Skip to content
  • Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 14 ta' Ottubru 2024

Riżultati ewlenin

Konvenzjoni tan-NU dwar it-tibdil fil-klima

Il-ministri għall-ambjent tal-UE approvaw konklużjonijiet dwar it-tħejjijiet għad-29 Konferenza tal-Partijiet (COP29) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-COP29 ser issir f'Baku (l-Ażerbajġan) mill-11 sat-22 ta' Novembru 2024.

Il-ministri qablu li t-tibdil fil-klima huwa theddida eżistenzjali għall-umanità, l-ekosistemi u l-bijodiversità, kif ukoll għall-paċi u għas-sigurtà.

Fid-29 Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP29), l-UE ser tappoġġa għan globali effettiv, li jista' jintlaħaq u ambizzjuż dwar il-finanzjament għall-klima u ser tappella għal pjanijiet klimatiċi ambizzjużi sabiex l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5°C ikun jista' jintlaħaq.

<p>Anikó Raisz, Ministru tal-Istat Ungeriż għall-Affarijiet Ambjentali u l-Ekonomija Ċirkolari</p>

Dan it-test ambizzjuż iżda bbilanċjat, ibbażat fuq kunsens fost il-pajjiżi tal-UE, ser iservi bħala l-pjan direzzjonali tal-UE għal Baku. L-UE ser tkompli taqdi rwol ewlieni fl-isforzi internazzjonali biex jiġi limitat it-tisħin globali, filwaqt li tappella għal solidarjetà ma' pajjiżi u komunitajiet vulnerabbli f'din il-battalja kollettiva, għax it-tibdil fil-klima jolqot lil kull pajjiż, territorju u reġjun.

<p>Anikó Raisz, Ministru tal-Istat Ungeriż għall-Affarijiet Ambjentali u l-Ekonomija Ċirkolari</p>

Anikó Raisz, Ministru tal-Istat Ungeriż għall-Affarijiet Ambjentali u l-Ekonomija Ċirkolari

Konvenzjoni tan-NU dwar il-bijodiversità

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar is-16-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP16), li għandha ssir f'Cali (il-Kolombja) mill-21 ta' Ottubru sal-1 ta' Novembru 2024.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-impenji li saru fl-2022 fil-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta' Kunming-Montreal: li terz tal-pjaneta jiġi protett għan-natura sal-2030 u li n-natura titqiegħed fit-triq lejn l-irkupru għall-benefiċċju tan-nies u tal-pjaneta.

Il-ministri qablu li t-telf kontinwu tal-bijodiversità huwa theddida globali u eżistenzjali għall-umanità u hija meħtieġa bidla trasformattiva biex tiġi indirizzata din l-isfida. F'dan l-isfond, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità.

Il-ministri affermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom għall-avvanz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u għall-finalizzazzjoni tal-mekkaniżmu multilaterali dwar l-aċċess ġust u ekwu u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji mill-użu ta' informazzjoni dwar is-sekwenzi diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi.

<p>István Nagy, Ministru għall-Agrikoltura tal-Ungerija</p>

Sentejn ilu, qbilna li nipproteġu terz tal-artijiet, l-ilma u l-ibħra ta' din il-pjaneta sal-2030. Is-suċċess tagħna ser jiddependi fuq azzjoni rapida u għandu jitkejjel bir-reqqa permezz ta' monitoraġġ effettiv tal-progress tagħna. Barra minn hekk, il-bijodiversità għandha tkun preżenti fil-politiki u s-setturi kollha: niddependu fuqha għall-mediċina, l-enerġija, l-arja nadifa u l-ilma u tipproteġina mid-diżastri naturali.

<p>István Nagy, Ministru għall-Agrikoltura tal-Ungerija</p>

István Nagy, Ministru għall-Agrikoltura tal-Ungerija

Trattat globali dwar il-plastik

Il-ministri għall-ambjent tal-UE skambju ukoll il-fehmiet tagħhom bi tħejjija għall-ħames sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv ta' Negozjar (INC-5), li ser issir f'Busan (ir-Repubblika tal-Korea) mill-25 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2024. Dan il-kumitat ingħata l-kompitu mill-Assemblea tan-NU għall-Ambjent li jiżviluppa strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis mill-plastik.

Il-ministri pprovdew gwida politika lill-presidenza Ungeriża u ddefinixxew it-triq 'il quddiem lejn l-adozzjoni ta' trattat ta' suċċess, ambizzjuż u effettiv fl-INC-5. Il-ministri identifikaw, b'mod partikolari, oqsma possibbli ta' flessibbiltà u konverġenza biex jiġi żgurat trattat effettiv li jżomm livell adegwat ta' ambizzjoni fil-ġlieda kontra t-tniġġis mill-plastik filwaqt li jiġi adottat approċċ realistiku.

Strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi

Abbażi tan-nota ta' spjegazzjoni mħejjija mill-presidenza Ungeriża u l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u pprovdew gwida dwar il-passi li jmiss. Il-ministri enfasizzaw il-prominenza tal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà fuq l-aġenda politika taċ-ċiklu politiku li jmiss, sabiex jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Id-diskussjoni inkludiet suġġetti bħall-prijoritizzazzjoni ta' kwalunkwe azzjoni li għadha ma ġietx implimentata, inkluż ir-reviżjoni tar-regolament REACH, l-indirizzar tal-isfidi minn "sustanzi kimiċi dejjiema" (prinċipalment PFAS), it-titjib tal-governanza u l-finanzjament tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-identifikazzjoni ta' modi biex tiġi mgħaġġla l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi. Diversi ministri rreferew ukoll għall-ħtieġa li tiġi pprojbita l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi.

Illustrazzjoni - strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi
Strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi (Infografika)

Strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi (Infografika)

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza u l-Kummissjoni rrapportaw dwar l-eżitu tad-69 laqgħa tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC69), li saret f'Lima (il-Perù) mit-23 sas-27 ta’ Settembru 2024.

Ikla informali dwar ir-rapport ta' Draghi

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew l-aspetti tal-politika dwar il-klima u l-ambjent tar-rapport ta' Draghi.

Skambjaw il-fehmiet tagħhom dwar kif ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-objettivi tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni. Huma rriflettew ukoll dwar kif ir-rapport jista' jgħin fit-tfassil tal-politiki futuri tal-UE, inkluż il-qafas ta' politika dwar il-klima għall-2040 u ċ-ċirkolarità.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti fuq il-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, inkluż id-direttiva dwar il-kwalità tal-arja u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art u n-nixfa.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Marzu 2025