"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 16 ta' Diċembru 2025

Riżultati ewlenin

L-ambjent tal-Ewropa 2030

Il-ministri għall-ambjent tal-UE approvaw konklużjonijiet dwar "L-Ambjent tal-Ewropa 2030 - Nibnu Ewropa aktar ċirkolari u reżiljenti".

Bi tkomplija fuq ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-2024 tat-tmien programm ta' azzjoni ambjentali (8EAP) u l-aħħar rapport dwar l-istat tal-ambjent Ewropew, ippubblikat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-ministri enfasizzaw l-urġenza li jiġu avvanzati kemm ir-reżiljenza għall-klima kif ukoll it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-interkonnettività taż-żewġ kwistjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi klimatiċi u ambjentali bħat-tniġġis, it-telf tal-bijodiversità u l-iskarsezza tar-riżorsi.

Magnus Heunicke, ministru għall-ambjent tad-Danimarka

Fi żmien ikkaratterizzat minn aġendi urġenti tas-sigurtà u d-difiża jeħtieġ li l-ħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent u l-kontribut tagħha għal reżiljenza akbar fl-UE jiġu affermati mill-ġdid. Ma hemm l-ebda dubju li r-reżiljenza għall-klima hija waħda mill-isfidi l-kbar ta' żminijietna. Miljuni ta' ċittadini Ewropej huma affettwati b'mod dirett mill-għargħar u/jew l-erożjoni kostali, u dan jitlob azzjoni kollettiva fl-UE kollha. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija waħda mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċa l-UE. Hemm bżonn ta' suq imsaħħaħ għall-materjali sekondarji, sorveljanza akbar tal-pjattaformi online, u jeħtieġ nipproteġu lill-UE minn kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi.

Magnus Heunicke, ministru għall-ambjent tad-Danimarka

Magnus Heunicke, ministru għall-ambjent tad-Danimarka

Strateġija tal-UE dwar il-bijoekonomija

Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-bijoekonomija, kif ippreżentata reċentement mill-Kummissjoni Ewropea. "Bijoekonomija" tirreferi għall-użu ta' riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli (bijomassa) mill-art u mill-baħar, bħal għelejjel, prodotti tal-foresti, ħut, annimali u mikroorganiżmi, għall-produzzjoni tal-ikel, il-materjali u l-enerġija.

Il-bijoekonomija, li għandha valur li tela' sa €2.7 triljun fl-2023 u li timpjega aktar minn 17-il miljun persuna fl-UE, hija kruċjali għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija nadifa u kompetittiva u l-awtonomija strateġika tagħha. L-istrateġija għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal tal-bijoekonomija billi timmobilizza r-riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli mill-art u mill-baħar, iżżid l-innovazzjoni b'bażi bijoloġika u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet fossili.

Jeppe Bruus, ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika tad-Danimarka

Bi sfidi dejjem akbar bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi, u ż-żieda fil-kompetizzjoni dinjija, hemm ħtieġa urġenti li l-UE taċċellera t-tranżizzjoni tagħha lejn bijoekonomija sostenibbli, innovattiva, u ċirkolari. Issa huwa estremament importanti li l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-bijoekonomija tinbidel f'azzjoni reali fil-prattika biex titwettaq il-viżjoni li fl-UE tinbena bijoekonomija kompetittiva, reżiljenti u sostenibbli sal-2040.

Jeppe Bruus, ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika tad-Danimarka

Jeppe Bruus, ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika tad-Danimarka

Il-ministri laqgħu l-istrateġija bħala qafas f'waqtu u komprensiv biex tissaħħaħ l-effiċjenza fir-riżorsi tal-UE, jiġu appoġġati l-aċċelerazzjoni u t-tranżizzjoni lejn bijoekonomija sostenibbli, filwaqt li tikkontribwixxi għan-newtralità klimatika, it-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, inkluż fiż-żoni rurali u kostali.

Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati il-forniment sostenibbli u d-disponibbiltà tal-bijomassa fit-tul, b'kunsiderazzjoni tas-saħħa tal-ekosistema, il-bijodiversità u l-użi kompetittivi, kif ukoll l-importanza li tinżamm l-awtonomija strateġika tal-UE. Il-ministri enfasizzaw ukoll l-importanza li jiġu mobilizzati l-ktajjen tal-valur lokali u li jiġi żgurat li l-bijoekonomija twassal għal benefiċċji tanġibbli għall-komunitajiet lokali, filwaqt li appellaw għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-politiki u l-livelli ta' governanza u għal sħubijiet dinjija.

Issemma wkoll l-aċċess ekwu u suffiċjenti għall-għażliet ta' finanzjament u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi fl-istati membri kollha tal-UE. Barra minn hekk, il-ministri ffukaw fuq il-ħtieġa li jkun hemm implimentazzjoni effettiva li tirrispetta l-ambizzjoni tal-istrateġija filwaqt li fl-istess ħin tevita ostakli amministrattivi eċċessivi, speċjalment għall-operaturi żgħar u ta' daqs medju.

Affarijiet oħra

Il-presidenza Daniża, flimkien mal-Kummissjoni, irrapportat dwar sitt laqgħat internazzjonali reċenti:

  • is-37 laqgħa tal-partijiet (MOP37) għall-Protokoll ta' Montreal (Nairobi, il-Kenja, 3-7 ta' Novembru)
  • is-sitt konferenza tal-partijiet (COP 6) għall-konvenzjoni ta' Minamata dwar il-merkurju (Ġinevra, l-Iżvizzera, 3–7 ta' Novembru)
  • it-30 konferenza tal-partijiet (COP 30) għall-konvenzjoni qafas tan-NU dwar it-tibdil fil-klima (UNFCCC) (Belém, il-Brażil, 10–21 ta' Novembru)
  • it-tmien laqgħa tal-partijiet (MOP 8) għall-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Ġinevra, l-Iżvizzera, 17–21 ta' Novembru)
  • l-20 konferenza tal-partijiet (CITES CoP 20) għall-konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta' fawna u flora selvaġġi fil-periklu (Samarkand, l-Użbekistan, 24 ta' Novembru – 5 ta' Diċembru)
  • is-seba' sessjoni tal-assemblea tan-NU dwar l-ambjent (UNEA-7) (Nairobi, il-Kenja, 8–12 ta' Diċembru)

Il-ministri semgħu wkoll mill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-missjonijiet tal-UE dwar bliet newtrali għall-klima u intelliġenti u dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-qafas ta' Orizzont Ewropa.

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-proposti tagħha ppubblikati reċentement biex tiżdied il-prevedibbiltà tal-prezzijiet u jiġi antiċipat id-dħul mill-ETS2.

Il-Kummissarju għall-ambjent, Jessika Roswall, ippreżentat ir-rapport annwali tagħha dwar is-simplifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-pakkett reċenti ta' simplifikazzjoni ambjentali.

Il-Polonja infurmat lill-ministri dwar il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) u kif dan jista' jaffettwa l-importazzjonijiet tekniċi u mhux kummerċjali tal-elettriku mill-Ukrajna lejn l-istati membri tal-UE.

L-Awstrija pprovdiet informazzjoni dwar il-perikli maħluqa mill-batteriji tal-litju u l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali li tiġi introdotta sistema ta' depożitu tal-batteriji mal-UE kollha.

Il-Belġju pprovda informazzjoni dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti fis-suq tal-UE.

Il-ministri semgħu wkoll minn Franza u minn stati membri oħra dwar il-ħtieġa urġenti li jkun hemm azzjoni fil-livell Ewropew dwar l-effetti ambjentali u ekonomiċi tal-moda ultraveloċi.

In-Netherlands u Franza infurmaw lill-ministri dwar ir-reviżjoni f'waqtha tad-direttiva dwar l-oġġetti pirotekniċi.

Ċipru ppreżenta l-programm ta' ħidma tiegħu bħala l-presidenza li jmiss tal-Kunsill.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni informali dwar l-investimenti ambjentali biex jintlaħqu l-miri ambjentali.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 17 ta' Diċembru 2025