"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Id-diskussjoni bdiet b'intervent b'vidjokonferenza tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Andrii Sybiha, li ta ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni fuq il-post, l-aktar prijoritajiet urġenti tal-Ukrajna, u l-iżviluppi diplomatiċi reċenti.
Id-diskussjoni sussegwenti tal-UE27 kkonċentrat l-ewwel fuq l-attakki massivi Russi fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna u l-ħtieġa li l-Ukrajna tingħata appoġġ għall-enerġija.
Hu delitt tal-gwerra li wieħed jattakkata l-infrastruttura ċivili bħall-infrastruttura tal-enerġija, sptarijiet, skejjel, bini ta' appartamenti. Ir-Russja mhux jirnexxielha tirbaħ fil-kamp tal-battalja, u għalhekk tipprova tuża x-xitwa bħala arma. Issa, l-enerġija qiegħda fl-ewwel linja tal-attakk. L-UE qed twieġeb bl-akbar pakkett ta' għajnuna għax-xitwa li qatt tat.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-Kunsill imbagħad iddiskuta kif iżid il-pressjoni fuq ir-Russja, u semma d-deċiżjoni li jżid lir-Russja mal-lista ta' pajjiżi f'riskju ta' ħasil tal-flus, u l-ħidma li għaddejja fuq is-self ta' €90 biljun u l-20 pakkett ta' sanzjonijiet.
Il-ministri semmew il-ħidma li għaddejja biex jiġu ffinalizzati l-kontributi tal-UE għall-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna u biex jiġi estiż it-taħriġ militari għat-territorju Ukren u l-appoġġ għall-industrija tad-difiża Ukrena.
Ir-Rappreżentant Għoli saħqet li l-ġarr tar-responsabbiltà għadu essenzjali, u għalhekk il-ġimgħa li għaddiet, l-UE allokat l-ewwel €10 miljun biex tgħin biex jitwaqqaf Tribunal Speċjali għad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill impona miżuri restrittivi kontra sitt individwi fid-dawl tal-attivitajiet ibridi kontinwi tar-Russja, inkluż il-Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin (FIMI) kontra l-UE u l-istati membri u s-sħab tagħha.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, billi beda bis-sitwazzjoni fl-Iran, fid-dawl tal-mewġa reċenti ta' repressjoni vjolenti ta' opinjonijiet kuntrarji u d-detenzjoni arbitrarja ta' dimostranti mir-reġim Iranjan.
Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra 15-il persuna u sitt entitajiet, involuti fl-użu ta' vjolenza, detenzjoni arbitrarja, u tattiċi ta' intimidazzjoni kontra persuni ċivili Iranjani. Barra minn hekk, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi skont ir-reġim tad-droni u l-missili fid-dawl tal-appoġġ tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
Fl-Iran, ir-repressjoni orribbli fuq id-dimostranti saret bi spiża umana kbira. L-UE diġà għandha fis-seħħ sanzjonijiet estensivi. Illum, il-ministri qablu li jsejħu lill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni tal-Iran bħala organizzazzjoni terroristika. Dan ser ipoġġihom fl-istess keffa mad-Daesh, il-Ħamas, il-Hezbollah, l-Al-Qaeda. [...] Ma nistgħux ma nweġbux għar-repressjoni.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Rigward is-Sirja, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-aħħar żviluppi fil-pajjiż, inkluż il-vjolenza li faqqgħet dan l-aħħar fil-Grigal. Il-ministri eżaminaw il-ħidma li saret fil-livell tal-UE fuq il-preżenza diplomatika u l-appoġġ umanitarju iżda kkonċentraw ukoll fuq it-theddid għall-istabbiltà tal-pajjiż. B'mod ġenerali, il-ministri saħqu li tranżizzjoni politika inklużiva u proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali huma kruċjali biex is-Sirja ma titħalliex terġa’ lura għall-instabbiltà.
Barra minn hekk, il-ministri ddiskutew il-kontribut tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv biex jintemm il-Kunflitt f'Gaża, wara t-tħabbira tal-Istati Uniti tal-14 ta' Jannar dwar it-tnedija tat-tieni fażi tal-pjan, b'enfasi fuq is-sigurtà, il-governanza u r-rikostruzzjoni.
F'dan il-kuntest, il-ministri ffukaw fuq il-kwistjoni ta' involviment imsaħħaħ tal-PSDK, inkluż permezz ta' mandati aġġustati għall-missjonijiet ċivili tal-UE ta' EUBAM Rafah u EUPOL COPPS biex iħarrġu lill-pulizija ċivili Palestinjana.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-sigurtà ta' Gaża trid tkun f'idejn il-Palestinjani.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Dwar il-governanza, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rwol possibbli tal-UE fil-"Bord ta' Paċi", wara l-laqgħa informali tal-membri tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Jannar 2026. Il-ministri esprimew ir-rieda li jaħdmu flimkien mal-Istati Uniti fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Paċi komprensiv għal Gaża, b'Bord ta' Paċi jwettaq il-missjoni tiegħu bħala amministrazzjoni tranżizzjonali, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2803 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta wkoll is-sitwazzjoni umanitarja u l-aċċess għal Gaża, inkluż il-kwistjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-NGOs, is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fix-Xatt tal-Punent b'attività ta' insedjament u vjolenza dejjem akbar, kif ukoll l-appoġġ tal-UE għall-Awtorità Palestinjana u l-programm ta' riforma tagħha.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin qasam il-fehmiet tiegħu dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, minħabba l-eskalazzjoni reċenti ta' vjolenza fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK).
Wara d-diskussjonijiet fil-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Diċembru, il-ministri tal-UE ddiskutew kif l-UE tista' tappoġġa l-isforzi għall-paċi bbażati fuq il-Ftehimiet ta' Washington u d-Dikjarazzjoni ta' Doha, kif ukoll l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Unjoni Afrikana. Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE kkonċentraw ukoll fuq kif jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja li dejjem sejra għall-agħar u kif l-UE tista' tintensifika l-impenn diplomatiku fuq il-post u tappoġġa sforzi ta' stabbilizzazzjoni reġjonali.
Il-Kunsill kellu diskussjoni informali f'format restrittiv dwar il-prospettiva strateġika tal-politika barranija għall-2026 fid-dawl tal-iżviluppi politiċi bħalissa.
F'ikla ta' ħidma, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE kellhom skambju informali ta' fehmiet mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, Volker Türk, fejn iddiskutew id-drittijiet tal-bniedem f'kuntesti ta' kunflitt u ta' kriżi, b'enfasi fuq l-Ukrajna, il-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Lagi l-Kbar.
Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-2026.
Il-Kunsill adotta aktar sanzjonijiet kontra seba' persuni responsabbli għall-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.