Skip to content
  • Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 18 ta' Settembru 2025

Riżultati ewlenin

Mira klimatika għall-2040

Il-ministri għall-ambjent tal-UE kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-emenda proposta għal-liġi Ewropea dwar il-klima, li tistabbilixxi mira vinkolanti ta' tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) ta' 90% sal-2040 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Dan jirrappreżenta pass intermedju lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050.

Id-dibattitu kellu l-għan li jwieżen il-progress tan-negozjati dwar l-emenda u jipprovdi aktar gwida dwar it-triq 'il quddiem.

Minbarra li tistabbilixxi l-mira għall-2040, il-proposta tiddeskrivi elementi ewlenin, bħal flessibbiltajiet ġodda li l-Kummissjoni Ewropea għandha tirrifletti fil-proposti tagħha dwar il-qafas ta' politika għal wara l-2030 biex l-istati membri jkunu jistgħu jilħqu l-għan tal-2040.

Biex tiggwida d-diskussjonijiet, il-presidenza Daniża ħejjiet rapport ta' progress dwar is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-emenda proposta għal-liġi dwar il-klima. Ir-rapport enfasizza progress sostanzjali dwar il-kjarifika tal-flessibbiltajiet u l-emendi proposti għat-test tal-Kummissjoni, pereżempju biex jitqiesu aħjar iċ-ċirkostanzi nazzjonali u jiġi indirizzat it-tħassib relatat mal-kompetittività tal-industriji Ewropej u r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-Presidenza pproponiet ukoll it-tisħiħ tal-klawżola ta' rieżami eżistenti tal-liġi Ewropea dwar il-klima.

Wara li ħadu nota tar-rapport, il-ministri kienu involuti f'dibattitu kostruttiv fejn huma vvalutaw il-progress li sar s'issa u taw aktar gwida għall-ħidma li jmiss. Huma affermaw mill-ġdid l-importanza li tiġi stabbilita mira intermedja għall-2040 fil-mixja lejn in-newtralità klimatika. Il-ministri rrikonoxxew ukoll il-progress li sar s'issa u esprimew il-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet pendenti differenti, bħar-rwol futur tal-krediti tal-karbonju internazzjonali u l-bjar naturali tal-karbonju fil-kuntest tal-mira proposta għall-2040. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza ta' qafas ta' abilitazzjoni robust biex jappoġġa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Dikjarazzjoni ta' intenzjoni fid-dawl tal-preżentazzjoni ta' NDC

Il-ministri approvaw ukoll dikjarazzjoni ta' intenzjoni dwar il-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) tal-UE għal wara l-2030. Id-dikjarazzjoni tiddeskrivi l-intenzjoni tal-UE li tippreżenta NDC qabel il-COP30 b'mira indikattiva għall-2035 f'medda bejn is-66.25% u t-72.5% fi tnaqqis tal-emissjonijiet, abbażi tal-leġiżlazzjoni u l-miri eżistenti tal-UE dwar il-klima u l-mira proposta għall-2040 li bħalissa qed tiġi nnegozjata.

Id-dikjarazzjoni ta' intenzjoni ser tiġi kkomunikata lill-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) iżda ma tirrappreżentax l-NDC uffiċjali tal-UE. Id-dikjarazzjoni tikkomunika li l-UE tikkonferma bis-sħiħ l-impenn tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet tiegħu, u għandha l-għan li tippreżenta NDC aġġornat qabel il-COP30 (10-21 ta' Novembru 2025).

Punti oħra (punti A)

Illum il-Kunsill approva l-pożizzjoni tal-UE għan-negozjati li jmiss mal-Moldova biex jiżdied l-aċċess għas-suq għal xi esportazzjonijiet agrikoli li għadhom ma ġewx liberalizzati.

Illum il-Kunsill adotta wkoll deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit u l-Kanada, dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-istrument ta' self għad-difiża SAFE b'valur ta' €150 biljun.

Il-Kunsill adotta wkoll emendi għar-regolamenti eżistenti biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi strateġiċi attwali u emerġenti marbuta mal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-politika ta' adeżjoni tal-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 22 ta' Settembru 2025