"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 12 ta' Diċembru 2025
Riżultati ewlenin
Matul il-laqgħa tal-Kunsill, il-ministri qablu dwar miżura temporanja biex jiġi applikat dazju doganali għall-influss ta' pakketti żgħar li jidħlu fl-UE. Il-Kunsill evalwa wkoll il-progress li sar fuq il-pakkett tal-munita unika, li jinkludi l-inizjattiva tal-euro diġitali u miżuri biex tissaħħaħ il-valuta legali tal-flus kontanti tal-euro fl-UE. Waqt l-ikla ministerjali informali ta' qabel il-laqgħa, il-ministri ddiskutew il-finanzjament għall-Ukrajna.
Il-Presidenza Daniża ħadmet ħafna biex twettaq iż-żewġ prijoritajiet tagħna, jiġifieri Ewropa aktar b'saħħitha u aktar sigura, u Ewropa aktar kompetittiva.
Dwar is-sigurtà, żgurajna progress fl-appoġġ finanzjarju sod tagħna għall-Ukrajna, essenzjali kemm għall-Ukrajna kif ukoll għas-sigurtà tal-Ewropa, u nittamaw li dan iwitti t-triq għal deċiżjoni fil-Kunsill Ewropew. Żgurajna wkoll flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-infiq għad-difiża skont ir-regoli fiskali tagħna.
Dwar il-kompetittività, adottajna prinċipji dwar is-simplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni finanzjarja, ħarsa ġenerali lejn il-konsegwenzi ekonomiċi tal-proposti tal-UE u metodu ta' ħidma biex jiġu minimizzati l-piżijiet fuq in-negozji, filwaqt li jinkisbu l-benefiċċji minn regoli komuni tal-UE. Sibna soluzzjonijiet dwar il-fajl tal-euro diġitali u tat-titolizzazzjoni, bħala l-ewwel inizjattiva ewlenija taħt l-unjoni tat-tfaddil u tal-investiment. Il-finalizzazzjoni u l-ftehim formali tal-Kunsill dwar dawn iż-żewġ inizjattivi huma mistennija fi ftit jiem oħra.
Stephanie Lose, ministru għall-affarijiet ekonomiċi tad-Danimarka
Importazzjonijiet ta' pakketti żgħar
Il-Kunsill illum qabel li mill-1 ta' Lulju 2026 japplika tariffa doganali fissa ta' €3 fuq pakketti żgħar b'valur ta' anqas minn €150 li jkunu deħlin fl-UE, l-aktar permezz tal-kummerċ elettroniku.
Din il-miżura temporanja twieġeb għall-fatt li pakketti bħal dawn bħalissa jidħlu fl-UE mingħajr dazju, u dan iwassal għal kompetizzjoni inġusta għall-bejjiegħa tal-UE, riskji għas-saħħa u s-sikurezza għall-konsumaturi, livelli għoljin ta' frodi u tħassib ambjentali. Id-dazju ta' €3 ser jiġi applikat fuq kull tip ta' oġġett differenti li jkun hemm f'kunsinna, skont l-intestaturi tariffarji tiegħu.
Il-miżura ser tibqa' fis-seħħ sakemm l-arranġament permanenti għal dawn il-pakketti, maqbul f'Novembru 2025, jidħol fis-seħħ.
Il-Kunsill evalwa s-sitwazzjoni attwali dwar il-pakkett tal-munita unika, li jinkludi l-qafas leġiżlattiv li jirfed l-inizjattiva tal-euro diġitali u regolament li jiċċara aspetti tal-istatus tal-valuta legali tal-flus kontanti tal-euro.
Il-Presidenza rrikonoxxiet u laqgħet il-progress qawwi lejn pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill dwar il-pakkett. Dik il-pożizzjoni hija mistennija tiġi adottata qabel tmiem is-sena u, ladarba tiġi ffinalizzata, il-Kunsill ser ikun lest jidħol f'negozjati interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw emendi mmirati ppreżentati mill-Awstrija, Ċipru, iċ-Ċekja, Franza, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja għall-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-programm tal-UE ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira b'rispons għall-isfidi li ħolqot il-pandemija tal-COVID-19 għall-ekonomija Ewropea. Din hija l-qofol ta' NextGenerationEU, strument ta' rkupru temporanju li jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor fondi sabiex tgħin fit-tiswija tad-dannu ekonomiku u soċjali immedjat li ġie kkawżat mill-pandemija.
Biex jibbenefikaw mill-faċilità, l-istati membri jridu jippreżentaw pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) lill-Kummissjoni, li jistabbilixxu r-riformi u l-investimenti li beħsiebhom jimplimentaw sa tmiem Awwissu 2026.
Sal-lum, ġew żborżati madwar €378 biljun mill-RRF.
Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar is-simplifikazzjoni tar-regolament finanzjarju.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jistabbilixxi l-kontribut li s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji tista' tagħmel għall-kompetittività, il-prestazzjoni ekonomika u s-sigurtà ġenerali tal-UE. Huwa jirrikonoxxi r-responsabbiltà kondiviża tal-atturi kollha involuti fl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam biex jintlaħaq dan l-għan.
Il-konklużjonijiet jistabbilixxu wkoll lista ta' prinċipji ta' gwida konkreti għal din il-ħidma u jiddeskrivu l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu mill-atturi rilevanti biex jinkiseb dan l-għan, fil-fażijiet leġiżlattivi kollha u fil-livelli differenti ta' regoli.
Matul il-laqgħa tal-ECOFIN, il-Kunsill iddiskuta wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel l-approvazzjoni mistennija tal-konklużjonijiet dwar l-istess suġġett fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Diċembru. Dan is-suġġett huwa mistenni li jsir punt rikorrenti fil-Kunsill ECOFIN.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni, il-ministri ddiskutew ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija 2026, ippubblikat fil-25 ta' Novembru 2025, li jagħti bidu għall-proċedura annwali ta' żbilanċ makroekonomiku tas-Semestru Ewropew.
Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, maħruġ fl-istess jum. Din ir-rakkomandazzjoni tindirizza kwistjonijiet ewlenin għall-funzjonament taż-żona tal-euro. L-abbozz tat-test ser jiġi diskuss u emendat kif meħtieġ mill-istati membri qabel l-approvazzjoni tal-Kunsill kmieni s-sena d-dieħla.
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, ippubblikat fil-25 ta' Novembru 2025.
Ir-rapport huwa element ewlieni tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir, li jiddefinixxi r-regoli għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali u jinkludi parti preventiva u parti korrettiva.
Il-ministri approvaw ukoll ir-riformulazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta dwar l-implimentazzjoni tal-patt, imħejji u maqbul mill-kumitat ekonomiku u finanzjarju (KEF).
Il-kodiċi ta' kondotta jipprovdi gwida fid-dawl tal-qafas ġdid ta' governanza ekonomika fis-seħħ mit-30 ta' April 2024.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.