Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 17 ta' Novembru 2023 16:40

Newtralità klimatika: il-Kunsill lest li jibda taħditiet mal-Parlament dwar il-qafas ta' ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju

Illum il-Kunsill adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu għal taħditiet mal-Parlament Ewropew dwar proposta biex jiġi stabbilit l-ewwel qafas ta' ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju. Dan il-qafas volontarju għandu l-għan li jiffaċilita u jħaffef l-użu ta' attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju ta' kwalità għolja fl-UE, li jirriżulta f'impatt pożittiv inekwivoku fuq il-klima, filwaqt li jiġi miġġieled il-greenwashing.

Il-proposta tistabbilixxi regoli ta' monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV) għall-assorbimenti tal-karbonju. Billi tikkomplementa l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG), hija ser tikkontribwixxi għall-għan ambizzjuż tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050, kif stabbilit fil-liġi Ewropea dwar il-klima.

Il-mandat ta' negozjar, li ntlaħaq qbil dwaru fil-livell tal-Coreper, jistipula l-pożizzjoni tal-Kunsill għall-bidu tan-negozjati ("trilogi") mal-Parlament biex jaqblu dwar il-forma tat-test finali tal-leġiżlazzjoni.

Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet aġent viċi prim ministru ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ilħuq tan-newtralità klimatika jeħtieġu sforz ta' 360 grad. Mhux talli qed nieħdu miżuri bla preċedent biex innaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, iżda qed naħdmu wkoll biex nikkontrobilanċjaw l-emissjonijiet inevitabbli kkawżati minn dawk is-setturi li diffiċli jitrażżnu li inevitabbilment ser jibqgħu dipendenti fuq il-karbonju. It-tneħħija ta' kwantitajiet dejjem akbar ta' CO2 mill-atmosfera hija kruċjali biex jinkisbu emissjonijiet żero netti globali u biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5°C. Il-mandat tal-lum huwa l-ewwel pass lejn l-introduzzjoni ta' qafas komprensiv għall-assorbiment tal-karbonju fil-leġiżlazzjoni tal-UE u xhieda ulterjuri tal-isforzi klimatiċi tagħna.
Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet aġent viċi prim ministru ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Teresa Ribera Rodríguez, it-tielet aġent viċi prim ministru ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika

Il-pożizzjoni tal-Kunsill

Kamp ta' applikazzjoni tar-regolament

Ir-regolament propost ikopri tipi differenti ta' assorbimenti tal-karbonju, inkluż il-ħżin permanenti tal-karbonju permezz ta' teknoloġiji industrijali (bħall-bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (BECCS) u l-qbid dirett mill-arja bil-qbid u l-ħżin (DACCS)), is-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola (eż. ir-restawr tal-foresti u l-ħamrija, u l-ġestjoni tal-art mistagħdra) u l-ħżin tal-karbonju fi prodotti dejjiema (bħal kostruzzjoni bbażata fuq l-injam).

Il-mandat tal-Kunsill jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jiġu ċċertifikati skont il-qafas il-ġdid biex jinkludi, minbarra l-assorbimenti tal-karbonju, ċerti tipi ta' attivitajiet ta' sekwestru tal-karbonju f'art agrikola li jnaqqsu l-emissjonijiet mill-ħamrija agrikola, dment li dawn b'mod ġenerali jirriżultaw f'titjib fil-bilanċ tal-karbonju fil-ħamrija.

L-attivitajiet li ma jirriżultawx f'assorbimenti tal-karbonju jew fi tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ħamrija, bħad-deforestazzjoni evitata jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-bhejjem, mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament.

Kriterji u proċedura taċ-ċertifikazzjoni

Il-mandat iżomm ir-rekwiżit tal-proposta tal-Kummissjoni li l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ħamrija jeħtieġ jissodisfaw erba' kriterji ġenerali sabiex jiġu ċċertifikati: KWAntifikazzjoni, ħżin fit-tuL, sostenIbbiltà u addizzjonaliTÀ (KWA.L.I.TÀ).

Abbażi tal-kriterji KWA.L.I.TÀ, il-Kummissjoni, assistita minn grupp ta' esperti, ser tiżviluppa metodoloġiji ta' ċertifikazzjoni mfassla apposta għal tipi differenti ta' attivitajiet ta' assorbiment tal-karbonju u ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ħamrija. Il-Kunsill introduċa xi bidliet biex jiddefinixxi b'mod aktar preċiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-atti delegati li ser jiżviluppaw dawk il-metodoloġiji u biex jiġu kkunsidrati aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet koperti mir-regolament.

Il-mandat tal-Kunsill iżomm l-elementi ewlenin tal-proċess ta' ċertifikazzjoni f'żewġ stadji u n-natura volontarja taċ-ċertifikazzjoni. Biex japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni, l-operaturi ser ikollhom jissottomettu informazzjoni komprensiva dwar l-attività inkwistjoni u l-konformità mistennija tagħha mal-kriterji KWA.L.I.TÀ lil korp taċ-ċertifikazzjoni, li mbagħad iwettaq awditu indipendenti biex jivverifika l-informazzjoni u – jekk jiġu ssodisfati l-kriterji – joħroġ ċertifikat. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni ser ikollu jwettaq awditi regolari ta' riċertifikazzjoni biex jikkonferma mill-ġdid il-konformità tal-attività, tal-inqas kull ħames snin.

Reġistri u rieżami tar-regolament

Il-mandat tal-Kunsill jappella lill-Kummissjoni biex, erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament, tistabbilixxi reġistru elettroniku komuni għall-UE kollha biex jinħażnu dokumenti relatati mal-proċess taċ-ċertifikazzjoni, inkluż ċertifikati u sommarji tal-awditi taċ-ċertifikazzjoni, u jiġi ffaċilitat l-aċċess pubbliku għal tali informazzjoni. Sa dak iż-żmien, l-iskemi ta' ċertifikazzjoni taħt il-qafas iridu jipprovdu reġistri pubbliċi bbażati fuq sistemi awtomatizzati u interoperabbli.

It-test jipprevedi rieżami tar-regolament li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni sal-2028, u sussegwentement wara kull eżerċizzju ta' rendikont skont il-Ftehim ta' Pariġi.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill issa lest jiftaħ negozjati mal-Parlament Ewropew biex jintlaħaq qbil dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni, sakemm il-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu. Ladarba jintlaħaq ftehim proviżorju, it-test finali jkollu jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet.

Informazzjoni ġenerali

Filwaqt li l-prijorità tal-UE fir-rigward tal-azzjoni klimatika hija t-tnaqqis rapidu tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, ser ikun meħtieġ ukoll li l-emissjonijiet residwi li diffiċli jitrażżnu jiġu kkumpensati permezz ta' żieda fl-assorbimenti tal-karbonju mill-atmosfera. Bħala l-ewwel pass lejn integrazzjoni ulterjuri tal-iskemi tal-assorbiment tal-karbonju fil-politika tal-UE dwar il-klima, fit-30 ta' Novembru 2022 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regolament li joħloq qafas volontarju għall-UE kollha biex jiġu ċċertifikati assorbimenti tal-karbonju ta' kwalità għolja.

L-objettiv tal-proposta huwa li tħeġġeġ l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-assorbiment tal-karbonju u soluzzjonijiet sostenibbli għas-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola. Għandha wkoll l-għan li toħloq opportunitajiet ġodda ta' introjtu għall-industriji li jużaw teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju jew li jiżviluppaw prodotti tal-ħżin tal-karbonju fit-tul, u għall-maniġers tal-art li jinvolvu ruħhom fi prattiki innovattivi tas-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola. Għal dak l-għan, il-proposta tistabbilixxi regoli ċari u affidabbli fil-livell tal-UE għall-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-verifika tal-assorbimenti tal-karbonju.

Ladarba l-Parlament Ewropew ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regolament propost, il-koleġiżlaturi ser jibdew negozjati dwar il-forma finali tat-test.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025