Għaliex huwa importanti li l-ħamrija tinżamm f'saħħitha
Il-ħamrija hija essenzjali għas-servizzi ewlenin li toffri n-natura, bħall-ikel u l-ilma nadif. Li jiġi żgurat li l-ħamrija tkun f'saħħitha huwa meħtieġ għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem.
Il-ħajja tiddependi fuq ħamrija f'saħħitha
Il-ħamrija hija l-pedament għall-ħajja fid-Dinja. In-nies, il-pjanti u l-annimali kollha jeħtieġu ħamrija f'saħħitha biex jgħixu u jirnexxu.
Uħud mill-benefiċċji vitali pprovduti mill-ħamrija jinkludu:
- ikel tajjeb għas-saħħa u ilma nadif
- ħabitats għall-bijodiversità
- il-qbid tad-diossidu tal-karbonju u gassijiet serra oħra, li jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
Ħamrija f'saħħitha taħżen b'mod naturali s-CO2 u gassijiet serra oħra. Fil-fatt, il-ħamrija tirrappreżenta l-akbar raggruppament tal-karbonju terrestri fuq il-pjaneta – dan ifisser li taħżen l-akbar ammont ta' gassijiet serra meta mqabbla ma' elementi naturali oħra, bħas-siġar.
Madankollu, illum, sa 70% tal-ħamrija fl-UE mhijiex f'kundizzjoni tajba. Il-miżuri tal-UE għandhom l-għan li jnaqqsu t-tniġġis u d-degradazzjoni tal-ħamrija.
Inizjattivi ta' politika tal-UE dwar il-ħamrija
Il-politika tal-UE dwar is-saħħa tal-ħamrija hija bbażata fuq l-għan ta' tniġġis żero stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fl-2021: it-tniġġis tal-ħamrija - kif ukoll it-tniġġis tal-ilma u tal-arja - għandu jitnaqqas għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistemi naturali sal-2050.
Strateġija dwar il-ħamrija għall-2030
Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-istrateġija dwar il-ħamrija għall-2030, f'konformità mal-għan ta' tniġġis żero.
L-għanijiet tal-istrateġija, li għandhom jintlaħqu sal-2050, huma li:
- il-ħamrija kollha fl-UE tkun f'saħħitha u aktar reżiljenti
- il-ħamrija tiġi protetta u restawrata u jiġi żgurat li din tintuża b'mod sostenibbli
- jitnaqqas it-tniġġis tal-ħamrija
L-istrateġija rrikonoxxiet li n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar il-ħamrija kien kawża ewlenija tad-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE. Huwa għalhekk li fl-istrateġija l-Kummissjoni inkludiet proposta għal leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ħamrija - il-liġi dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija.
Liġi dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija
Il-Kummissjoni ħarġet proposta għal liġi dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija fl-2023. Id-direttiva dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija, jekk tiġi adottata miż-żewġ koleġiżlaturi tal-UE (il-Kunsill u l-Parlament Ewropew), tkun l-ewwel leġiżlazzjoni tal-UE li tiffoka fuq is-saħħa tal-ħamrija. L-objettiv ambizzjuż fit-tul tad-Direttiva huwa li tinkiseb ħamrija f'saħħitha sal-2050.
L-għan tad-direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas ta' monitoraġġ tas-saħħa għall-ħamrija kollha biex tittejjeb ir-reżiljenza u jiġu ġestiti r-riskji ta' siti kkontaminati.
Il-Kunsill qabel dwar "approċċ ġenerali" għall-proposta f'Ġunju 2024. It-taħditiet mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni tnedew fil-ħarifa tal-2024 u wasslu għal ftehim proviżorju milħuq f'April 2025. Dan il-qbil jeħtieġ li jiġi kkonfermat mill-istituzzjonijiet.
Politiki oħra li jikkonċernaw il-ħamrija
Diversi atti leġiżlattivi tal-UE jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħamrija. Għalkemm dawn il-liġijiet jistgħu ma jinkludux dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, huma jindirizzaw indirettament is-saħħa tal-ħamrija billi jistabbilixxu miżuri u għanijiet ambjentali.
Dawn jinkludu l-liġi dwar ir-restawr tan-natura, id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-politika agrikola komuni u l-miżuri dwar id-drenaġġ, il-fertilizzanti u r-responsabbiltà ambjentali.
Ara wkoll
Bijodiversità
Spjegazzjoni tal-politika agrikola komuni
Kif in-natura tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' April 2025