Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Frar 2015 14:00

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja

Laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin
, 9 ta' Frar 2015

  1. L-EU tilqa’ l-proċess tad-djalogu politiku Libjan iffaċilitat min-NU li beda f’Ġinevra. L-UE tqis bħala inkoraġġanti ż-żewġ ċikli ta’ taħditiet fuq livell politiku u t-tnedija ta’ diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti muniċipali u dawk tal-kunsilli lokali. L-UE tfaħħar l-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU (UNSRSG) Bernardino León biex laqqa' l-partijiet flimkien. L-UE temmen li huwa importanti li dan il-proċess ikun kemm jista’ jkun inklużiv sabiex il-Libjani kollha jħossuhom rappreżentati mid-deċiżjonijiet adottati matulu. Hija tfaħħar lil dawk li pparteċipaw fid-diskussjonijiet ta’ Ġinevra u tappella lil dawk li s'issa għadhom ma daħlux fihom biex jipparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet li huma ta’ importanza kritika għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Libja.
  2. L-UE ġġedded l-appoġġ sħiħ tagħha għall-isforzi tal-UNSRSG biex tinkiseb soluzzjoni nnegozjata u għax-xogħol tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL) u tistenna b'interess it-tnedija tal-linji ta' djalogu l-oħra previsti. L-UE tinsab lesta li tikkontribwixxi għall-Miżuri għall-Bini tal-Fiduċja kif miftiehem fit-taħdidiet ta’ Ġinevra u flimkien mal-UNSMIL qed teżamina kif tista' tingħata assistenza lin-NU fil-linji differenti ta’ djalogu previsti għall-proċess.
  3. L-UE tinsab konvinta li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-konflitt. Soluzzjoni politika biss tista' tipprovdi triq 'il quddiem sostenibbli u tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja. Hija ta' importanza kritika f’dan l-istadju li jkun hemm waqfien mill-ġlied mingħajr kondizzjonijiet li jiġi rrispettat u sostnut min-naħat kollha.
  4. L-UE tesprimi t-tħassib profond tagħha dwar il-vjolenza kontinwa u jiddispjaċiha dwar it-telfien ta' ħajja kkawżat mid-diviżjonijiet politiċi li jeżistu bħalissa u l-konflitt fuq il-post. Hija tikkundanna l-attakk fuq il-bastiment Grieg fl-4 ta’ Jannar li rriżulta fit-telfien tal-ħajjiet ta’ ċittadini tal-UE.
  5. L-UE temmen li l-indipendenza u l-funzjonament tajjeb tal-Bank Ċentrali tal-Libja, in-National Oil Corporation u istituzzjonijiet finanzjarji oħra ewlenin għandhom jiġu ppreservati u protetti. L-UE tikkundanna azzjonijiet kontra l-assi nazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u r-riżorsi naturali tal-Libja, li hemm riskju li jċaħħdu lill-poplu Libjan mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija tiegħu.
  6. L-UE ttenni li tinsab lesta li tintroduċi malli jitqies meħtieġ u b'koordinazzjoni sħiħa mal-UNSRSG, miżuri restrittivi kontra dawk li jippruvaw itellfu l-proċess ta’ djalogu f’konformità mal-UNSCR 2174 li tippermetti l-elenkar ta’ individwi li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà fil-Libja, jew li jdgħajfu t-transizzjoni politika tagħha. Dawk responsabbli għall-vjolenza u dawk li jfixklu jew idgħajfu t-transizzjoni demokratika tal-Libja għandhom jaffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom.
  7. L-UE tfakkar fil-kundanna qawwija tagħha tat-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu, inkluż l-attakk kontra l-lukanda Corinthia fi Tripli fis-27 ta’ Jannar, u ttenni li t-terroriżmu ma għandu l-ebda post fil-ġejjieni ta’ Libja paċifika u demokratika. L-UE tinsab imħassba mill-evidenza ta’ żieda fl-attività ta’ gruppi terroristiċi u estremisti u tirrikonoxxi t-theddida potenzjali li dawn il-gruppi jippreżentaw għall-istabbiltà futura tal-pajjiż, ir-reġjun u l-UE.
  8. L-UE tilqa’ d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ appoġġ għad-djalogu politiku Libjan iffaċilitat min-NU mill-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab u tinkoraġġixxi lill-ġirien u lis-sħab reġjonali biex jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv fl-appoġġ għall-isforzi ta’ koordinazzjoni tan-NU. L-UE ttenni l-appell tagħha lill-partijiet esterni biex ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jkabbru d-diviżjonijiet attwali u jdgħajfu t-transizzjoni demokratika tal-Libja, biex jirrispettaw strettament l-embargo fuq l-armi, u biex jappoġġaw b'mod sħiħ il-proċess tad-djalogu mmexxi min-NU.
  9. L-UE ttenni l-kundanna qawwija tagħha ta’ kull ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, l-użu ta’ vjolenza kontra persuni ċivili, l-istituzzjonijiet u l-intimidazzjoni pubblika. L-UE tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata r-responsabbiltà għall-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali. Hija temmen li l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà interni u internazzjonali għandhom jissaħħu sabiex jiġi indirizzat l-abbuż u l-ksur kollu u għalhekk tistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti biex jinvestigaw dawn ir-reati. Hija ttenni l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex tintemm l-impunità għar-reati kriminali l-aktar serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi. Il-kooperazzjoni tal-atturi rilevanti kollha fil-Libja mal-QKI hija ta’ importanza kruċjali.
  10. L-UE tappella lill-partijiet kollha fil-Libja biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-iffaċilitar ta’ assistenza lil persuni fil-bżonn billi jiżguraw l-aċċess umanitarju sikur, bla xkiel u f’waqtu u s-sigurtà tal-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna umanitarja. L-UE tappoġġa l-isforzi kollha li saru biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora, b'mod partikolari l-ispostament ta' persuni u t-tfixkil tal-aċċess għas-servizzi bażiċi. Is-sitwazzjoni umanitarja teħtieġ aktar appoġġ internazzjonali biex tirreaġixxi għall-ispostament u l-bżonnijiet tal-popolazzjoni milquta. L-UE hija diġà l-akbar donatur ta’ assistenza fil-Libja u reċentement żiedet l-appoġġ tagħha biex ittaffi l-kundizzjonijiet prekarji ta’ dawk il-gruppi vulnerabbli bħal dawk li huma spustati internament jew il-migranti affettwati direttament jew indirettament mill-kriżi fil-Libja.
  11. L-UE tappoġġa lill-poplu Libjan u tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex tkompli tappoġġa lil-Libja fit-transizzjoni tagħha. L-UE ser tkompli tappoġġa lill-istituzzjonijiet Libjani ewlenin bħall-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Għolja u l-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni. L-appoġġ tal-UE jkompli f’setturi oħrajn bħar-rikonċiljazzjoni, is-soċjetà ċivili, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni. Meta s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Libja tippermetti, l-UE tinsab lesta ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal-Libja, inkluż f'oqsma bħall-istat tad-dritt, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomika, bl-użu sħiħ tal-istrumenti kollha tagħha, inkluż, fejn adatt, attivitajiet tal-PSDK, filwaqt li tibni fost l-oħrajn fuq il-kisbiet tal-Missjoni tal-PSDK tagħha EUBAM Libya.
  12. L-UE tinnota r-rieżami li ġej tal-mandat tal-UNSMIL skedat għal Marzu u tistenna b'interess li tkompli d-diskussjonijiet man-NU bil-ħsieb ta' rwol possibbli għall-UE fl-appoġġ tal-UNSMIL tal-futur f'oqsma fejn l-UE għandha valur miżjud ippruvat.
  13. L-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ favur is-sovranità, l-indipendenza, l-integrità territorjali u l-għaqda nazzjonali tal-Libja.

 

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024