Skip to content
  • Grupp tal-Euro

Grupp tal-Euro, 07/07/2014, 7 ta' Lulju 2014

Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar it-tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol 

Il-Grupp tal-Euro huwa kommess b'mod sħiħ favur l-aġenda tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi. Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) taż-Żona tal-Euro fil-kuntest tas-Semestru Ewropew juru b'mod ċar liema oqsma tar-riforma huma l-aktar urġenti sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. Biħsiebna niddiskutu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u s-segwitu tagħhom f'kull waħda mil-laqgħat li jmiss tal-Grupp tal-Euro.  Oqsma tar-riforma li fix-xhur li ġejjin ser jidhru b'mod prominenti fuq l-aġenda tal-Grupp tal-Euro jinkludu s-swieq tax-xogħol u s-servizzi.

Bħala l-ewwel pass, iddiskutejna l-pjanijiet u l-esperjenzi rigward it-tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol, qasam indirizzat b'mod espliċitu fir-rakkomandazzjonijiet politiċi speċifiċi għal bosta stati membri u ż-żona tal-euro bħala entità waħda.

Il-porzjon ta' taxxa hija kwistjoni importanti għaż-żona tal-euro minħabba li l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol fl-istati membri taż-żona tal-euro hija fost l-ogħla fid-dinja. Piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol huwa impediment għall-objettiv tal-appoġġ għall-attività ekonomika u taż-żieda fl-impjiegi. Fiż-żona tal-euro, hemm 11-il stat membru li b'mod partikolari qegħdin jiffaċċjaw sfidi fir-rigward ta' piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol, b'mod partikolari fuq ħaddiema b'paga baxxa. Kif rifless fis-CSRs, dawn l-istati membri huma: l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u Spanja.

Waqt li diversi stati membri wettqu - jew qegħdin fil-proċess li jwettqu - riformi biex jindirizzaw il-porzjon għoli ta' taxxa fuq ix-xogħol, il-Grupp tal-Euro huwa konxju li jinħtieġu aktar sforzi. Nagħrfu wkoll li, għalkemm l-isfidi ewlenin fost l-istati membri huma komparabbli, jeħtieġ li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiżi.

Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro ssottolinja li jinħtieġ li t-tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa jiġi kkumpensat, waqt li jittieħed kont tal-marġini ta' flessibbiltà fiskali tal-istati membri, fir-rispett tal-miri fiskali. Dan jista' jintlaħaq, preferibbilment, permezz ta' tnaqqis fin-nefqa, jew permezz ta' spostament lejn taxxi mingħajr effett fuq id-dħul, minn fuq ix-xogħol lejn sorsi ta' dħul li huma anqas ta' detriment għat-tkabbir bħal ma huma taxxi fuq il-konsum, taxxi rikorrenti fuq il-propjetà u/jew taxxi ambjentali.

Fuq dan l-isfond, il-Grupp tal-Euro jafferma mill-ġdid li t-tnaqqis fil-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol hija prijorità politika ċara. Il-ministri huma determinati li jmexxu 'l quddiem din il-ħidma, waqt li jżommu fis-seħħ l-istrateġija maqbula ta' konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir.

Il-Grupp tal-Euro jaqbel li approċċ ikkordinat għall-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika, ser jipprovdi spinta biex jitkomplew ir-riformi fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-laqgħa tiegħu ta' Settembru, il-Grupp tal-Euro biħsiebu jkollu diskussjoni dwar il-prinċipji komuni għall-implimentazzjoni tar-riformi abbażi tal-aħjar prattika identifikata mill-Kummissjoni. Il-Grupp tal-Euro ser jevalwa wkoll il-pjanijiet ta' tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa u riformi strutturali oħrajn, u l-progress fl-implimentazzjoni tagħhom, kif meħtieġ, meta jiddiskuti l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-istati membri fil-ħarifa. Il-Grupp tal-Euro ser isegwi din il-kwistjoni kmieni fir-rebbiegħa tal-2015 u ser iwettaq valutazzjoni ex-post tal-implimentazzjoni tar-riformi bil-għan li titnaqqas il-porzjon ta' taxxa, abbażi ta' analiżi mill-Kummissjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

  • Johannes Kleis Spokesperson for Eurogroup President

  • +32 478 83 26 64
  • +32 2 281 75 32

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Grupp tal-Euro

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025