- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 19 ta' Lulju 2017 13:15
Riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil: Il-Kunsill lest jibda n-negozjati dwar l-istandards ta' kwalifika u protezzjoni
Fid-19 ta' Lulju 2017, Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva, f'isem il-Kunsill, mandat għal negozjati fuq regolament dwar l-istandards ta' kwalifika, l-istatus u l-protezzjoni mogħtija lir-refuġjati u lil persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Fuq il-bażi ta' dan il-mandat, il-presidenza ser tibda negozjati mal-Parlament Ewropew mill-aktar fis possibbli.
"Ir-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil hi parti fundamentali mill-politika ta' migrazzjoni komprensiva tagħna u għaldaqstant tal-akbar importanza għall-Ewropa. Minbarra l-kisba ta' drittijiet u obbligi indaqs għal persuni li jfittxu asil u persuni li jgawdu protezzjoni internazzjonali madwar l-Ewropa, din ser tnaqqas ukoll movimenti sekondarji u tgħin lil dawk li ġenwinament jeħtieġu protezzjoni. L-ammont innifsu ta' pagamenti soċjali ser jibqa' f'idejn kull stat membru", qal Andres Anvelt, ministru għall-intern tal-Estonja, wara l-qbil tal-lum dwar standards ta' kwalifika u protezzjoni. "Nixtieq ukoll infaħħar lill-presidenza Maltija għall-ħidma kbira li wettqu fuq dan il-fajl", żied il-Ministru Anvelt.
L-ambaxxaturi tal-UE approvaw it-test tal-mandat bil-qbil li l-partijiet marbutin ma' fajls oħrajn tar-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) ser jiġu riveduti ladarba jkun hemm qbil dwar dawk il-proposti.
L-objettivi ewlenin ta' dan l-abbozz ta' regolament huma:
- li jiġi żgurat li l-istati membri ser japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta' persuni li ġenwinament jeħtieġu protezzjoni internazzjonali
- li jiġi żgurat li l-istess sett ta' drittijiet komuni jkun disponibbli għal dawk il-persuni fl-istati membri kollha
Ladarba r-regolament jiġi adottat, l-applikanti kollha għandhom jiġu ttrattati indaqs fl-istati membri kollha tal-UE, u dan jgħin biex jiġu evitati movimenti sekondarji.
L-abbozz ta' regolament jiddefinixxi l-istandards għall-kwalifika kemm għall-istatus ta' refuġjat kif ukoll għall-protezzjoni sussidjarja. Jistipula wkoll l-elementi li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni ta' applikazzjoni.
L-abbozz ta' regolament jiddeskrivi fid-dettall il-protezzjoni mogħtija lill-benefiċjarji, inkluż it-tul ta' żmien tal-permessi u d-drittijiet tagħhom b'rabta mal-aċċess għax-xogħol, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u miżuri ta’ integrazzjoni. Jillimita d-dritt ta' residenza għal dawk li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali għall-istat membru li tahom il-protezzjoni.
L-abbozz ta' regolament jinkludi wkoll elementi speċifiċi biex titqies is-sitwazzjoni tal-minorenni, b'mod partikolari minorenni mhux akkumpanjati.
Kuntest
B'segwitu għall-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' April 2016 dwar ir-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil, il-Kummissjoni ppreżentat f'Mejju u f'Lulju seba' proposti leġislattivi, fosthom il-proposta msemmija hawn fuq, bil-għan li:
- is-SEKA taħdem aħjar billi jiġu eliminati t-trattament differenti ta' persuni li jfittxu l-asil u r-rati ta' rikonoxximent li jvarjaw fost l-istati membri;
- jitnaqqsu l-movimenti sekondarji u jingħata kontribut għal distribuzzjoni aktar ġusta fost l-istati membri tar-responsabbiltà li joffru protezzjoni lil min ikollu bżonnha.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024