Sigurtà u difiża
Kif l-UE tipproteġi liċ-ċittadini tagħha, tirreaġixxi għall-kunflitti u l-kriżijiet lil hinn mill-fruntieri tagħha u tappoġġa lil pajjiżi sħab tagħha biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom tad-difiża.
L-UE qed iżżid il-prontezza tad-difiża tagħha u tinvesti aktar fid-difiża biex tindirizza l-isfidi u t-theddid immedjati u futuri.
Qed jittieħdu passi kuraġġużi, fosthom fil-kuntest tal-isfida eżistenzjali kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Żieda fin-nefqa għad-difiża
L-UE u l-istati membri tagħha qed iżidu l-infiq u l-investiment tagħhom fid-difiża fi żmien meta s-sitwazzjoni tas-sigurtà nbidlet radikalment.
Fl-2024, in-nefqa tal-istati membri għad-difiża laħqet €343 biljun, b'nefqa ta' €106 biljun fuq investimenti. Fl-2025, huwa stmat li din ser tilħaq €381 biljun.
Il-pjan tal-UE għall-prontezza tad-difiża
Is-sigurtà u d-difiża jibqgħu kompetenzi nazzjonali. L-UE tikkomplementa u tamplifika l-isforzi individwali tal-istati membri, billi tappoġġa żieda fl-infiq għad-difiża nazzjonali u tuża r-riżorsi baġitarji tal-UE fis-settur tad-difiża. Inizjattivi reċenti tal-UE jinkludu:
Strument finanzjarju li jipprovdi sa €150 biljun f'self biex jgħin lill-istati membri jżidu l-investimenti fid-difiża permezz ta' akkwist komuni.
L-UE tħalli lill-istati membri jużaw il-klawżola liberatorja nazzjonali biex tagħtihom flessibbiltà baġitarja addizzjonali u għalhekk jonfqu aktar fuq id-difiża.
Programm ta' finanzjament li ser jipprovdi €1.5 biljun fl-għamla ta' għotjiet biex tissaħħaħl-industrija tad-difiża tal-Ewropa fil-perjodu 2025-2027.
Dan il-fond jippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża. Għandu baġit ta' €8.8 biljun għall-perjodu 2021-2027.
Miżuri ġodda tal-UE ser jissimplifikaw il-qafas legali u amministrattiv fis-settur tad-difiża. Il-pakkett leġiżlattiv huwa parti mill-aġenda ta' simplifikazzjoni tal-UE.
L-UE għandha l-għan li timmobilizza l-investiment privat fis-settur tad-difiża permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment u billi taċċellera l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti.
Naħdmu għal Ewropa sikura u dinja stabbli
L-UE m'għandhiex armata permanenti. Tiddependi mill-assi pprovduti mill-istati membri tal-UE biex tibgħat missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari madwar id-dinja, fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE.
Il-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari jibbenefikaw minnfinanzjament fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, strument li jappoġġa wkoll lill-forzi armati ta' pajjiżi mhux tal-UE permezz ta' miżuri ta' assistenza.
Missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari
Faċilità Ewropea għall-Paċi
Kooperazzjoni man-NU, in-NATO u pajjiżi mhux tal-UE
Is-sħubijiet fis-sigurtà u d-difiża huma pilastru indispensabbli tal-isforzi tal-UE biex tippromwovi l-paċi madwar id-dinja. L-UE tikkoopera mill-qrib man-NU f'operazzjonijiet ta' paċi u ġestjoni ta' kriżijiet filwaqt li n-NATO tibqa' essenzjali għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewro-Atlantika.
L-UE żżomm diversi tipi ta' arranġamenti ma' pajjiżi mhux tal-UE, fosthom sħubijiet bilaterali fis-sigurtà u d-difiża.
Appoġġ militari għall-Ukrajna
Minn meta bdiet l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja, l-UE u l-istati membri tagħha żiedu b'mod sinifikanti l-appoġġ militari tagħhom għall-forzi armati tal-Ukrajna.
L-assistenza militari tal-UE għandha l-għan li ssaħħaħ il-mezzi u r-reżiljenza tal-forzi armati tal-Ukrajna u li tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili mill-aggressjoni militari tar-Russja.
Oqsma oħra ta' kooperazzjoni fis-sigurtà u d-difiża
L-aħħar spjegazzjonijiet
Kooperazzjoni UE-NATO
Prontezza tad-difiża Ewropea
Finanzjament tal-UE għad-difiża
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' April 2026