"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (Edukazzjoni u Żgħażagħ), 25 ta' Novembru 2024
Riżultati ewlenin
Żgħażagħ
Opportunitajiet glokali għaż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali u remoti
Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jappellaw għal appoġġ akbar għaż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali u remoti – b'mod partikolari billi jittejjeb l-aċċess għal opportunitajiet "glokali" fl-edukazzjoni u l-impjiegi – bħala mod kif jiġu miġġielda l-isfidi demografiċi fl-Ewropa. "Glokali" f'dan il-kuntest tirreferi għall-kapaċità li wieħed jaħseb globalment u jaġixxi lokalment.
Iż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa għandu jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni, taħriġ u opportunitajiet ta' xogħol ta' kwalità, iżda ħafna drabi dawk li jgħixu f'żoni rurali u remoti jitħallew jibqgħu lura. Il-konklużjonijiet tal-lum jenfasizzaw l-isfidi ffaċċjati miż-żgħażagħ rurali u jappellaw lill-istati membri u lill-Kummissjoni biex irawmu opportunitajiet "glokali" għaż-żgħażagħ biex jiżguraw li jkollhom possibbiltajiet ugwali lokalment.
Balázs Hankó, Ministru Ungeriż għall-Kultura u l-Innovazzjoni
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ix-xejriet demografiċi li qed jevolvu li jsawru l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ rurali. Id-diskussjoni ffukat fuq l-impatt tal-popolazzjoni li qed tixjieħ fuq in-nuqqas ta' ħaddiema, il-kompetittività u r-reżiljenza, kif ukoll il-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali.
L-interventi tal-ministri ffukaw fuq tliet oqsma: ix-xejriet demografiċi li l-aktar jaffettwaw liż-żgħażagħ f'żoni rurali u remoti; modi kif iż-żgħażagħ rurali jingħataw il-mezzi biex jirnexxu lokalment; u l-aħjar prattiki fil-livelli kollha biex jittaffew id-disparitajiet reġjonali u tiġi prevenuta d-depopolazzjoni rurali.
Miżuri ssuġġeriti biex iħeġġu liż-żgħażagħ jibqgħu f'żoni rurali jinkludu l-għoti ta' aċċess aħjar għal servizzi ewlenin bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni affordabbli, it-trasport pubbliku u konnessjoni broadband affidabbli, u l-għoti ta' spinta lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jħeġġu liż-żgħażagħ jieħdu sehem attiv fil-komunità tagħhom.
Il-Kunsill approva riżoluzzjoni dwar l-eżiti tal-għaxar ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, li beda f'nofs l-2023 u jkompli sa tmiem l-2024. Ir-riżoluzzjoni tippreżenta l-eżiti taċ-ċiklu u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, li saret f'Budapest mis-7 sal-10 ta' Settembru 2024.
Il-Pjan ta' Ħidma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2025-2027
Il-Kunsill approva riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, li tippreżenta l-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin li għandhom jiġu implimentati matul il-perjodu mill-2025 sal-2027. B'mod partikolari, il-pjan iħares lejn l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ li ser jiġu indirizzati mit-triji ta' presidenzi li jmiss.
Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt affarijiet oħra:
Eżitu tad-diskussjoni li saret fil-laqgħa informali waqt il-kolazzjon tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (informazzjoni mill-presidenza)
Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mill-Polonja)
Kolazzjon ta' ħidma informali
Sar kolazzjon ta' ħidma informali fil-qafas tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, dwar is-sinifikanza tal-komunitajiet u s-solidarjetà interġenerazzjonali.
Edukazzjoni
Karrieri attraenti u sostenibbli fl-edukazzjoni għolja
Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex jagħmlu l-karrieri fl-edukazzjoni għolja aktar attraenti u sostenibbli.
Ir-rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta d-diversità tal-perkorsi tal-karriera akkademika, u tenfasizza l-importanza li jiġi vvalutat kemm it-tagħlim kif ukoll ir-riċerka.
Tinkludi wkoll miżuri li jinċentivaw lill-professjonisti tal-edukazzjoni għolja biex jieħdu sehem f'firxa usa' ta' attivitajiet relatati mal-karriera, inkluż attivitajiet edukattivi transfruntieri.
L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-UE jrawmu l-ġenerazzjonijiet futuri u jipproduċu l-forza tax-xogħol b'ħiliet għolja kif meħtieġ mill-ekonomiji tagħna. Ir-rakkomandazzjoni tal-lum tenfasizza l-importanza li t-tagħlim jiġi vvalutat fuq l-istess livell mar-riċerka, u tappella għal rikonoxximent akbar tal-firxa sħiħa ta' perkorsi u attivitajiet tal-karriera disponibbli għall-persunal akkademiku u professjonali.
Balázs Hankó, Ministru Ungeriż għall-Kultura u l-Innovazzjoni
Nagħtu spinta lill-ħiliet u l-kompetittività li jibqgħu validi fil-futur permezz tal-edukazzjoni għolja
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetittività li jibqgħu validi fil-futur permezz tal-edukazzjoni għolja. Id-dibattitu bena fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' Draghi u esplora l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-domandi tax-xogħol billi tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet.
B'mod partikolari, il-ministri ddiskutew il-merti tat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetittività li jibqgħu validi fil-futur permezz ta' kooperazzjoni transfruntiera, bħal permezz tal-lawrja Ewropea ppjanata. Enfasizzaw ukoll il-benefiċċji tal-investiment fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja bħala muturi li jixprunaw il-kompetittività tal-UE. Fost aspetti oħra, il-ministri enfasizzaw ir-rilevanza tal-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà, kif ukoll l-importanza li l-korsijiet tal-lawrja jiġu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar sħubijiet strateġiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-benefiċċji ta' sħubijiet strateġiċi għall-kompetittività tal-Ewropa u jappellaw lill-istati membri biex jippromwovu sħubijiet bħal dawn fil-livelli tranżnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sħubijiet strateġiċi u kooperazzjoni tranżnazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, billi tipprovdi gwida u tidentifika opportunitajiet ta' finanzjament.
Il-punti li ġejjin ġew indirizzati taħt "affarijiet oħra":
Programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss (informazzjoni mill-Polonja)
Summit Ministerjali tal-MED9 għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tranżizzjoni Ekoloġika fir-reġjun tal-Mediterran (Limassol, 27 ta' Ġunju 2024) (informazzjoni minn Ċipru)
Ikla informali
Dibattitu informali waqt l-ikla ta' nofsinhar kien ippresedut minn Zoltán Maruzsa, Ministru tal-Istat Ungeriż għall-Edukazzjoni Pubblika, li ffoka fuq l-użu tal-mowbajl fl-iskejjel.
Punti ''A''
Illum, il-Kunsill approva t-test konġunt dwar il-baġit ġenerali tal-UE għall-2025. L-impenji totali huma stabbiliti għal €192.768,6 miljun u l-pagamenti totali għal €149.615,7 miljun, minbarra l-approprjazzjonijiet previsti għal strumenti speċjali barra mill-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021–2027 (QFP).
Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.