"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 17 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Telf ta' pellets tal-plastik

Il-ministri tal-ambjent tal-UE laħqu approċċ ġenerali għal regolament dwar il-prevenzjoni tat-telf ta' pellets tal-plastik – il-materja prima industrijali użata biex isiru prodotti tal-plastik – fl-ambjent.

Ir-regoli l-ġodda ser jgħinu biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-pellets tal-plastik tul il-katina tal-provvista kollha u t-trasport tagħhom fl-UE. Dan jista' jnaqqas it-telf ta' pellets tal-plastik fl-ambjent sa 74%.

It-telf ta' pellets tal-plastik fl-ambjent huwa t-tielet l-akbar sors tar-rilaxxi kollha mhux intenzjonati tal-mikroplastiċi. Ir-regoli l-ġodda, l-ewwel tat-tip tagħhom fl-UE, ser jgħinu lill-kumpaniji jimminimizzaw it-telf tal-pellets tal-plastik, filwaqt li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tniġġis mill-mikroplastiċi, li ma jaf l-ebda fruntiera jew konfini.

Anikó Raisz, Ministru tal-Istat Ungeriż għall-Affarijiet Ambjentali u l-Ekonomija Ċirkolari

Filwaqt li jibni fuq il-proposta tal-Kummissjoni, l-approċċ ġenerali tal-Kunsill isib bilanċ bejn l-introduzzjoni ta' miżuri ambizzjużi u effettivi biex jimminimizzaw it-telf tal-pellets tal-plastik u l-evitar ta' piż amministrattiv bla bżonn. It-test jiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwi bejn it-trasportaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE u jintroduċi obbligi għall-bastimenti tal-baħar li jittrasportaw pellets tal-plastik.

L-approċċ ġenerali maqbul illum jifformalizza l-pożizzjoni għan-negozjati tal-Kunsill. In-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tar-regolament huma mistennija li jibdew kmieni fl-2025.

Vetturi li m'għadhomx jintużaw

Abbażi ta' nota mħejjija mill-presidenza Ungeriża, il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-regolament propost dwar ir-rekwiżiti taċ-ċirkolarità għad-disinn tal-vetturi u dwar il-ġestjoni ta' vetturi li m'għadhomx jintużaw. Ir-regolament għandu l-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità fis-settur awtomobilistiku, billi jiżgura li d-disinn ta' vetturi ġodda jagħmilha aktar faċli li jiġu riċiklati u użati mill-ġdid il-partijiet u l-komponenti tagħhom.

Id-diskussjonijiet urew li sar progress importanti dwar diversi suġġetti fil-livell tekniku, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament, l-obbligi relatati tal-produtturi u l-awtoritajiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet finali dwar ir-rieżami u l-emendi meħtieġa għal-leġiżlazzjoni relatata.

Matul id-dibattitu ta' orjentazzjoni, il-ministri esprimew appoġġ wiesa' għaż-żieda tal-Artikolu 192(1) TFUE (protezzjoni tal-ambjent) bħala bażi legali minbarra l-Artikolu 114 TFUE (funzjonament tas-suq intern), u għall-estensjoni ta' ċerti obbligi għal vetturi heavy-duty u muturi.

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu importanti dwar il-mira għal kontenut minimu riċiklat għall-plastik. Għadd ta' stati membri setgħu jappoġġaw ir-rata ta' 25%, kif propost mill-Kummissjoni, filwaqt li oħrajn talbu rata ferm aktar baxxa u wissew li din tista' pereżempju twassal għal distorsjonijiet tas-suq f'każ ta' nuqqas ta' materjal riċiklat. Il-Kunsill ser ikompli d-diskussjonijiet sabiex isib kompromess aċċettabbli dwar din il-kwistjoni.

Il-ministri ddiskutew mira possibbli għal kontenut minimu riċiklat għall-azzar. Għadd sinifikanti ta' Stati Membri indikaw li l-ewwel ikun meħtieġ studju ta' fattibbiltà, li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni, biex jiġu evalwati aħjar l-implikazzjonijiet tal-istabbiliment ta' din il-mira.

Fl-aħħar nett, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-partijiet u l-komponenti tal-vetturi li għandhom jitneħħew qabel it-tqattigħ.

Mira klimatika għall-2040

Il-ministri għall-ambjent kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2040, ippubblikata fis-6 ta' Frar 2024. Il-komunikazzjoni tirrakkomanda mira ta' tnaqqis ta' 90% fl-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra sal-2040 meta mqabbla mal-1990.

Il-ministri ffukaw id-diskussjoni tagħhom fuq il-prerekwiżiti għal tranżizzjoni b'suċċess lejn il-mira klimatika tal-UE għall-2040. Rigward l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas maqbul għall-2030, il-ministri qablu dwar il-ħtieġa għal simplifikazzjoni sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

Huma enfasizzaw ukoll li oqfsa regolatorji u ta' investiment stabbli u prevedibbli huma kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività. L-allinjament tal-politiki tad-dekarbonizzazzjoni u industrijali u l-kisba ta' prezzijiet tal-enerġija aktar kompetittivi huma wkoll elementi kruċjali f'dan ir-rigward.

Għal tranżizzjoni ġusta u soċjalment aċċettabbli, il-ministri rrikonoxxew ir-rwol importanti tal-involviment kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji, kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema.

Rappurtar dwar laqgħat internazzjonali

Il-presidenza Ungeriża, flimkien mal-Kummissjoni, infurmat lill-ministri dwar il-laqgħat internazzjonali reċenti ewlenin u l-eżiti tagħhom:

Affarijiet oħra

Il-ministri rċevew aġġornament mill-Kummissjoni dwar il-progress tal-missjonijiet tal-UE ta' Orizzont Ewropa bħala għodda għall-azzjoni lokali dwar il-klima.

Il-ministri semgħu mill-Iżvezja, appoġġata mid-Danimarka, il-Finlandja u l-Lussemburgu, dwar kwistjonijiet ewlenin fir-reviżjoni mmirata tar-regolament REACH.

Iċ-Ċekja, flimkien mad-Danimarka, Franza u s-Slovakkja, qajmu punt dwar is-swieq online u n-nuqqas ta' konformità mal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur. L-Awstrija indirizzat ukoll il-kwistjoni ta' swieq online kbar ħafna u n-nuqqas ta' konformità tagħhom mar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

Franza infurmat lill-ministri dwar il-ħtieġa li jiġi evitat li l-manifatturi tal-karozzi jiddgħajfu permezz ta' penali, filwaqt li jinżammu l-miri u l-ambizzjoni tar-regolament dwar l-istandards tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet.

Fl-aħħar nett, il-Presidenza Pollakka ppreżentat il-programm ambjentali tagħha bħala l-presidenza li jmiss.

Dibattitu waqt l-ikla ta' nofsinhar

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni informali mal-Kummissarji Jessica Roswall u Wopke Hoekstra dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2024-2029 fil-qasam tal-politika dwar l-ambjent u l-klima.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025