà jeżistu u pressjoni ikbar fuq persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli.
L-UE u l-istati membri tagħha ser jużaw il-firxa sħiħa ta' strumenti li għandhom, fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna, biex jiffukaw u jsaħħu aktar it-tmexxija globali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE.
-
2020
7 ta' OttubruL-UE tadotta reġim ta' sanzjonijiet globali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem
Il-Kunsill adotta deċiżjoni u regolament li jistabbilixxu reġim ta' sanzjonijiet globali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
L-UE qed tgħammar lilha nnifisha b'qafas li jippermettilha tolqot lil dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, jew li kienu involuti fihom jew assoċjati magħhom, irrispettivament minn fejn seħħew u jekk humiex
- individwi
- entitajiet
- korpi
Tali miżuri restrittivi ser jipprevedu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar li tapplika għall-individwi, u l-iffriżar ta' fondi li japplika kemm għall-individwi kif ukoll għall-entitajiet.
Barra minn hekk, persuni u entitajiet fl-UE mhux ser jitħallew jqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati, kemm b'mod dirett kif ukoll indirett.
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Frar 2026