- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 6 ta' Marzu 2017 13:00
Sigurtà u difiża: il-Kunsill jeżamina l-progress li sar u jaqbel li jitjieb l-appoġġ għal missjonijiet militari
Fis-6 ta' Marzu l-Kunsill adotta konklużjonijiet li jippreżentaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-konklużjonijiet jivvalutaw dak li sar biex jiġu implimentati d-diversi linji ta' azzjoni li qabel dwarhom il-Kunsill Ewropew fil-15 ta’ Diċembru 2016. Iservu bħala l-bażi ta' rapport għall-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta' Marzu 2017.
"Il-ministri għall-affarijiet barranin u d-difiża tal-UE mlaqqgħin flimkien illum kollha taw messaġġ ċar ħafna: qed nagħmlu progress kontinwu lejn kooperazzjoni msaħħa fid-difiża u ser inkomplu nagħmlu aktar. Dan biex nipproteġu ċ-ċittadini tagħna. L-Unjoni Ewropea għandha għodod uniċi biex tgħin lill-Ewropej isiru aktar responsabbli għas-sigurtà tagħhom, u jwettqu aktar b'mod effettiv. Huwa dan li qed nagħmlu b'ħidmietna fis-sigurtà u d-difiża.”
Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-Kunsill approva wkoll dokument kunċettwali dwar il-kapaċitajiet operazzjonali tal-ippjanar u t-tmexxija għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, li fih miżuri għat-titjib tal-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi b'mod aktar rapidu, effettiv u mingħajr intoppi, ibbażati fuq strutturi eżistenti u bil-għan li jissaħħu s-sinerġiji ċivili militari bħala parti mill-approċċ komprensiv tal-UE.
Dawn il-miżuri jinkludu l-istabbiliment ta’ kapaċità militari tal-ippjanar u t-tmexxija (MPCC), fi ħdan il-Persunal Militari tal-UE eżistenti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għall-ippjanar u t-tmexxija ta' missjonijiet militari mhux eżekuttivi. Id-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari tal-UE ser ikun id-Direttur tal-MPCC u f’dik il-kapaċità ser jassumi l-kmand tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-PSDK (bħalissa, il-missjonijiet ta’ taħriġ militari tal-UE fis-Somalja, fl-Afrika Ċentrali u fil-Mali). Dan ser jgħin lill-kmandanti tal-missjoni fuq il-post biex jikkonċentraw fuq l-attivitajiet speċifiċi tal-missjoni tagħhom, b’appoġġ aħjar ipprovdut minn Brussell.
L-MPCC ser taħdem taħt il-kontroll politiku u l-gwida strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), li huwa magħmul mill-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u huwa bbażat fi Brussell. L-MPCC ser taħdem mill-qrib mal-kontroparti ċivili eżistenti tagħha, il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) permezz ta' ċellola konġunta ta' koordinament tal-appoġġ. Din iċ-ċellola ser tkun tista’ taqsam il-kompetenza esperta, l-għarfien u l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet rilevanti għall-missjonijiet ċivili u dawk militari, kif ukoll il-kapaċitajiet meta jkunu skjerati fl-istess ħin u fl-istess żona missjonijiet ċivili u militari, inkluż appoġġ mediku jew miżuri ta' protezzjoni.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jenfasizzaw l-istabbiliment tal-MPCC. Jieħdu wkoll nota tal-progress f’oqsma oħra tas-sigurtà u tad-difiża, u jipprovdu aktar gwida. L-oqsma koperti jinkludu:
- il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO). It-Trattat ta’ Lisbona jipprevedi li grupp ta’ stati membri tal-UE jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'oqsma militari (Artikoli 42(6) u 46 TUE). It-twaqqif ta’ sistema modulari inklużiva ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti jkun jippermetti li l-istati membri jikkollaboraw aktar fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fuq bażi volontarja.
- il-possibbiltà ta’ rieżami annwali koordinat dwar id-difiża (CARD) imħaddem mill-istati membri, li jistabbilixxi proċess biex tinkiseb perspettiva aħjar fil-livell tal-UE ta’ kwistjonijiet bħall-infiq u l-investiment nazzjonali fid-difiża kif ukoll l-isforzi ta’ riċerka fid-difiża. Billi jagħti aktar trasparenza u viżibbiltà politika lill-kapaċitajiet tad-difiża Ewropej, CARD jipprevedi identifikazzjoni aħjar tan-nuqqasijiet u jippermetti li dawn jiġu indirizzati permezz ta' kooperazzjoni aktar fil-fond fil-qasam tad-difiża kif ukoll approċċ aktar koerenti għall-ippjanar tal-infiq fid-difiża.
- ix-xogħol li għaddej f’oqsma oħra, bħal fuq it-tisħiħ tal-istrumenti għar-reazzjoni rapida tal-UE, inkluż il-gruppi tattiċi tal-UE u l-kapaċitajiet ċivili, il-bini ta’ kapaċitajiet b’appoġġ għas-sigurtà u l-iżvilupp, l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża.
Il-Kunsill jinnota wkoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-ġabra komuni ta' proposti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u tal-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-difiża mħejji mill-Kummissjoni.
Kuntest
Fl-14 ta' Novembru 2016 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Dawn il-konklużjonijiet jistabbilixxu l-livell ta’ ambizzjoni, jiġifieri l-miri ewlenin li l-UE u l-istati membri tagħha għandhom l-għan li jiksbu fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-Kunsill iffissa tliet prijoritajiet strateġiċi: ir-reazzjoni għal konflitti u kriżijiet esterni, il-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba, u l-protezzjoni tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha.
Il-pjan ta’ implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża ġie ppreżentat lill-istati membri mir-Rappreżentant Għoli, fil-kapaċità tagħha wkoll ta' Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Huwa parti mis-segwitu għall-istrateġija globali tal-UE dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà, ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew fit-28 ta’ Ġunju. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija globali fis-17 ta' Ottubru 2016.
L-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE tinkludi wkoll aktar ħidma fuq il-bini tar-reżiljenza u approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, it-tisħiħ tar-rabta bejn il-politiki interni u esterni, l-aġġornament tal-istrateġiji reġjonali u tematiċi eżistenti jew it-tħejjija ta' oħrajn ġodda u ż-żieda fl-isforzi diplomatiċi pubbliċi.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2017 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża
- Concept Note: Operational Planning and Conduct Capabilities for CSDP Missions and Operations
- Kooperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża (informazzjoni ġenerali)
- Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024