Skip to content

Il-ftehim nukleari tal-Iran

Il-ftehim dwar il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) għandu l-għan li jiżgura li l-programm nukleari tal-Iran ikun esklużivament paċifiku. Huwa jistabbilixxi l-iskeda ta' żmien u l-arranġamenti biex jitneħħew is-sanzjonijiet relatati mal-qasam nukleari kontra l-Iran.

Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt

Il-ftehim dwar il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) għandu l-għan li jiżgura li l-programm nukleari tal-Iran ikun esklużivament paċifiku.

Huwa jistabbilixxi l-iskeda ta' żmien u l-arranġamenti biex jitneħħew is-sanzjonijiet relatati mal-qasam nukleari kontra l-Iran, f'konformità mal-approċċ tal-UE li l-Iran qatt ma għandu jitħalla jakkwista arma nukleari u li jrid jikkonforma mal-obbligi legalment vinkolanti tiegħu ta' salvagwardja nukleari skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni.

Jum il-finalizzazzjoni

Fl-20 ta' Lulju 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva l-ftehim nukleari tal-Iran, magħruf bħala l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt dwar il-programm nukleari tal-Iran (PAKK), permezz tar-Riżoluzzjoni 2231 (2015). Fil-31 ta' Lulju l-Kunsill tal-UE adotta l-atti legali li jittrasponu l-ewwel waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet f'liġi tal-UE.

B'mod partikolari, dawk l-atti stabbilew li s-sanzjonijiet m'għadhomx japplikaw għall-forniment ta' materjal, tagħmir jew assistenza b'rabta ma':

  • il-modifika ta' żewġ kaskati fil-faċilità ta' Fordow għall-produzzjoni ta' isotopi stabbli
  • il-modernizzazzjoni tar-reattur ta' Arak
  • l-esportazzjoni tal-uranju arrikkit tal-Iran f'ammonti ta' aktar minn 300 kilogramma bi skambju għal uranju naturali

Huma pprevedew ukoll eżenzjonijiet għall-attivitajiet u t-trasferimenti:

  • meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' ċerti azzjonijiet relatati mal-qasam nukleari speċifikati fil-PAKK
  • meħtieġa għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-PAKK
  • iddeterminati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilit skont il-UNSCR 1737 (2006) li huma konsistenti mal-objettivi tal-UNSCR 2231 (2015).

Dawk l-eżenzjonijiet jeħtieġ li jiġu approvati skont il-każ.

Jum l-adozzjoni

Fit-18 ta' Ottubru 2015, 90 jum wara r-riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, daħal fis-seħħ il-PAKK. Il-parteċipanti tal-PAKK għamlu l-arranġamenti u t-tħejjijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom fil-PAKK.

L-atti legali adottati mill-UE li jipprevedu t-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-UE relatati mal-qasam nukleari kif speċifikat fil-PAKK, isiru effettivi minn jum l-implimentazzjoni, fl-istess ħin tal-implimentazzjoni mill-Iran ivverifikata mill-IAEA ta' miżuri maqbula relatati mal-qasam nukleari.

Jum l-implimentazzjoni

Fis-16 ta' Jannar 2016, ladarba l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) kienet ivverifikat l-implimentazzjoni mill-Iran tal-miżuri relatati mal-qasam nukleari, tneħħew il-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet tal-UE u tan-NU. L-UE neħħiet kull sanzjoni ekonomika u finanzjarja relatata mal-qasam nukleari.

Madankollu, xi restrizzjonijiet baqgħu fis-seħħ, inkluż restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta' prodotti li joħolqu riskju ta' proliferazzjoni, l-embargoes fuq l-armi u l-missili ballistiċi u l-miżuri restrittivi kontra xi wħud mill-persuni u l-entitajiet elenkati.

Irtirar tal-Istati Uniti

Fit-8 ta' Mejju 2018, il-President tal-Istati Uniti ħabbar l-irtirar tal-Istati Uniti mill-PAKK. Għalhekk, mid-9 ta' Mejju, l-Istati Uniti waqfu jipparteċipaw fi kwalunkwe attività jew laqgħa relatata mal-PAKK.

Fil-21 ta' Diċembru 2020, il-parteċipanti fil-PAKK irrikonoxxew fuq livell ministerjali l-prospett li l-Istati Uniti jerġgħu jidħlu fil-PAKK u ssottolinjaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu sforz konġunt biex jindirizzaw dan b'mod pożittiv.

Jum it-tranżizzjoni

Skont il-PAKK, tmien snin wara jum l-adozzjoni, jew meta jinħareġ rapport tal-IAEA li jiddikjara li l-IAEA laħqet il-konklużjoni ġenerali li l-materjal nukleari kollu fl-Iran jibqa' jintuża esklużivament għal attivitajiet paċifiċi, skont liema tiġi l-ewwel, l-UE ser tneħħi s-sanzjonijiet b'rabta mal-proliferazzjoni.

Minħabba n-nonkonformità tal-Iran mal-impenji tiegħu skont il-PAKK, fit-18 ta' Ottubru 2023 (jum it-tranżizzjoni tal-ftehim) il-Kunsill iddeċieda li jżomm is-sanzjonijiet tiegħu kontra l-Iran.

Il-Kunsill qabel li jżomm id-deżinjazzjonijiet għal individwi u entitajiet involuti f'attivitajiet nukleari jew ta' missili ballistiċi jew affiljati mal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC).

Il-Kunsill qabel ukoll li jżomm miżuri settorjali u individwali, taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE.

Jum it-terminazzjoni

Skont il-PAKK, 10 snin wara jum l-adozzjoni (jiġifieri fit-18 ta' Ottubru 2025), is-sanzjonijiet kollha tan-NU u tal-UE li fadal kontra l-Iran kellhom jintemmu.

Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-Iran mal-impenji tiegħu skont il-PAKK, fit-28 ta' Settembru 2025 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda li jimponi mill-ġdid is-sanzjonijiet kollha li kienu tneħħew fl-2016. Dik l-attivazzjoni mill-ġdid tikkonkludi l-proċess ta' treġġigħ lura mibdi fit-28 ta' Awwissu 2025 minn Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit.

Wara d-deċiżjoni tan-NU, fid-29 ta' Settembru 2025, il-Kunsill impona mill-ġdid is-sanzjonijiet kollha relatati man-nukleari kontra l-Iran li kienu tneħħew fl-2016. Il-miżuri jinkludu kemm is-sanzjonijiet tan-NU trasposti awtomatikament fil-liġi tal-UE kif ukoll il-miżuri awtonomi tal-UE.

Sanzjonijiet imposti mill-UE minħabba s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, l-appoġġ għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u raġunijiet oħra ma jagħmlux parti mill-PAKK, u għadhom fis-seħħ.

Ara wkoll

A paper with abstract elements.
Kronoloġija - Sanzjonijiet immirati lejn l-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran

Kronoloġija - Sanzjonijiet immirati lejn l-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran

Mara tgħolli idha f'ġest ta' emanċipazzjoni, fuq sfond ta' forom ġeometriċi Persjani ta' lwien ħodor.
Sanzjonijiet kontra l-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran

Sanzjonijiet kontra l-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran

Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet

Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Settembru 2025