"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 10 ta' Ottubru 2025
Riżultati ewlenin
Kellna diskussjonijiet produttivi dwar l-appoġġ għall-Ukrajna, kwistjonijiet relatati mal-kompetittività Ewropea, ir-riżorsi proprji Ewropej, u ħafna aktar. Kellna diskussjonijiet tajbin dwar appoġġ ġdid tal-UE għall-Ukrajna, is-self marbut mar-reparazzjonijiet lill-Ukrajna bbażat fuq assi Russi ffriżati li l-Ukrajna ser tħallas lura biss jekk u meta r-Russja tħallas għad-danni kkawżati mill-gwerra tagħha fl-Ukrajna. Kien hemm appoġġ wiesa' biex titkompla l-ħidma fuq il-mudell.
Din il-presidenza tappoġġah bis-sħiħ bħala l-aħjar triq' il quddiem. Wara llum, ser inkomplu naħdmu fuq il-mistoqsijiet li jridu jiġu ċċarati, u l-Kunsill Ewropew imbagħad ser jiddiskuti l-mudell aktar tard dan ix-xahar. Il-presidenza lesta tmexxi 'l quddiem kwalunkwe proposta konkreta sussegwenti mill-Kummissjoni bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità.
Stephanie Lose, ministru għall-affarijiet ekonomiċi tad-Danimarka
Tassazzjoni fuq it-tabakk
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta reċenti tagħha biex taġġorna r-regoli dwar l-istruttura u r-rati minimi tad-dazju tas-sisa applikati fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk fl-UE (id-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq it-tabakk).
Ir-reviżjoni proposta għandha l-għan li testendi l-ambitu tal-prodotti koperti biex jinkludi prodotti ġodda tat-tabakk u tan-nikotina, kif ukoll iżżid ir-rati minimi tad-dazju tas-sisa biex tappoġġa l-objettivi tas-saħħa pubblika u tallinja l-politika fiskali mad-dinamika attwali tas-suq. Matul l-iskambju ta' fehmiet sussegwenti, il-ministri ppreżentaw il-pożizzjonijiet inizjali tagħhom dwar il-proposta.
L-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa ħeġġet lill-gvernijiet mad-dinja kollha biex iżidu l-kontroll tat-tabakk. Din twissi li prodotti ġodda, bħas-sigaretti elettroniċi u l-boroż tan-nikotina, qed joħolqu mewġa ġdida ta' dipendenza fuq in-nikotina. Il-presidenza Daniża tieħu dan it-tħassib b'serjetà kbira. Aħna nemmnu li l-avvanz ta' din il-proposta huwa essenzjali sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u jitnaqqas ix-xiri transfruntier tat-tabakk u tal-prodotti tan-nikotina. Li nħarsu s-saħħa taż-żgħażagħ fl-Ewropa huwa wieħed mill-kompiti ewlenin tagħna.
Stephanie Lose, ministru għall-affarijiet ekonomiċi tad-Danimarka
F'sessjoni pubblika wkoll, il-ministri semgħu preżentazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni li ressqet ħames riżorsi proprji ġodda possibbli għall-baġit tal-UE u ħadu sehem fi skambju ta' fehmiet dwar is-suġġett.
Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-perkors tan-nefqa netta massima għall-Ġermanja matul il-ħames snin li ġejjin.
Fl-istess ħin, il-Kunsill attiva l-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-patt ta' stabbiltà u tkabbir għall-Ġermanja biex jgħinha fit-tranżizzjoni lejn nefqa fid-difiża ogħla fil-livell nazzjonali filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn.
Lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx
Il-Kunsill ikkonferma mingħajr tibdil il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. Il-lista tikkonsisti mill-istess 11-il ġuriżdizzjoni bħal qabel.
Inċentivi fiskali li jappoġġaw il-patt għal industrija nadifa
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar inċentivi fiskali biex jippromwovu teknoloġiji u industrija nodfa, bħala parti mill-patt għal industrija nadifa tal-UE.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li jitkebbes dinamiżmu ekonomiku fl-Ewropa u li jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza. Huwa jinnota li l-inċentivi fiskali għandhom jitqiesu bħala element wieħed possibbli li għandu jiġi kkunsidrat minn kull stat membru bħala parti minn taħlita ta' politika li qed tevolvi biex jiġu appoġġati l-iżvilupp ta' enerġija nadifa, id-dekarbonizzazzjoni industrijali u t-teknoloġija nadifa.
Il-Kunsill jissottolinja wkoll li l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-inċentivi hija kruċjali, u li l-istati membri huma liberi li jfasslu, jimplimentaw u japplikaw inċentivi fiskali f'konformità mas-sitwazzjonijiet individwali tagħhom. Fl-istess ħin, l-inċentivi fiskali għandhom jinżammu sempliċi għall-kumpaniji u l-awtoritajiet tat-taxxa, b'mod partikolari minħabba d-differenzi fis-sistemi fiskali madwar l-UE.
Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet dwar l-iffirmar ta' protokolli emendatorji għall-ftehimiet bejn l-UE u, rispettivament, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, Andorra, Monaco u San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.
Il-protokolli aġġornati ser jiżguraw li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istati membri tal-UE u l-pajjiżi terzi rispettivi jkun allinjat mal-istandards komuni ta' rapportar aġġornati reċentement żviluppati mill-organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ekonomiċi (OECD).
Il-protokolli emendatorji issa ser jiġu ffirmati. Il-Kunsill mistenni jadotta deċiżjonijiet li jimmarkaw il-konklużjoni tal-protokolli emendatorji aktar tard din is-sena, ladarba l-Parlament Ewropew ikun ippreżenta l-opinjoni tiegħu.
Separatament, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati man-Norveġja għal ftehim dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta mal-istati membri tal-UE.
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rakkomandazzjoni tagħha lill-istati membri dwar pjan ta' azzjoni għall-kontijiet tat-tfaddil u tal-investiment, adottata fit-30 ta' Settembru 2025 bħala parti mill-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti.
Il-ministri għall-finanzi mbagħad kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-suġġett. B'mod ġenerali, laqgħu l-inizjattivi ppreżentati mill-Kummissjoni u tennew l-impenn tagħhom lejn l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti.
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima bil-ħsieb tal-konferenza tan-NU tal-2025 dwar it-tibdil fil-klima (COP30), li ser issir f'Belém bejn l-10 u l-21 ta' Novembru 2025.
L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributur dinji għall-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-klima, u mill-2013 'l hawn il-kontribuzzjoni tagħhom żdiedet b'aktar mid-doppju għall-finanzjament għall-klima biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jinnota t-tħassib serju tiegħu li l-2024 kienet l-aktar sena sħuna rreġistrata, skont is-sejbiet tal-aġġornament dwar il-klima deċennali 2025 tal-Organizzazzjoni meteoroloġika dinjija.
Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tal-UE u tal-istati membri tagħha għall-għan kollettiv internazzjonali li jiġu mobilizzati $100 biljun fis-sena f'finanzjament għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-appell lill-pajjiżi terzi biex jikkontribwixxu.
Il-Kunsill approva emendi mmirati għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Spanja.
L-RRF hija l-programm ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira tal-UE biex tgħin fit-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.