Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 11 u 12 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

Sajd

Opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku għall-2022

Il-Kunsill qabel dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti tal-istati membri għall-għaxar stokkijiet tal-ħut l-iktar importanti kummerċjalment fil-Baħar Baltiku għall-2022. Il-qbil jiddetermina l-kwantitajiet ta' kull speċi li l-istati membri ser jitħallew jaqbdu fl-2022 u jistabbilixxi wkoll ċerti kundizzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fir-reġjun.

Il-qbil jinkludi għadd ta' bidliet fit-TACs tas-sena ta' qabel. B'mod partikolari:

  • Minħabba livelli baxxi tal-bijomassa, it-TAC għall-aringa fil-parti tal-Punent tal-Baħar Baltiku ġiet limitata għal qabdiet aċċessorji u tnaqqset b'50%; fil-Baltiku Ċentrali din tnaqqset b'45%.
  • Minħabba n-nuqqas ta' titjib fl-istokkijiet tal-bakkaljaw, il-Kunsill kompla l-prattika li jistabbilixxi biss TAC speċifika għall-qabdiet aċċessorji. Dan ġara wkoll fil-każ tas-salamun fil-Baċir Ewlieni, għalkemm it-TAC għall-istokkijiet tas-salamun fil-Golf tal-Finlandja kellha żieda moderata.

It-TACs għall-barbun tat-tbajja' u l-laċċa kaħla żdiedu b'25% u 13% rispettivament.

Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Il-qbil tal-lum jikseb bilanċ bejn l-appoġġ għas-sajjieda tal-UE u l-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut fir-reġjun Baltiku. Huwa bbażat fuq parir xjentifiku sod u jirrifletti l-impenn tal-Kunsill li jirrispetta l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd filwaqt li jindirizza wkoll it-tħassib ambjentali.
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja

Stokkijiet tal-ħut tar-Renju Unit

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet kondiviżi mar-Renju Unit għall-2022. Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-konsultazzjonijiet mar-Renju Unit dwar l-istokkijiet tal-ħut kondiviżi huma mistennija li jsiru kull sena skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Id-delegazzjonijiet ipprovdew gwida lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE f'dawn il-konsultazzjonijiet. B'mod partikolari, huma enfasizzaw il-ħtieġa li t-TACs ikunu bbażati fuq parir xjentifiku u li jikkonformaw mal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd, b'kont meħud tal-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-sostenibbiltà. Ħafna stati membri tennew ukoll l-importanza li jiġi ppreżentat front magħqud f'dawn in-negozjati. Fil-marġini tal-laqgħa, għadd ta' stati membri ffirmaw dikjarazzjoni politika dwar id-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jagħtix liċenzji tas-sajd lil għadd ta' bastimenti tas-sajd Franċiżi fl-ilmijiet ta' Jersey u Guernsey. Din id-dikjarazzjoni appoġġat il-pożizzjoni ta' Franza u appellat lir-Renju Unit biex jirrispetta d-dispożizzjonijiet tat-TCA.

Din l-infografika tispjega kif inhuma stabbiliti l-kwoti tas-sajd bejn l-UE u r-Renju Unit mill-Brexit 'l hawn.
Kwoti tas-sajd wara l-Brexit (Infografika)

Kwoti tas-sajd wara l-Brexit (Infografika)

Konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn l-UE u n-Norveġja u l-Istati Kostali għall-2022

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar konsultazzjonijiet man-Norveġja u l-Istati Kostali għall-opportunitajiet tas-sajd fl-2022. In-negozjati man-Norveġja għandhom isiru bejn nofs Ottubru u l-aħħar ta' Novembru, bil-konsultazzjonijiet mal-Istat Kostali jibdew fl-aħħar ta' Ottubru. Id-delegazzjonijiet iddiskutew il-prijoritajiet tal-UE u ħejjew il-bażi għal dawn il-konsultazzjonijiet.

Parteċipazzjoni tal-UE fil-laqgħa dwar it-tonn tal-Atlantiku

Il-ministri ntalbu jipprovdu gwida lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), li din is-sena ser issir mill-15 sat-22 ta' Novembru. Id-diskussjoni inkludiet, fost l-oħrajn, miżuri proposti għall-ġestjoni tat-tonn tropikali (b'mod partikolari t-tonn obeż) u l-protezzjoni tal-pixxitondu, l-irkupru tal-istokkijiet tat-tonna, u l-importanza li jiġi evitat impatt negattiv fuq is-sajd artiġjanali u s-sajd fuq skala żgħira. L-ICCAT hija responsabbli biex tiżgura l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u biex tissalvagwardja l-ekosistemi tal-baħar. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għandhom implikazzjonijiet diretti għall-opportunitajiet annwali tas-sajd tal-UE.

Agrikoltura

Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

Skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata, li ser tkopri l-perjodu 2023-2027, l-istati membri huma mitluba jħejju pjanijiet strateġiċi li jiddeskrivu kif ser jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-politika. Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjija tal-pjanijiet tagħhom, identifikaw kwalunkwe sfida li kienu qed jiffaċċaw u rriflettew dwar il-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika li twettqu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ trasparenti għall-evalwazzjoni tal-pjanijiet, pereżempju billi tipprovdi kriterji ta' valutazzjoni ċari u tiżgura li kemm jista' jkun dokumenti ta' gwida jsiru disponibbli għall-pubbliku.

Standards tal-UE tal-kummerċjalizzazzjoni

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-reviżjoni tal-istandards tal-UE tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti agrikoli. Huma ssottolinjaw l-importanza tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġu eżaminati modi kif dawn jittejbu aktar, b'mod partikolari bil-ħsieb li jikkontribwixxu għal sostenibbiltà akbar, filwaqt li jipprovdu wkoll informazzjoni ċara lill-konsumaturi u jżommu l-kompetittività tal-prodotti tal-UE fis-suq internazzjonali. Barra minn hekk, ħafna minnhom esprimew appoġġ għall-proposta tal-Presidenza Slovena li jiġu riveduti r-regoli dwar it-tikkettar tat-taħlitiet tal-għasel sabiex jiġu indikati l-pajjiżi ta' oriġini tal-għasel użat fit-taħlitiet.

L-istandards tal-UE tal-kummerċjalizzazzjoni jistabbilixxu rekwiżiti minimi għal prodotti li jiġu nnegozjati bejn in-negozji jew kummerċjalizzati lill-konsumaturi. L-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tal-UE tipprevedi reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni bl-għan li tiżdied is-sostenibbiltà tal-katina tal-provvista tal-ikel. Kunsiderazzjonijiet oħra jinkludu l-ħtieġa li jiġu mmodernizzati ċerti standards u li dawn jinġiebu f'konformità mal-aspettattivi tal-konsumaturi.

L-aġġornament tar-regoli dwar it-tikkettar tat-taħlitiet tal-għasel huwa prijorità ewlenija tal-presidenza Slovena u l-appoġġ espress mill-istati membri llum iqarribna lejn il-kisba ta' dan l-għan importanti. Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja

L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030

Il-ministri ddiskutew il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030, li ġiet ippubblikata fis-16 ta' Lulju 2021. Din l-istrateġija, li hija ankrata fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandha l-għan li tadatta l-foresti tal-Ewropa biex jirrispondu għal theddid bħat-tibdil fil-klima, iżżomm ir-rwol tal-foresti bħala bjar tal-karbonju u tippreserva u tirrestawra l-ekosistemi, filwaqt li tiżgura wkoll ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti.

Il-ministri laqgħu l-istrateġija iżda saħqu fuq l-importanza li jkun hemm bilanċ bejn l-għanijiet ambjentali u r-rwoli ekonomiċi u soċjali kruċjali li għandhom il-foresti tal-Ewropa. Il-ministri ssottolinjaw li l-istrateġija jeħtieġ li tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-istrateġiji u l-miżuri nazzjonali eżistenti, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, u li għandu jingħata finanzjament adegwat. Il-Kunsill mistenni jadotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd f'Novembru.

Lesti għall-mira ta' 55%

Sar skambju ta' fehmiet dwar il-kontribut potenzjali tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija għall-pakkett il-ġdid "lesti għall-mira ta' 55%". Il-ministri ddiskutew l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-inizjattiva. Il-punti li tqajmu inkludew it-trikkib possibbli mal-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida u l-ħtieġa li jitqiesu l-punti ta' tluq differenti tal-istati membri meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-objettivi klimatiċi. Messaġġ ewlieni mill-ministri kien li l-objettiv primarju tal-PAK tas-sigurtà tal-ikel għandu dejjem jiġi garantit. Għadd ta' delegazzjonijiet appellaw ukoll biex titwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-pakkett. Fir-rigward tal-foresti, il-ministri rrikonoxxew ir-rwol essenzjali tagħhom bħala bjar tal-karbonju u fil-preservazzjoni tal-bijodiversità, iżda enfasizzaw li l-isfida ewlenija ser tkun li jintlaħaq bilanċ bejn il-miri ambjentali aktar ambizzjużi għall-forestrija u l-aspetti soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà tal-foresti.

Il-pakkett "lesti għall-mira ta' 55%" huwa sett ta' proposti interkonnessi adottati mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju bl-għan li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'mill-inqas 55% sal-2030 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990). Tlieta mill-proposti għandhom rabta ċara mal-agrikoltura u l-forestrija peress li jinvolvu r-reviżjoni ta' tliet regolamenti ewlenin:

  • ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF);
  • ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi;
  • id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
L-infografika tispjega l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%, l-oqsma ewlenin ta' azzjoni biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-proposti jinbidlu f'liġi tal-UE.
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

Suġġetti oħra fl-aġenda

Fl-ewwel jum tal-laqgħa tal-Kunsill, il-ministri rċevew informazzjoni mid-delegazzjonijiet dwar għadd ta' suġġetti, inkluż is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat Tork fl-ilmijiet territorjali Griegi, il-prezz għoli tal-fertilizzant, is-sitwazzjoni fis-settur tal-laħam tal-majjal, il-laqgħa reċenti tal-ministri għall-agrikoltura tal-G20, ir-reviżjoni li jmiss tal-politika Ewropea dwar il-kwalità, u proposta biex il-qafas temporanju jiġi estiż għall-għajnuna mill-Istat. Fit-tieni jum il-presidenza pprovdiet aġġornament dwar is-Summit reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sistemi tal-Ikel, id-delegazzjoni Spanjola ppreżentat il-kandidat propost tagħha biex jippresiedi l-Kumitat tan-NU dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, u d-delegazzjoni Daniża appellat għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025