"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Flussi migratorji fir-rotot tal-Punent

L-UE u l-istati membri tagħha ħadu għadd ta' miżuri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-Punent tal-Mediterran u fir-rotot tal-Afrika tal-Punent.

Il-migranti jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi tul il-kosta tal-Afrika tal-Punent biex jaslu fil-Gżejjer Kanarji. Id-distanza koperta tvarja minn inqas minn 100 kilometru mill-eqreb punt tal-kosta Afrikana sa aktar minn 1600 kilometru mill-Gambja.

Il-migranti jgħaddu wkoll mill-Marokk u l-Alġerija biex jaslu Spanja.

Fuq din il-paġna tista' tkun taf aktar dwar:

  • is-sitwazzjoni fir-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Afrika tal-Punent
  • Il-miżuri tal-UE fil-pajjiżi ta' tranżitu
  • L-azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni fl-Afrika
Familja b'barżakki u bagalji timxi lil hinn mill-ispettatur tul mogħdija blu, fid-direzzjoni lejn muntanji stilizzati mgħottija bil-borra li jidhru fuq il-linji ta' kontorn.

Flussi migratorji: ir-rotot tal-Lvant, Ċentrali u tal-Punent (Infografika)

Rotta tal-Punent tal-Mediterran

Ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent tirreferi għal wasliet irregolari fi Spanja, kemm permezz tal-Baħar Mediterran lejn Spanja kontinentali kif ukoll fuq l-art lejn l-enklavi Spanjoli ta' Ceuta u Melilla fl-Afrika ta' Fuq.

Il-migranti jgħaddu mill-Marokk u l-Alġerija biex jaslu Spanja. Fl-2018, ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent saret l-aktar rotta użata ta' spiss lejn l-Ewropa. Wara l-2018, fejn kien hemm l-akbar għadd ta' wasliet, mill-2019 'il quddiem dawn naqsu b'mod kostanti minħabba diversi fatturi, u fuq kollox:

  • aktar sforzi mill-Marokk fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali
  • kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Marokk, Spanja u l-UE
  • il-pandemija tal-COVID-19

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tappoġġa lil Spanja fil-kontroll tal-fruntieri esterni tagħha fuq l-art kontinentali permezz ta' operazzjonijiet marittimi konġunti bħal Operazzjoni Indalo.

L-uffiċjali, il-bastimenti u assi oħra ta' sorveljanza użati mill-aġenzija jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali fis-sorveljanza fuq il-fruntiera u fit-tiftix u s-salvataġġ.

F'Diċembru 2022, l-UE u s-sħab Afrikani nedew Inizjattivi ta' Tim Ewropa (TEI), li fost affarijiet oħra jiffukaw fuq ir-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Afrika tal-Punent biex jiżguraw sforzi konġunti mill-istati membri u mill-UE biex jindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni. Dawn jinkludu inizjattiva speċifika li timmobilizza €950 miljun biex taħdem mas-sħab Afrikani rilevanti.

Rotta tal-Afrika tal-Punent

Ir-rotta tal-Afrika tal-Punent tirreferi għal wasliet irregolari fil-Gżejjer Kanarji, fl-Oċean Atlantiku. Il-migranti jitilqu prinċipalment mill-Marokk, is-Saħara tal-Punent, il-Mauritania, is-Senegal u l-Gambja u jibdew vjaġġi perikolużi tul il-kosta tal-Afrika tal-Punent biex jaslu fil-Gżejjer Kanarji. Id-distanza koperta tvarja minn inqas minn 100 kilometru mill-eqreb punt fil-kosta Afrikana sa aktar minn 1600 kilometru mill-Gambja.

Fl-2006, fil-Kanarji waslu aktar minn 31 000 migrant irregolari. Din kienet magħrufa bħala l-kriżi tal-Cayucos, imsemmija għad-dgħajjes tas-sajd popolari mis-Senegal u l-Mauritania.

Fis-snin ta' wara, l-għadd ta' wasliet irregolari naqas għal inqas minn 1 500 wasla fis-sena. Wara żieda sinifikanti fl-2020 u l-2021, l-għadd ta' wasliet irregolari reġa' naqas fl-2022.

Il-miżuri tal-UE fil-pajjiżi ta' tranżitu

Wara ż-żieda sostanzjali fil-wasliet irreġistrata fl-2018 fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent, l-UE nediet għadd ta' inizjattivi ġodda mal-pajjiżi sħab, inkluż kooperazzjoni intensifikata fis-sħubija bejn l-UE u l-Marokk.

Xi wħud mill-oqsma koperti mill-kooperazzjoni mal-Marokk huma:

  • il-ġestjoni tal-fruntieri
  • l-integrazzjoni soċjoekonomika
  • l-appoġġ istituzzjonali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet
  • il-protezzjoni u d-drittijiet tal-migranti

L-UE tinsab f'kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet minn pajjiżi oħra ta' tranżitu biex tiżdied il-kooperazzjoni li għaddejja bħalissa fil-ġestjoni tal-migrazzjoni.

L-azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni fl-Afrika

Il-proċess tal-Belt Valletta

F'Novembru 2015, is-Summit tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni laqqa' flimkien il-kapijiet ta' stat u ta' gvern Ewropej u Afrikani fi sforz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi attwali u wkoll l-opportunitajiet mill-migrazzjoni.

Il-mexxejja li ħadu sehem fis-summit adottaw dikjarazzjoni politika u pjan ta' azzjoni maħsuba biex:

  • jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat
  • tittejjeb il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà
  • tissaħħaħ il-protezzjoni ta' migranti u persuni li jfittxu ażil
  • jiġu pprevenuti u miġġielda l-migrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin
  • titwettaq ħidma aktar mill-qrib sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni

Fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE għall-Afrika

Il-fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) tnieda mis-sħab Ewropej u Afrikani fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni f'Novembru 2015. L-attivitajiet tiegħu jiffukaw fuq erba' objettivi strateġiċi:

  • il-ftuħ ta' aktar opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjieg
  • it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet
  • il-ġestjoni tal-migrazzjoni mtejba
  • it-titjib tal-governanza u tal-prevenzjoni ta' kunflitti

Sal-lum, ġew approvati 248 azzjoni fit-tliet reġjuni koperti mill-EUTF għall-Afrika (l-Afrika ta' Fuq; is-Saħel u l-Lag Chad; il-Qarn tal-Afrika), għal ammont totali ta' madwar €4.9 biljun ta' finanzjament. Fondi speċifiċi mill-EUTF jappoġġaw proġetti u attivitajiet li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u jtejbu l-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ewlenin ta' oriġini, ta' tluq u ta' tranżitu.
Ir-riżultati tal-EUTF għall-Afrika s'issa kienu ta' suċċess, billi:

  • inħolqu 127 800 impjieg
  • 668 500 persuna ġew megħjuna jiżviluppaw attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul
  • 9.5 miljun persuna jirċievu servizzi soċjali bażiċi
  • 4.4 miljun persuna jirċievu assistenza fin-nutrizzjoni
  • 509 000 migrant fi tranżitu u persuna spostata bil-forza ġew protetti
  • 2 miljun persuna nnotifikati permezz ta' kampanja ta' informazzjoni dwar ir-riskji marbuta mal-migrazzjoni
  • 2 100 vittma tat-traffikar assistiti
  • 1.9 miljun persuna qed jieħdu sehem f'attivitajiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' bini tal-paċi
Mappa tal-kontinent Afrikan. Tliet oqsma huma enfasizzati b'kuluri differenti, li juru r-reġjuni li jirċievu fondi taħt il-fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE għall-Afrika.

Fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE għall-Afrika (Infografika)

Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana

Il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-istati membri tal-Unjoni Afrikana (UA) u tal-Unjoni Ewropea (UE) iltaqgħu għas-sitt summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana fi Brussell fis-17 u t-18 ta' Frar 2022. Il-mexxejja tal-UE u tal-UA qablu dwar sħubija msaħħa u reċiproka għall-migrazzjoni u l-mobbiltà.

L-UE u l-UA ser ikomplu jindirizzaw l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-mobbiltà, f'konformità mal-kompetenzi nazzjonali, b'mod integrat, komprensiv u bbilanċjat.