"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 21 ta' Ottubru 2025

Riżultati ewlenin

Konferenza dwar it-tibdil fil-klima COP30

Il-ministri għall-ambjent u l-klima tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħejjijiet għall-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP30) tal-2025, li ser issir f'Belém, il-Brażil, mill-10 sal-21 ta' Novembru 2025. Il-konklużjonijiet ser iservu bħala l-pożizzjoni ġenerali ta' negozjar tal-UE waqt il-COP30.

Il-COP ta' din is-sena tfakkar l-għaxar anniversarju tal-Ftehim ta' Pariġi. Qabel il-COP30, il-partijiet huma mistennija jaqsmu l-impenji klimatiċi l-ġodda tagħhom, li ser juru jekk il-limitu tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi ta' 1.5°C għadux jista' jintlaħaq. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jissottolinja l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kooperazzjoni multilaterali dwar il-klima u jiddeskrivi l-prijoritajiet tal-UE qabel il-COP30, filwaqt li jenfasizza l-urġenza tal-azzjoni klimatika globali.

Lars Aagaard, Ministru għall-enerġija, il-klima u l-utilitajiet tad-Danimarka

Illum, l-UE għandha mandat Ewropew b'saħħtu għall-COP30. Irridu nħallu lil Belém bi triq ċara ‘l quddiem biex il-mira ta' 1.5 °C tkun tista' tintlaħaq. It-tibdil fil-klima wasal, u rridu naġixxu u nadattaw mill-aktar fis possibbli. Il-pass li jmiss huwa l-NDC tal-UE u l-Liġi dwar il-Klima, u ninsabu lesti li nkomplu wara d-diskussjoni strateġika bejn il-kapijiet ta' stat u ta' gvern Ewropej.

Lars Aagaard, Ministru għall-enerġija, il-klima u l-utilitajiet tad-Danimarka

Lars Aagaard, Ministru għall-enerġija, il-klima u l-utilitajiet tad-Danimarka

L-UE tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha li żżomm iż-żieda fit-temperatura globali taħt 1.5°C u tappella għal eżitu ddedikat fil-COP30, biex jiġi indirizzat il-livell kollettiv ta' ambizzjoni u implimentazzjoni. Il-konklużjonijiet jappellaw ukoll għal sforzi ta' adattament imsaħħa u jissottolinjaw l-importanza li jiġi mobilizzat il-finanzjament għall-klima f'konformità mal-għan kollettiv ġdid kwantifikat (NCQG) adottat fil-COP29 f'Baku minn firxa wiesgħa ta' kontributuri. Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tiġi ttriplata globalment u li r-rata annwali medja globali tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika tiġi rduppjata sal-2030, flimkien mal-aċċellerazzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet żero u baxxi, u l-eliminazzjoni gradwali tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija mill-fjuwils fossili fil-livell globali.

Strateġija għar-reżiljenza tal-ilma

Il-ministri adottaw wkoll konklużjonijiet dwar l-istrateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma, li nħarġet mill-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju 2025.

L-istrateġija għandha l-għan li tirrestawra u tħares iċ-ċiklu tal-ilma filwaqt li toħloq ekonomija sostenibbli, reżiljenti, kompetittiva u ċirkolari li tuża l-ilma b'mod intelliġenti, u tiżgura aċċess għal ilma sikur u affordabbli. L-istrateġija tistabbilixxi perkors biex l-Ewropa ssir reżiljenti fil-qasam tal-ilma, inkluż l-indirizzar tal-iskarsezza tal-ilma permezz ta' żieda fl-effiċjenza tal-ilma.

Magnus Heunicke, Ministru għall-ambjent u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tad-Danimarka

Ir-riżorsi tal-ilma u tal-oċeani tal-Ewropa jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar mit-tniġġis, mill-iskart u mit-tibdil fil-klima. Bħala l-kontinent li qed jisħon l-aktar malajr, l-Ewropa qed tiffaċċa aktar nixfiet, għargħar u skarsezza tal-ilma minn qatt qabel. Dawn l-isfidi ma jafux fruntieri — jirrikjedu azzjoni Ewropea b'saħħitha u magħquda. Bil-progress li għamilna llum fl-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-Patt dwar l-Oċeani, qed inżidu l-isforzi konġunti biex inħarsu l-ilma ħelu u l-oċeani tagħna permezz ta' approċċ aktar koordinat u olistiku li jissalvagwarda l-klima, il-bijodiversità u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Magnus Heunicke, Ministru għall-ambjent u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tad-Danimarka

Magnus Heunicke, Ministru għall-ambjent u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tad-Danimarka

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill laqa' l-istrateġija, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi restawrat u mħares iċ-ċiklu tal-ilma, tissaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma u jiġi żgurat aċċess ekwu għall-ilma. Il-ministri enfasizzaw l-importanza tar-reżiljenza tal-ilma fis-setturi kollha, l-innovazzjoni, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-koordinazzjoni. Huma jenfasizzaw l-urġenza li jiġu indirizzati s-sustanzi niġġiesa fis-sors biex jiġi ssalvagwardat l-ilma Ewropew.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw ukoll ir-rwol strateġiku tas-sigurtà tal-ilma għall-kompetittività, it-tħejjija għall-kriżijiet u l-kooperazzjoni globali tal-UE. Il-Kunsill enfasizza l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat u aċċessibbli għall-implimentazzjoni tal-aġenda dwar ir-reżiljenza tal-ilma.

Patt Ewropew għall-oċeani

Il-ministri għall-ambjent kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-patt Ewropew għall-oċeani, inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni Ewropea biex tissaħħaħ il-politika tal-UE dwar l-oċeani f'sitt oqsma ta' prijorità, mir-restawr tas-saħħa tal-baħar u t-tisħiħ tal-ekonomija blu għall-appoġġ tal-komunitajiet kostali u t-tisħiħ tas-sigurtà marittima.

Il-ministri ssottolinjaw il-ħtieġa ta' azzjoni aktar b'saħħitha u aktar koerenti għall-ħarsien u r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar. Huma laqgħu l-approċċ olistiku tal-patt li jorbot is-saħħa tal-oċeani, l-ekonomija blu u l-komunitajiet kostali, u enfasizzaw l-importanza li l-leġiżlazzjoni u l-oqfsa ta' governanza eżistenti tal-UE jiġu allinjati.

Ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) intlaqgħet b'appoġġ ġenerali u ġiet identifikata bħala opportunità ewlenija biex jitħaffef il-progress lejn il-kisba ta' status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar tal-UE. Il-ministri nnutaw il-ħtieġa ta' implimentazzjoni aktar koerenti tad-direttiva u sostnew li għandu jkun hemm ċikli ta' rappurtar simplifikati biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, kif ukoll allinjament aħjar ma' politiki oħra tal-UE u integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima. Il-ministri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta' finanzjament iddedikat, li t-tniġġis jiġi indirizzat aħjar fis-sors u ta' ġestjoni aħjar taż-żoni marini.

Affarijiet oħra

Il-presidenza Daniża u l-Kummissjoni Ewropea infurmaw lill-ministri dwar tliet laqgħat internazzjonali reċenti:

  • it-tkomplija tat-tielet sessjoni tal-grupp ta' ħidma miftuħ ad hoc dwar panel ta' politika xjentifika (SPP OEWG 3.2) u laqgħa intergovernattiva sussegwenti (SPP IM) dwar il-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u l-iskart
  • il-15-ilkonferenza tal-partijiet kontraenti (COP15) għall-konvenzjoni ta' Ramsar dwar l-artijiet mistagħdra
  • it-tieni parti tal-ħames sessjoni tal-kumitat intergovernattiv ta' negozjar (INC-5.2) biex jiġi żviluppat strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis mill-plastik

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport annwali tagħha dwar is-simplifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar.

Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lill-ministri b'informazzjoni dwar:

  • il-proposta reċenti biex jiġi rieżaminat ir-regolament tal-UE dwar id-deforestazzjoni (EUDR)
  • il-pakkett ta' proposti li jmiss għas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq u l-fjuwils tal-bini (ETS2)

Ċipru informa lill-ministri dwar l-inizjattivi u l-għodod differenti li żviluppa biex isaħħaħ l-ekonomija ċirkolari fil-pajjiż u jiffaċilita l-implimentazzjoni tagħha.

Il-Litwanja u stati membri oħra infurmaw lill-ministri dwar dokument informali rigward il-flotta mistura u t-theddid urġenti tagħha għall-ambjent tal-baħar.

Il-ministri semgħu liċ-Ċekja, appoġġata minn stati membri oħra, dwar l-aġenda ambjentali fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028–2034.

L-Iżvezja infurmat lill-ministri u lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-qafas REACH dwar is-sustanzi kimiċi.

Franza u Spanja infurmaw ukoll lill-ministri dwar l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi ħfief, filwaqt li enfasizzaw b'mod partikolari li t-twettiq tal-mira fir-rigward tal-vetturi b'emissjonijiet żero sal-2035 hija essenzjali biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Il-ministri kellhom ikla ta' nofsinhar informali dwar it-tħejjijiet għal negozjati ambjentali internazzjonali fis-seba' sessjoni li jmiss tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent (UNEA-7) f'Diċembru 2025 f'Nairobi, il-Kenja, u l-proċess tal-kumitat intergovernattiv ta' negozjar (INC) dwar it-tniġġis mill-plastik.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Ottubru 2025