"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 15 u 16 ta' Mejju 2023
Riżultati ewlenin
Żgħażagħ u Sport (it-Tnejn 15 ta' Mejju)
Il-ministri għaż-żgħażagħ u l-isport iltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ fl-Ewropa u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f'avvenimenti sportivi internazzjonali. Huma approvaw ukoll konklużjonijiet dwar id-dimensjoni soċjali ta' Ewropa sostenibbli għaż-żgħażagħ, kif ukoll riżoluzzjonijiet dwar l-eżiti tad-disa' ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (EUYD), ir-reviżjoni tal-pjan ta' ħidma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2022-2024, u r-rappreżentanza tal-istati membri tal-UE fl-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA).
Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f'avvenimenti sportivi internazzjonali
Il-ministri għall-isport iddiskutew il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi internazzjonali kbar. Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa ta' governanza tajba fl-isport u ddiskutew modi kif jissaħħu t-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-assenjazzjoni u t-tmexxija ta' avvenimenti sportivi internazzjonali, kif ukoll fl-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali oħra, f'konformità mal-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti. Ħafna ministri enfasizzaw l-azzjonijiet li qed jittieħdu f'pajjiżhom stess biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jiġġieldu d-diskriminazzjoni b'mod usa', inkluż billi jappoġġaw lill-atleti nisa u LGBT.
L-avvenimenti sportivi internazzjonali għandhom jirrappreżentaw l-aħjar valuri tal-bniedem: l-integrità, ir-rispett reċiproku, is-sens ta' komunità u l-fair play. Irridu niġġieldu akkost ta' kollox kwalunkwe attakk fuq dawn il-prinċipji, kemm jekk fil-forma ta' korruzzjoni, doping illegali, użu qarrieqi tal-isport għal finijiet propagandistiċi (sportwashing) jew il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Jakob Forssmed, Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika tal-Iżvezja
Matul id-diskussjoni, il-ministri ġibdu l-attenzjoni għar-raba' stqarrija ppubblikata reċentement indirizzata lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, li tiddikjara li r-Russja ma għandhiex titħalla tuża l-isport biex tilleġittimizza l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna. Għadd ta' ministri tkellmu biex jesprimu solidarjetà mal-Ukrajna u jenfasizzaw l-oppożizzjoni qawwija tagħhom għall-parteċipazzjoni tal-atleti Russi u Belarussi f'avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin bħal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku li jmiss f'Pariġi. Il-Viċi Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport tal-Ukrajna, Andriy Chesnokov, u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Ewropa tal-EPAS u l-Kap tad-Diviżjoni tal-Isport, Sophie Kwasny, ħadu sehem fid-diskussjoni.
Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi promossa l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetajiet tal-UE, b'enfasi fuq iż-żgħażagħ Ukreni. Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar modi kif tiġi indirizzata l-eteroġeneità taż-"żgħażagħ" bħala grupp, meta jiġu fformulati politiki li jaffettwawhom. Huma enfasizzaw ħafna mill-isfidi li qed jiffaċċaw iż-żgħażagħ illum u ddiskutew modi biex jgħinuhom jegħlbu dawn l-ostakli, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, filwaqt li enfasizzaw ukoll l-importanza tal-programmi tal-UE bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Huma qasmu wkoll il-miżuri li diġà ttieħdu f'pajjiżhom biex jappoġġaw liż-żgħażagħ, inkluż żgħażagħ Ukreni li huma spostati temporanjament.
Il-Viċi Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport tal-Ukrajna, Andriy Chesnokov, ħa sehem fid-diskussjoni. Is-Sur Chesnokov innota li madwar 40% taż-żgħażagħ Ukreni bħalissa huma spostati, b'ħafna minnhom attwalment jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-UE, u ddeskriva l-prijoritajiet tal-Ukrajna għall-kooperazzjoni mal-UE dwar il-politika taż-żgħażagħ. Il-Kunsill sema' wkoll messaġġi minn xi wħud mid-delegati li ħadu sehem fil-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Växjö mill-20 sat-22 ta' Marzu.
Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar id-dimensjoni soċjali ta' Ewropa sostenibbli għaż-żgħażagħ, fejn argumentaw li l-UE għandha taħdem aktar biex tinvolvi liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' politika għal futur sostenibbli u enfasizzaw ir-rwol tagħhom bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Fis-sessjoni taż-żgħażagħ, il-ministri approvaw riżoluzzjoni biex jiżguraw li l-eżiti tad-disa' ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jiġu rikonoxxuti u segwiti mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Huma approvaw ukoll riżoluzzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2022-2024.
Il-ministri għall-isport approvaw riżoluzzjoni li tirrieżamina r-rappreżentanza tal-istati membri tal-UE fl-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA) u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-WADA. L-għan tar-rieżami huwa li jiffaċilita l-proċess tal-ħatra u s-sostituzzjoni tar-rappreżentanti tal-UE fil-laqgħat tal-WADA. B'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill taġġorna l-proċedura għall-għażla tar-rappreżentanti tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA.
Għadd ta' punti ġew diskussi taħt "affarijiet oħra", inkluż l-eżitu tad-diskussjoni waqt il-kolazzjon informali tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, il-Konvenzjoni ta' Macolin, u d-dimensjoni Ewropea tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2024.
Il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Kultura, awdjoviżiv u edukazzjoni (it-Tlieta 16 ta' Mejju)
Nhar it-Tlieta l-Kunsill tefa' l-attenzjoni tiegħu fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kultura, il-media u l-edukazzjoni. Is-sessjoni ta' filgħodu kienet iddedikata għal diskussjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, filwaqt li waranofsinhar l-enfasi tmexxiet għal fuq l-importanza tal-qari għall-inklużjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja. Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar artisti f'riskju u spostati u r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll riżoluzzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: Inħarsu lejn l-2025 u lil hinn.
L-importanza tal-qari
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-importanza tal-qari għat-tagħlim, l-ekwità u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Huma rrikonoxxew ir-rwol kritiku li l-qari għandu f'ħafna aspetti tal-ħajja, fosthom l-edukazzjoni, ix-xogħol, u l-integrazzjoni fis-soċjetà, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq il-kwalità tal-ħajja. Enfasizzaw ukoll li l-qari huwa fattur ewlieni għall-kisba ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni inklużiva sal-2025.
Għadd ta' ministri tkellmu biex jippreżentaw il-miżuri li qed jittieħdu f'pajjiżhom biex jinkoraġġixxu lit-tfal u liż-żgħażagħ jaqraw. Dawn inkludew it-trawwim ta' mħabba fil-qari minn età bikrija, aċċess iggarantit għal-libreriji, u l-attenzjoni fuq it-taħriġ tal-għalliema. Huma ħadu nota wkoll tal-isfidi ppreżentati minn aspetti bħat-tranżizzjoni diġitali u l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-kotba fiżiċi, il-kwistjoni tad-differenzi bejn il-ġeneri fil-ħiliet fil-qari u l-isfidi speċifiċi għat-tfal li ġejjin minn kuntesti ta' migrazzjoni.
Meta t-tfal jibdew jaqraw, jinfetħu l-bibien tal-univers kollu għalihom. Jekk innisslu l-imħabba għall-qari minn età bikrija, inkunu qed inħawlu żerriegħa li tagħti l-frott aktar tard meta dawk it-tfal isiru ċittadini attivi li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom.
Lotta Edholm, Ministru għall-Iskejjel tal-Iżvezja
Qabel ma bdiet id-diskussjoni, il-Kunsill stieden lil Dr Dirk Hastedt, direttur eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi, biex jippreżenta r-riżultati tal-Istudju tal-2021 dwar il-Progress fil-Qari Internazzjonali (PIRLS), u għadd ta' stati membri ħadu l-opportunità biex jirriflettu dwar is-sejbiet ta' dan l-istudju.
Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA) propost abbażi ta' rapport ta' progress u nota ta' spjegazzjoni mħejjija mill-presidenza. Il-ministri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar il-partijiet tal-proposta li huma qiesu bħala kruċjali biex jissaħħaħ is-settur tal-media u l-ġurnalisti jiġu megħjuna jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b'mod indipendenti. Dawn inkludew il-ħarsien tal-indipendenza tal-bord Ewropew propost għas-servizzi tal-media, b'kont meħud tal-bidla mgħaġġla fis-settur diġitali, u l-garanzija li s-sorsi tal-ġurnalisti jkunu protetti.
Għadd ta' stati membri indirizzaw ir-rabtiet bejn il-proposta tal-EMFA u strumenti u leġiżlazzjoni oħra tal-UE, inkluż il-qafas regolatorju l-ġdid għas-swieq u s-servizzi diġitali u d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-istat tad-dritt. Il-ministri ddiskutew ukoll kwistjonijiet ewlenin li għad iridu jiġu solvuti qabel ma jkun jista' jintlaħaq qbil ġenerali fil-Kunsill, inkluż il-bilanċ bejn ir-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali u l-ħtieġa li jiġu protetti l-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom, sabiex jiġu riflessi aħjar l-ispeċifiċitajiet tal-istati membri, u jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv eċċessiv.
Għadd ta' ministri tkellmu biex jenfasizzaw iż-żamma tal-impenn tagħhom li jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-media u jiżguraw il-protezzjoni tal-ġurnalisti bħala parti minn soċjetà demokratika li tiffunzjona tajjeb.
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar artisti f'riskju u spostati, li fihom jieħu nota tar-rwol kruċjali li l-artisti għandhom fil-ħajja, l-iżvilupp u r-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-individwi, u jargumenta li għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li jippreservaw ukoll il-kreattività u l-libertà tal-espressjoni tagħhom. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li dawn l-artisti jiġu protetti u appoġġati kontra kwalunkwe forma ta' theddid jew ksur li jqegħduhom fil-periklu bħala riżultat tax-xogħol artistiku tagħhom. Eżempji ta' miżuri li jistgħu jittieħdu biex l-artisti jiġi protetti jinkludu "bliet ta' rifuġju", residenzi artistiċi ta' emerġenza, u sforzi biex tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali.
Il-ministri approvaw riżoluzzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: Inħarsu lejn l-2025 u lil hinn. Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill twieġeb għar-rapport ta' progress ippubblikat mill-Kummissjoni f'Novembru 2022. Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar passi ulterjuri biex ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ isir realtà. Il-konklużjonijiet jevalwaw is-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni u jipproponu numru ta' passi li jgħinu biex ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ isir realtà. Huma jenfasizzaw li l-kisba ta' dan ir-rikonoxximent tiddependi fuq il-ħidma flimkien tal-istati membri biex irawmu l-fiduċja reċiproka u t-trasparenza.
Għadd ta' punti ġew diskussi taħt "affarijiet oħra", inkluż l-appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi Ukreni, il-libreriji pubbliċi u r-refuġjati Ukreni, u n-nomina ta' Évora bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2027 (għal lista sħiħa ta' punti taħt "affarijiet oħra", ara n-nota ta' informazzjoni).
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.