- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Ġunju 2017 12:00
Regoli ġodda għall-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali - Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu
Fit-8 ta’ Ġunju, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar id-direttiva li tistabbilixxi regoli ġodda għall-kuntratti min-negozju għall-konsumatur għall-provvista ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali.
L-għan tar-regoli l-ġodda hu li jiġi pprovdut livell għoli ta' protezzjoni u ċertezza legali lill-konsumaturi Ewropej, b'mod partikolari meta jkunu qed jixtru fuq livell transkonfinali kif ukoll sabiex isir aktar faċli għan-negozji, speċjalment l-SMEs, biex ibigħu mal-UE kollha.
"Sew jekk mużika u films online, apps, servizzi bħal Facebook jew YouTube, dawn ir-regoli l-ġodda ser jagħtu aktar ċertezza lill-konsumaturi u lill-fornituri meta jixtru u jbigħu fuq livell transkonfinali. Hu kompromess ambizzjuż iżda delikat u bbilanċjat li jinvolvi l-garanzija ta' drittijiet għall-konsumaturi Ewropej filwaqt li jippermetti l-possibbiltà li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju għall-kumpaniji tal-UE permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetizzjoni."
Il-presidenza Maltija
L-elementi ewlenin tal-pożizzjoni tal-Kunsill
L-elementi ewlenin tal-kompromess li ntlaħaq mill-Kunsill huma marbutin ma':
- il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, b'mod partikolari l-kontenut diġitali integrat, servizzi ta' komunikazzjoni interpersonali 'over the top' (OTTs), pakketti ta' kuntratti u l-ipproċessar ta' data personali. Dwar dan l-aħħar aspett, it-test jipprevedi li l-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt għal rimedji kuntrattwali mhux biss f'kuntratti fejn iħallsu prezz għall-kontenut jew is-servizz diġitali iżda wkoll f'każijiet fejn jipprovdu biss data personali li tkun ser tiġi pproċessata mill-fornituri. Madankollu, fejn id-data personali tiġi pproċessata esklużivament mill-fornitur għall-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, jew biex il-fornitur jikkonforma mar-rekwiżiti legali li jkun soġġett għalihom, id-direttiva ma għandhiex tapplika.
- ir-rimedji għan-nuqqas ta' provvista u n-nuqqas ta' konformità. Bil-ħsieb li jitħarsu kemm l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll dawk tal-fornituri, it-test jipprevedi li l-fornituri għandhom jingħataw "it-tieni opportunità" fil-każ ta' nuqqas ta’ provvista qabel il-kuntratt ikun jista' jiġi terminat. Dwar in-nuqqas ta’ konformità, it-test jagħti aktar flessibbiltà għall-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali billi jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-użu tar-rimedji differenti minflok jistabbilixxi ġerarkija stretta bejn ir-rimedji differenti.
- il-limiti ta' żmien għar-responsabbiltà tal-fornitur. Biex jitqiesu d-differenzi fil-livell nazzjonali, it-test ta' kompromess ma jarmonizzax b'mod sħiħ il-perjodi ta' preskrizzjoni jew ta' garanzija, iżda jistabbilixxi li r-responsabbiltà tal-fornitur għal każijiet ta’ nuqqas ta' konformità ma tistax tkun iqsar minn sentejn.
- il-perjodu tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova. Dan il-perjodu li matulu l-oneru tal-prova għan-nuqqas ta' konformità jkun f'idejn il-fornitur hu stabbilit għal sena.
Kuntest
Id-direttiva tikkonċerna kuntratti min-negozji għall-konsumaturi (B2C) għall-provvista ta' kontenut diġitali u tkopri: data prodotta u fornita f'għamla diġitali (eż. mużika, filmati online, eċċ), servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħażna ta' data f'għamla diġitali (eż. ħżin fil-cloud), servizzi li jippermettu l-qsim ta' data (eż. Facebook, YouTube, eċċ.) u kwalunkwe mezz li jservi għal żmien twil użat esklużivament biex iġorr kontenut diġitali (eż. DVDs).
Id-direttiva proposta dwar ċerti aspetti rigward kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2015 flimkien ma' proposta għal direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għal bejgħ ta' oġġetti online u bejgħ mill-bogħod ieħor ta' oġġetti.
Il-passi li jmiss
In-negozjati mal-Parlament ser jibdew ladarba dan ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu, x'aktarx fil-ħarifa.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024