Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 13 u 14 ta' Mejju 2024

Riżultati prinċipali

It-Tlieta 14 ta' Mejju

Kultura/Awdjoviżiv

Appoġġ għall-influwenzaturi bħala ħallieqa ta' kontenut online 

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jindirizzaw il-preżenza dejjem akbar ta' influwenzaturi bħala parti mill-ekosistema tal-media tal-UE. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-impatt, kemm pożittiv kif ukoll potenzjalment dannuż, tal-influwenzaturi fuq il-kontenut u l-informazzjoni online li l-Ewropej jikkunsmaw, u jressqu għadd ta' suġġerimenti bil-għan li jitrawmu l-litteriżmu medjatiku u diġitali u l-imġiba responsabbli fost l-influwenzaturi, inkluż il-minorenni (magħrufa bħala "kidfluencers").

L-Ewropej qed iqattgħu aktar ħin online, li jfisser li l-influwenzaturi li joħolqu kontenut għall-media soċjali għandhom impatt akbar minn qatt qabel fuq il-mod kif nipperċepixxu u nifhmu d-dinja. Sabiex jiġi żgurat li dan l-impatt ikun pożittiv, l-UE trid tipprovdi appoġġ lill-influwenzaturi, billi tippermettilhom jibnu l-litteriżmu medjatiku tagħhom u jżidu l-għarfien u l-apprezzament tagħhom tar-regoli li jirregolaw l-azzjonijiet tagħhom online.

Benjamin Dalle, Ministru Fjamming għal Brussell, iż-Żgħażagħ, il-Media u t-Tnaqqis tal-Faqar

L-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar modi kif tingħata s-setgħa lis-setturi kulturali u kreattivi permezz tal-iżvilupp tal-udjenza mmexxi mid-data. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw approċċi mmexxija mid-data għall-iżvilupp tal-udjenza, inkluż permezz ta': 

  • it-trawwim tal-ħiliet neċessarji fis-setturi kulturali u kreattivi
  • il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki kemm fis-setturi rilevanti kif ukoll bejniethom
  • l-iżvilupp ta' qafas ta' politika xieraq

Niżguraw li s-setturi kulturali u kreattivi jibqgħu validi fil-futur fl-era tal-IA

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-impatt futur potenzjali tal-IA fuq is-setturi kulturali u kreattivi. Ippreżentaw l-approċċi użati mill-gvernijiet tagħhom biex jappoġġaw is-setturi kulturali u kreattivi fl-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji tal-IA u rriflettew fuq it-tagħlimiet meħuda. B'mod partikolari, enfasizzaw xi wħud mill-opportunitajiet ippreżentati mill-IA, bħall-espansjoni tal-aċċess għall-kultura u l-ilħuq ta' udjenzi ġodda, kif ukoll il-preservazzjoni tal-wirt kulturali. 

Madankollu, huma ġibdu l-attenzjoni wkoll għal xi wħud mir-riskji involuti fl-użu tal-IA, b'mod partikolari f'termini ta' rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-dimensjoni etika, u l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn ix-xogħol maħluq mill-bniedem u dak prodott mill-IA. Qiesu wkoll kif il-politika u l-programmi tal-UE jistgħu jgħinu lil dawn is-setturi jifhmu l-potenzjal tal-IA, filwaqt li jippreservaw id-dimensjoni umana tal-kultura u l-kreattività.

Id-diskussjoni tal-lum ma setgħetx issir f'mument aktar rilevanti. Il-progress teknoloġiku qed jibdel ix-xenarju kulturali u kreattiv tal-UE b'rata sorprendenti – għall-aħjar, iżda wkoll potenzjalment għall-agħar. Jeħtieġ li niżviluppaw kemm leġiżlazzjoni xierqa kif ukoll il-kapaċitajiet diġitali tas-setturi kulturali u kreattivi tagħna jekk irridu nirreaġixxu malajr u b'mod effettiv għall-isfidi u l-opportunitajiet li tippreżenta l-IA.

Jan Jambon, Ministru-President tal-Gvern Fjamming

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • Għażla ta' Bourges bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2029 – (informazzjoni mid-delegazzjoni Franċiża)
  • Konferenza dwar il-Konvenzjoni ta' The Hague għall-Ħarsien tal-Beni Kulturali f' Każ ta' Konflitt Armat, 13-15 ta' Mejju 2024 (informazzjoni mid-delegazzjoni Netherlandiża)
  • Konferenza Internazzjonali "Lejn l-irkupru tas-settur kulturali Ukren", 6-7 ta' Ġunju 2024 f'Vilnius, il-Litwanja (informazzjoni mid-delegazzjoni Litwana)
  • Il-futur tal-politika kulturali tal-UE (informazzjoni mid-delegazzjoni Ġermaniża)
  • Applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq il-pjattaformi ta' streaming u video-sharing – responsabbiltà kollettiva (informazzjoni mid-delegazzjoni Estonjana, Litwana u dik Latvjana)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-delegazzjoni Ungeriża)

Sport

Sport awtoorganizzat

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar il-kontribut tal-isport awtoorganizzat għall-appoġġ ta' stili ta' ħajja attivi u tajbin għas-saħħa fost l-Ewropej. Il-konklużjonijiet jinkoraġġixxu lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw politiki li jrawmu l-prattika tal-isport awtoorganizzat, inkluż f'oqsma li m'għandhomx biżżejjed faċilitajiet sportivi, kif ukoll biex iħeġġu lill-Ewropej, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp ta' infrastruttura xierqa, biex jinvolvu ruħhom fi sport awtoorganizzat. 

Il-benefiċċji tal-eżerċizzju fiżiku huma rikonoxxuti b'mod wiesa', iżda ħafna ċittadini tal-UE sikwit ikunu impenjati wisq biex jieħdu sehem f'attivitajiet sportivi formali. L-isport awtoorganizzat jipprovdi mod aktar flessibbli kif iċ-ċittadini jsegwu stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa; għaldaqstant għandu jiġi appoġġat u mħeġġeġ minn miżuri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

Pierre-Yves Jeholet, Ministru-President tal-Komunità Franċiża tal-Belġju

Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport

Il-ministri approvaw riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport, li ser japplika minn Lulju 2024 sa Diċembru 2027. Il-pjan ser jiffoka fuq tliet prijoritajiet ewlenin: 

  • l-integrità u l-valuri fl-isport
  • id-dimensjoni soċjoekonomika u dik sostenibbli tal-isport
  • il-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa

Ir-rwol tal-voluntieri fl-isport Ewropew

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-rwol tal-voluntiera fl-isport Ewropew. Matul id-diskussjoni, ippreżentaw il-miżuri użati f'pajjiżhom biex jinkoraġġixxu l-volontarjat fil-qasam tal-isport, kif ukoll l-ostakli li jipprevjenu lin-nies milli jwettqu l-volontarjat fl-isport fil-livell nazzjonali u dak tal-UE. Iddiskutew ukoll modi biex jagħtu s-setgħa lil dawk il-gruppi li statistikament huma inqas probabbli li jivvolontarjaw fl-isport, inkluż l-anzjani, in-nisa u dawk minn ambjenti tal-klassi tal-ħaddiema.

Is-suġġerimenti inkludew l-użu ta' finanzjament u programmi rilevanti tal-UE, bħall-Erasmus+ jew il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-kontribut tal-voluntiera fl-isport permezz ta' premjijiet jew ċertifikati li jistgħu jivvalorizzaw il-ħiliet u l-ħidma tagħhom. Xi Stati Membri ġibdu l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġu żgurati monitoraġġ effettiv u standards għoljin ta' sikurezza għall-voluntiera.

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • Il-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fuq is-settur sportiv Ukren (informazzjoni mill-presidenza)
  • Id-dimensjoni Ewropea tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta' Pariġi 2024 (informazzjoni mid-delegazzjoni Franċiża)
  • Id-dimensjoni Ewropea tal-kampjonat Ewropew tal-futbol tal-2024 fil-Ġermanja (informazzjoni mid-delegazzjoni Ġermaniża)
  • L-involviment tal-istati membri mal-kodiċi dinji kontra d-doping (informazzjoni mid-delegazzjoni Netherlandiża)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-delegazzjoni Ungeriża)

Diskussjoni Informali

Qabel il-bidu tal-laqgħa nhar it-Tnejn, il-ministri għaż-żgħażagħ ħadu sehem f'laqgħa informali waqt il-kolazzjon bit-titlu Inressqu l-Ewropa eqreb lejn iż-żgħażagħ: is-saħħa ta'parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fil-qafas tal-elezzjonijiet Ewropej u lil hinn

Nhar it-Tnejn, waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri għall-edukazzjoni kellhom diskussjoni informali, li s-suġġett tagħha kien: Il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: diskussjoni prospettiva dwar kif jista' jingħeleb in-nuqqas ta' għalliema.

It-Tlieta filgħodu, il-ministri għall-kultura u l-awdjoviżiv kellhom diskussjoni informali waqt il-kolazzjon bit-titlu Investiment sostenibbli fl-ekosistema awdjoviżiva Ewropea fid-dawl tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

It-Tlieta, il-ministri għall-isport ħadu sehem f'ikla informali biex jiddiskutu s-suġġett Post in-nisa fl-isport.


It-Tnejn 13 ta' Mejju

Żgħażagħ

Soċjetajiet inklużivi għaż-żgħażagħ

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar soċjetajiet inklużivi għaż-żgħażagħ, li jistabbilixxu miżuri mmirati għall-promozzjoni tal-ekwità, l-inklużjoni u l-appoġġ għaż-żgħażagħ fl-Ewropa, b'mod partikolari dawk b'inqas opportunitajiet.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jirrikonoxxi l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ u l-importanza li jiġu ffaċilitati l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni tagħhom fil-komunitajiet tagħhom u fil-ħajja demokratika. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jittejbu l-benesseri mentali u l-kundizzjonijiet tal-għajxien għaż-żgħażagħ kollha. Dan jista' jsir permezz ta' miżuri inklużivi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ kollha fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-ispazji li jikkonċernawhom, speċjalment permezz tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

Aġendi politiċi fil-qasam tat-tfal, iż-żgħażagħ u d-drittijiet tat-tfal

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-aġendi politiċi Ewropej u internazzjonali fil-qasam tat-tfal, iż-żgħażagħ u d-drittijiet tat-tfal.

Il-konklużjonijiet jappellaw lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiffaċilitaw tranżizzjoni bla xkiel mit-tfulija għall-ħajja adulta, speċjalment għaż-żgħażagħ f'pożizzjoni soċjetali vulnerabbli, u biex itejbu l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni, l-informazzjoni u l-iskambju bejn il-politiki, l-oqsma ta' politika u l-livelli rilevanti.

It-test jistieden lill-istati membri jikkunsidraw li jiżviluppaw jew jelaboraw fuq strateġiji nazzjonali eżistenti jew politiki kkoordinati għad-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li jiżguraw koerenza politika bejn it-tfal, id-drittijiet tat-tfal, u l-affarijiet taż-żgħażagħ biex jikkoordinaw il-ħtiġijiet relatati mal-età.

Il-Legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li damet għaddejja mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2022. Il-konklużjonijiet jirrikonoxxu l-kisbiet tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ fl-istabbiliment ta' perspettiva b'saħħitha taż-żgħażagħ u fil-ħidma fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki rilevanti kollha tal-UE. Jappellaw lill-Kummissjoni biex tibni fuq dan il-momentum, inkluż billi ssaħħaħ il-mekkaniżmi ewlenin bħad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, u l-pjattaforma proposta tal-partijiet ikkonċernati taż-żgħażagħ.

Il-politika dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ f' Ewropa li tagħti s-setgħa

Il-Kunsill approva riżoluzzjoni li tindirizza r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-appoġġ għaż-żgħażagħ sabiex isiru aktar awtonomi fi ħdan realtajiet ġodda. Ir-riżoluzzjoni tappella lill-istati membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-prattika ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, kif ukoll politika ta' kwalità f' dan il-qasam, fil-livell tal-UE, nazzjonali u dak lokali, inkluż permezz ta' politiki komprensivi dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ, approċċi axxendenti u taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, u billi jiżguraw ambjenti favorevoli u aċċess ugwali għall-ħidma fost iż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ kollha.

Segwitu għall-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2024

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-segwitu tal-eżiti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, li saret mit-2 sal-5 ta' Marzu 2024 f'Ghent u ffukat fuq soċjetajiet inklużivi. Matul id-dibattitu, il-ministri rriflettew dwar modi kif jissaħħu l-monitoraġġ u l-feedback dwar l-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ f'livell politiku biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taż-żgħażagħ. Iddiskutew ukoll il-miżuri ta' implimentazzjoni li jistgħu jintużaw biex jitrawmu soċjetajiet inklużivi għaż-żgħażagħ f' pajjiżhom.

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • Appoġġ għaż-żgħażagħ Ukreni (informazzjoni mill-presidenza)
  • Eżitu tad-diskussjoni li saret fil-laqgħa informali waqt il-kolazzjon tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (informazzjoni mill-presidenza)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-delegazzjoni Ungeriża)

Edukazzjoni

Opportunitajiet ta' mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni bit-titlu "Ewropa Attiva" – opportunitajiet ta' mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd. Ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ lil aktar nies jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet biex jistudjaw u jitgħallmu barra minn pajjiżhom u twessa' l-qafas tal-UE għall-mobbiltà tal-apprendiment biex jinkludi studenti ta' kull età, inkluż għalliema u apprendisti.

Il-mobbiltà ilha fil-qalba tal-proġett tal-UE. It-tagħlim barra mill-pajjiż jista' jipprovdi ħiliet siewja u sens aktar b'saħħtu tal-valuri komuni tal-UE. Ir-rakkomandazzjoni tal-lum ser tgħin biex jitwessgħu l-opportunitajiet sabiex kulħadd ikun jista' jieħu vantaġġ mill-benefiċċji enormi li jirriżultaw mit-tagħlim, l-istudju jew it-taħriġ barra minn art twelidu.

Caroline Désir, Ministru għall-Edukazzjoni, Komunità Franċiża tal-Belġju

L-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-rwol tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b'enfasi fuq tliet oqsma ewlenin:

  • kif is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jitħejjew għall-isfidi li ġġib magħha l-IA filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-opportunitajiet li għandha x'toffri l-IA
  • kemm l-IA diġà qed ikollha impatt fuq is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ
  • il-miżuri li jistgħu jittieħdu fil-livell Ewropew, f'konsultazzjoni mal-istati membri, biex isir l-aħjar użu mill-IA fl-edukazzjoni u t-taħriġ filwaqt li tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd

Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġu sfruttati l-benefiċċji offruti mill-IA, li jistgħu jipprovdu esperjenza ta' tagħlim aktar personalizzata, u ppreżentaw miżuri li kienu introduċew fil-livell nazzjonali. Saħqu dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali tal-istudenti u li jissaħħu r-rwol u l-kompetenzi tal-għalliema.

Il-Kunsill ġibed ukoll l-attenzjoni għar-riskji potenzjali ppreżentati minn din l-era teknoloġika ġdida u appella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi approċċ komuni għall-UE kollha għall-użu tal-IA fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Politika u prattiki bbażati fuq l-evidenza infurmata fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-ministri approvaw konklużjonijiet li jidentifikaw għadd ta' oqsma ta' prijorità ewlenin għall-promozzjoni ta' politika u prattiki bbażati fuq l-evidenza infurmata fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bil-ħsieb li tintlaħaq iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Affarijiet oħra

Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":

  • Lawrja Ewropea (informazzjoni mill-Kummissjoni)
  • Il-promozzjoni ta' kultura tal-istat tad-dritt permezz tal-edukazzjoni (informazzjoni mill-Kummissjoni)
  • Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mid-delegazzjoni Ungeriża)

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025