Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Diċembru 2017 13:30

Suq intern tal-elettriku aktar kompetittiv u orjentat lejn il-konsumatur – il-Kunsill jasal għal approċċ ġenerali

Fit-18 ta' Diċembru, il-Kunsill wasal għal approċċ ġenerali (pożizzjoni ta' negozjar) dwar direttiva li tistipula regoli komuni sabiex jiġi żgurat li s-suq intern tal-elettriku fl-UE jkun kompetittiv, orjentat lejn il-konsumatur, flessibbli u mhux diskriminatorju.

Id-direttiva, li hija parti mill-pakkett dwar l-enerġija nadifa, tpoġġi enfasi partikolari fuq il-konsumaturi u fuq l-importanza ta' suq intern li jiffunzjona tajjeb. Hija tagħti aktar drittijiet lill-konsumaturi, tipprovdi soluzzjoni bilanċjata għal prezzijiet regolati, tistipula qafas regolatorju għall-komunitajiet tal-enerġija u tiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-parteċipanti fis-suq.

"Il-konsumaturi huma l-prijorità ewlenija tagħna f'din il-leġislazzjoni. Il-mira tagħna hija suq kompetittiv li jiżgura elettriku bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd, iżda lill-gvernijiet ser nagħtuhom ukoll l-għażla li jgħinu f'każijiet ta' bżonn. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi ser ikollhom il-mezzi biex ikunu attivi u involuti u jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Dan jiżgura li r-riżultati tas-suq tal-elettriku jaslu tassew għand il-poplu Ewropew." Kadri Simson, Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Infrastruttura tar-Repubblika tal-Estonja

Dan l-approċċ ġenerali ser jippermetti lill-Kunsill biex jidħol f'negozjati mal-Parlament is-sena d-dieħla. Il-pożizzjoni tal-Kunsill, li tibni fuq il-proposta tal-Kummissjoni, fiha l-elementi ewlenin li ġejjin:

Fis-suq tal-elettriku futur, il-fornituri tal-elettriku ser ikunu jistgħu jistabbilixxu l-prezzijiet liberament. Dan ser jillimita d-distorsjonijiet, jagħti spinta lill-kompetizzjoni u jwassal għal prezzijiet bl-imnut aktar baxxi. L-istati membri ser ikunu jistgħu jirregolaw il-prezzijiet temporanjament biex jgħinu u jipproteġu lill-konsumaturi domestiċi f’faqar enerġetiku jew vulnerabbli. Ser jiġu stabbiliti għadd ta' salvagwardji tas-suq sabiex jiġu evitati s-sussidji inkroċjati u d-diskriminazzjoni tal-parteċipanti fis-suq, waqt li jiġi żgurat li ma hemm l-ebda distorsjoni tal-funzjonament (transfruntier) tas-suq bl-ingrossa.

Barra minn hekk, l-istati membri ser jiżguraw li l-qafas regolatorju nazzjonali jippermetti lill-fornituri tal-elettriku joffru kuntratt tal-elettriku bi prezz dinamiku. Bil-proposta ta' dawn il-kuntratti u ta' għodod oħra bħall-arloġġi tal-kejl intelliġenti, il-pożizzjoni tal-konsumaturi ser tissaħħaħ u ser isiru aktar involuti u attivi fis-suq. Il-ftehim jinkludi regoli speċifiċi għall-istallazzjoni tal-arloġġi tal-kejl intelliġenti, li huma tagħmir għall-kejl tal-konsum tal-elettriku f'ħin reali.

Ġie stabbilit qafas li jiddeskrivi r-rwol, il-funzjonament u t-trattament tal-komunitajiet tal-enerġija biex jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu b'mod adegwat u bilanċjat għat-tqassim ġenerali tal-ispejjeż tas-sistema.

Fir-rigward tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija, l-istati membri ser jippermettu lill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (DSO) kif ukoll lill-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni (TSO) biex, taħt ċerti kondizzjonijiet, ikunu sidien tagħhom, jew inkella jiżviluppawhom, jimmaniġġawhom jew joperawhom. Ser isiru konsultazzjonijiet pubbliċi sabiex jiġi vvalutat l-interess potenzjali tal-partijiet tas-suq fl-investiment f'dawn il-faċilitajiet. Il-kompitu tat-twettiq ta' dawn il-konsultazzjonijiet ser jiġi fdat lid-DSO flimkien mal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRA).

Kronoloġija u l-passi li jmiss

Fit-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett dwar l-enerġija nadifa, inkluż proposta leġislattiva għal direttiva riveduta dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku.

Il-pakkett sħiħ ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill Enerġija ta' Diċembru 2016. Il-ministri tal-UE kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-pakkett sħiħ fi Frar 2017 u analizzaw il-progress li sar fit-tfassil tas-suq tal-elettriku, il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-enerġija rinnovabbli f'Ġunju 2017

B'din il-pożizzjoni, il-Kunsill jinsab lest u jittama li jibda negozjati mal-Parlament kemm jista' jkun kmieni s-sena d-dieħla.

Kuntest

Fit-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett dwar l-"Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha", immirat lejn l-istrateġija tal-2015 għall-Unjoni tal-Enerġija b'politika dwar il-klima li tħares 'il quddiem.

Erbgħa mit-tmien proposti leġislattivi fil-pakkett għandhom l-għan li jfasslu mill-ġdid is-suq intern tal-elettriku tal-UE. Minbarra din id-direttiva, jinkludi wkoll regolamenti riveduti dwar is-suq intern tal-elettriku u dwar Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), kif ukoll proposta għal regolament ġdid dwar l-istat ta' tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku.

Il-pakkett dwar l-enerġija nadifa huwa komponent ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija.
Enerġija nadifa għall-Ewropej: Importanti ħafna biex tmexxi 'l quddiem l-Unjoni tal-Enerġija (Infografika)

Enerġija nadifa għall-Ewropej: Importanti ħafna biex tmexxi 'l quddiem l-Unjoni tal-Enerġija (Infografika)

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024