"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 25 ta' Marzu 2024

Riżultati prinċipali

Direttiva qafas dwar l-iskart

Il-ministri għall-ambjent tal-UE kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi riveduta d-direttiva qafas dwar l-iskart, b'enfasi fuq is-setturi tat-tessuti u tal-ikel. L-għan ġenerali tad-diskussjoni kien li tingħata aktar gwida għall-ħidma teknika li għaddejja dwar l-emendi proposti.

Kull sena, miljuni ta’ tunnellati ta’ ikel u tessuti jintremew bħala skart fl-UE, b’impatt negattiv enormi fuq l-ambjent tagħna. Dawn huma ċifri allarmanti u l-proposta li ddiskutejna llum għandha l-għan li twaqqaf din ix-xejra għalkollox u li tagħti spinta lill-ekonomija ċirkolari. Kellna diskussjoni produttiva biex niggwidaw aktar il-ħidma importanti li qed issir fuq ir-rieżami mmirat tad-direttiva qafas dwar l-iskart. Jien pożittiv li ser naslu għal ftehim ibbilanċjat fix-xhur li ġejjin.

Alain Maron, Ministru għat-Tranżizzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija u d-Demokrazija Parteċipattiva tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali

Il-proposta għandha l-għan li tnaqqas l-impatti ambjentali u klimatiċi assoċjati mal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart tat-tessuti u tal-ikel. B'rabta mat-tessuti, hija tintroduċi skemi obbligatorji u armonizzati ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) madwar l-UE, sabiex il-produtturi jkopru l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart tat-tessuti. Ir-regoli proposti għandhom ukoll l-għan li jiżguraw li t-tessuti użati jiġu sseparati biex jintużaw mill-ġdid, u dawk li ma jistgħux jerġgħu jintużaw jiġu riċiklati, bi qbil mal-"ġerarkija tal-iskart".

Il-proposta tistabbilixxi wkoll miri legalment vinkolanti għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel għall-istati membri, li għandhom jintlaħqu sal-2030 biex jikkontribwixxu għall-impenji tal-UE skont l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs). Barra minn hekk, id-direttiva emendata tirrikjedi li l-istati membri jirrieżaminaw u jadattaw il-programmi nazzjonali tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel bil-ħsieb li jintlaħqu dawk il-miri.

Fost affarijiet oħra, il-ministri ddiskutew il-livell ta' ambizzjoni tal-objettivi għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel sal-2030 u l-effettività tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi tat-tessuti biex jiġi miġġieled l-impatt ambjentali tal-iskart tat-tessuti.

L-infografika tippreżenta l-miżuri ewlenin tal-UE għat-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel.

Ħela ta' ikel: prevenzjoni, użu mill-ġdid u riċiklaġġ (Infografika)

Innaqqsu t-tniġġis mill-mikroplastik

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik fl-ambjent. Ir-regolament propost għandu l-għan li jkompli jnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik, b'mod speċifiku billi jindirizza r-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiks mill-immaniġġar tal-pellets tal-plastik.

Il-proposta tistabbilixxi obbligu ġenerali għall-operaturi u għat-trasportaturi tal-UE u mhux tal-UE biex jipprevjenu t-telf tal-pellets tal-plastik u tinkludi l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni għall-operaturi, sistema ta’ ċertifikazzjoni obbligatorja u metodoloġija armonizzata biex jiġi stmat it-telf.

Il-ministri laqgħu l-proposta u qablu mal-importanza li jkun hemm leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE ffukata fuq it-tnaqqis tat-tniġġis mill-mikroplastik. Huma ffukaw fuq jekk iqisux li d-dispożizzjonijiet huma adegwati u jevalwaw ir-regolament propost fir-rigward tar-responsabbiltà allokata lil atturi pubbliċi u privati differenti. Ivvalutaw ukoll il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri relatati mat-trasport marittimu, li mhuwiex kopert mill-proposta mressqa mill-Kummissjoni.

Mira klimatika għall-2040

Il-ministri għall-ambjent tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2040. L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa li tvara dibattitu politiku u tipprovdi l-informazzjoni għat-tħejjija tal-qafas ta’ politika Ewropew għall-klima għal wara l-2030.

Għal dan l-għan, il-komunikazzjoni tistabbilixxi viżjoni biex jintlaħaq l-objettiv tal-Ewropa tan-newtralità klimatika sal-2050, li tinkludi mira intermedjarja għall-2040, kif stabbilit mil-liġi tal-UE dwar il-klima. Il-Kummissjoni rrakkomandat tnaqqis nett tal-gassijiet serra (GHG) tal-UE ta’ 90% sal-2040 meta mqabbla mal-1990.

B’mod partikolari, il-ministri laqgħu l-komunikazzjoni u enfasizzaw il-ħtieġa għal mira ambizzjuża li fl-istess ħin tiżgura tranżizzjoni ġusta u sostenibbiltà kompetittiva. Huma ddiskutew kif l-UE għandha tfittex it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u xi jkunu l-kundizzjonijiet abilitanti importanti għal qafas lil hinn mill-2030. Iddiskutew ukoll liema setturi għandhom l-akbar potenzjal biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni.

Punti A u affarijiet oħra

Fil-bidu tal-laqgħa, il-ministri għall-ambjent tal-UE adottaw formalment ir-reviżjoni tar-regolament dwar il-vjeġġi ta’ skart bħala "punt A" leġiżlattiv.

Waqt l-ikla ta’ nofsinhar, il-Kummissarju Wopke Hoekstra u Prof. Patrick Willems minn KU Leuven ingħaqdu mal-ministri biex jiddiskutu r-reżiljenza tal-ilma. Id-diskussjoni informali kienet dwar l-impatti transkonfinali tat-tibdil fil-klima fuq ir-reżiljenza tal-ilma madwar l-Ewropa u l-ħtieġa li l-UE tipprovdi aktar appoġġ finanzjarju u regolatorju.

Taħt "affarijiet oħra", il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar il-progress li għaddej fuq ir-regolament dwar qafas tal-UE għall-monitoraġġ tal-foresti u dwar ir-regolament dwar ir-restawr tan-natura. 

Il-Kummissjoni ppreżentat l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tagħha tat-tmien programm ta' azzjoni ambjentali (EAP) u l-komunikazzjoni tagħha dwar il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi fl-Ewropa. Infurmat ukoll lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima.(NECPs).

Il-prijoritajiet ewlenin għall-2030 għal pjanijiet nazzjonali għall-klima u l-enerġija jinkludu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sehem minimu ta’ enerġija rinnovabbli u aktar interkonnessjoni tal-elettriku.

Pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (Infografika)

Il-presidenza rrapportat dwar avvenimenti ta’ livell għoli li organizzat u, flimkien mal-Kummissjoni, irrapportat dwar il-laqgħat internazzjonali reċenti ewlenin, inkluż:

  • l-14-il laqgħa tal-konferenza tal-partijiet għall-konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (COP 14) f’Samarkand, l-Użbekistan (12–17 ta’ Frar 2024), u
  • is-sitt sessjoni tal-assemblea ambjentali tan-NU (UNEA-6) f’Nairobi, il-Kenja (26 ta’ Frar – 1 ta’ Marzu 2024) 

Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-ministri dwar ir-ratifika ta’ diversi ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs).

Il-ministri kienu infurmati miċ-Ċekja u s-Slovakkja dwar id-"Dikjarazzjoni ta’ Djalogu Annwali ta’ Politika ta’ Karlovy Vary" u l-ħtieġa li tissaħħaħ it-tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni.

L-Awstrija infurmat lill-ministri dwar l-importanza ta’ tal-bdiewa fuq skala żgħira u n-networks tal-bdiewa għal regolament sostenibbli tal-UE dwar iż-żrieragħ, fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja dwar ir-regolament tal-UE dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti.

Id-delegazzjoni Rumena, Slovakka u dik Finlandiża infurmaw lill-ministri dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ors kannella madwar l-Ewropa.

Il-ministri kienu infurmati ukoll minn Franza, id-Danimarka u l-Iżvezja dwar proposta għal kontroll aktar strett fuq l-esportazzjonijiet ta’ skart tat-tessuti lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-kuntest tas-17-il laqgħa tal-konferenza tal-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel (COP17).

Il-Litwanja, appoġġata miċ-Ċekja, l-Estonja u l-Latvja, ippreżentat sejħa għal azzjonijiet biex jitwaqqfu l-importazzjonijiet tal-iskart mir-Russja lejn l-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025