"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 15/07/2019, 15 ta' Lulju 2019

Riżultati ewlenin

Filmat tal-punti ewlenin tal-Kunsill Affarijiet Barranin li sar fil-15 ta' Lulju 2019, fi Brussell.

Ġrajjiet kurrenti

Ir-Rappreżentant Għoli u l-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew l-aktar kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda internazzjonali. Huma rreferew għas-sitwazzjoni rigward l-attivitajiet ta' tħaffir illegali attwali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew ukoll l-iżviluppi reċenti fis-Sudan. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Finlandiż Pekka Haavisto żar ir-reġjun f'isem l-UE. Il-ministri għall-affarijiet barranin innutaw li l-qbil li ntlaħaq bejn il-Kunsill Militari Transizzjonali u l-Forzi għall-Ħelsien u l-Bidla fil-11 ta' Lulju huwa pass importanti, u ssottolinjaw l-importanza li tiġi appoġġata t-transizzjoni ċivili, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju addizzjonali.

Il-ministri ttrattaw ukoll il-Venezwela, wara ż-żjara tal-Konsulent Speċjali Enrique Iglesias f'Caracas mis-7 sal-10 ta' Lulju. Huma tennew l-appoġġ tal-UE għall-isforzi kollha, b'mod partikolari l-proċess ta' Oslo, biex tinstab soluzzjoni politika, filwaqt li enfasizzaw it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem wara r-rapport ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet fil-5 ta' Lulju 2019.

L-Iran

Il-Kunsill iddiskuta l-Iran fid-dawl tal-iżviluppi fir-reġjun u t-tħabbiriet u l-passi reċenti minn Tehran biex inaqqas l-implimentazzjoni tiegħu ta' ċerti aspetti tal-ftehim dwar il-qasam nukleari, il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK).

Kellna diskussjoni tajba dwar kif nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna biex nippreservaw b'mod sħiħ il-ftehim nukleari mal-Iran. Kellna unanimità fost l-istati membri dwar il-ħtieġa kemm fir-rigward tal-istrument - INSTEX - li stabbilixxejna biex nippreservaw il-kummerċ leġittimu mal-Iran, li għandu jsir aktar rapidu kif ukoll aktar operazzjonali, kif ukoll biex inkomplu naħdmu sabiex l-Iran jerġa' lura għall-konformità sħiħa mal-ftehim nukleari. Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni ta' tensjoni fir-reġjun tal-Golf u modi kif jitnaqqas ir-riskju kontinwu ta' kalkolu ħażin li jista' jirriżulta f'eskalazzjoni militari.

Huma indirizzaw ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-PAKK. Huma tennew li l-UE jiddispjaċiha għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jimponu mill-ġdid sanzjonijiet fuq l-Iran wara l-irtirar tagħhom mill-PAKK. Huma evalwaw l-isforzi kontinwi tal-UE biex ikun jista' jitkompla l-kummerċ leġittimu mal-Iran, inkluż permezz tal-veikolu bi skop speċjali "INSTEX" li issa huwa operazzjonali. Huma ħeġġew ukoll lill-Iran biex ireġġa' lura l-passi li ttieħdu u affermaw mill-ġdid li l-impenn tal-UE fir-rigward tal-ftehim nukleari jiddependi minn konformità sħiħa tal-Iran u li l-kwistjonijiet ta' konformità jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-qafas tal-PAKK.

L-Iraq

Ir-Rappreżentant Għoli infurmat lill-ministri dwar iż-żjara tagħha f'Baghdad fit-13 u l-14 ta' Lulju. Il-ministri għall-affarijiet barranin imbagħad evalwaw l-iżviluppi fil-pajjiż. Huma ddiskutew kif l-UE tista' tipprovdi appoġġ ulterjuri lill-pajjiż. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet.

Repubblika tal-Moldova

Il-ministri għall-affarijiet barranin kellhom skambju informali ta' fehmiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Moldova, Nicolae Popescu.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2019, il-Kunsill Ewropew laqa' t-trasferiment paċifiku tal-poter fir-Repubblika tal-Moldova. Huwa stieden lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli biex jaħdmu fuq sensiela ta' miżuri konkreti biex jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova, abbażi tal-implimentazzjoni sostnuta tagħha tar-riformi skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / DCFTA.

Il-ministri għall-affarijiet barranin esprimew l-appoġġ tagħhom, kif ukoll l-aspettattivi tagħhom, b'mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u r-rieda tagħhom li jerġa' jinbeda appoġġ finanzjarju kondizzjonali mill-UE lir-Repubblika tal-Moldova.

Repubblika Ċentru-Afrikana

Il-Kunsill iddiskuta r-Repubblika Ċentru-Afrikana. Il-ministri rriflettew fuq kif l-UE tista' tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha biex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ulterjuri tal-ftehim ta' paċi ffirmat f'Bangui fis-6 ta' Frar 2019.

Huma qablu li jibdew jaħdmu fuq pjanijiet għal missjoni ċivili possibbli tal-PSDK b'appoġġ għall-forzi ċivili tas-sigurtà tar-RĊA. Din il-missjoni ser tikkomplementa l-missjoni ta' taħriġ militari tal-UE EUTM RCA li tipprovdi taħriġ u pariri lill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA) u tinkludi wkoll pilastru ta' interoperabbiltà ċivili-militari.

Aspetti esterni tal-migrazzjoni

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew l-aspetti esterni tal-migrazzjoni. Il-ministri qablu dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod aktar effettiv. B'mod partikolari, huma nnutaw il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji, b'mod partikolari l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew l-importanza li jitħaffu r-risistemazzjonijiet ta' persuni fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jsir progress fil-kwistjoni tal-iżbark ta' migranti salvati fuq il-baħar, li hija r-responsabbiltà tal-ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025