Afganistan
L-UE tappoġġa lill-poplu tal-Afganistan u hija impenjata li tappoġġa d-drittijiet tan-nisa Afgani u l-iżvilupp ta' Afganistan stabbli, paċifiku u prosperu.
Il-kriżi fl-Afganistan
Wara għexieren ta' snin ta' konflitt, perikli naturali rikorrenti u livell għoli ta' faqar, it-teħid tal-kontroll mit-Taliban f'Awwissu 2021 irriżulta f'aktar deterjorament ekonomiku, żieda fl-insigurtà tal-ikel u privazzjoni mifruxa.
L-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tat-Taliban wasslu għall-esklużjoni sistematika u xokkanti tan-nisa u l-bniet flimkien ma' deterjorament drammatiku tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem għall-poplu Afgan.
Barra minn hekk, it-Taliban la jridu u lanqas m'huma kapaċi jindirizzaw b'mod effettiv il-preżenza u l-operazzjonijiet ta' gruppi terroristiċi fit-territorju Afgan.
Fl-2025, l-Afganistan qed ikompli jiffaċċa waħda mill-akbar kriżijiet umanitarji fid-dinja, b'aktar minn 22.9 miljun persuna – aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Afganistan – fil-bżonn ta' assistenza umanitarja. Bħalissa, 10 miljun persuna qed jiffaċċaw insigurtà gravi tal-ikel u 3.5 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin ibatu minn malnutrizzjoni severa.
Miljuni ta' persuni madwar il-pajjiż ma għandhomx aċċess għal ilma sikur, biżżejjed ikel, u kura tas-saħħa xierqa, li jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-mard u l-malnutrizzjoni.
L-Afganistan għadu qed jiffaċċa kriżi ta' protezzjoni, bin-nisa, it-tfal, il-persuni bi bżonnijiet speċifiċi, u l-gruppi emarġinati jiffaċċaw l-akbar riskji.
Id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan
Imkien fid-dinja ma ġew mhedda d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet bħalma seħħ fl-Afganistan. Is-sitwazzjoni attwali tagħti lok għal tħassib serju dwar il-prospett li jinżammu u jissaħħu l-kisbiet numerużi li saru min-nisa Afgani f'dawn l-aħħar għoxrin sena.
It-Taliban ħareġ aktar minn 70 editt b'għadd kbir ta' restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet dwar:
- l-attendenza tal-bniet fl-iskejjel sekondarji
- il-kodiċijiet tal-ilbies (inkluż li n-nisa ġew ordnati jgħattu ġisimhom u wiċċhom fil-pubbliku)
- is-segregazzjoni fil-postijiet tax-xogħol
- il-libertà ta' moviment tan-nisa mingħajr kustodju maskili (mahram)
- l-aċċess tan-nisa għall-postijiet pubbliċi
Il-projbizzjoni tal-edukazzjoni sekondarja wasslet biex 1.5 miljun tifla adolexxenti spiċċaw barra mill-iskola.
In-nisa ġew ukoll esklużi għalkollox mis-sistema legali, li prattikament iżżarmat, il-kostituzzjoni tal-2004 ġiet sospiża u l-indipendenza tas-sistema legali m'għadhiex żgurata.
Fi tmiem Diċembru 2022, it-Taliban iddeċidew li jipprojbixxu lin-nisa milli jattendu universitajiet u jaħdmu ma' NGOs. Dawn id-digrieti mhux biss huma diskriminatorji, imma għandhom ukoll riperkussjonijiet diretti u kultant ta' periklu għall-ħajja, peress li n-nuqqas ta' ħaddiema umanitarji nisa jxekkel l-għoti ta' għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli.
F'Awwissu 2024, it-Taliban ipprojbixxa l-ilħna tan-nisa milli jinstemgħu fil-pubbliku.
F'ħafna okkażjonijiet l-UE wriet b'mod ċar id-determinazzjoni tagħha li tkompli tappoġġa lin-nisa u l-bniet fl-Afganistan, f'konformità mal-valuri u l-prinċipji tagħha.
Fil-konklużjonijiet adottati f'Novembru 2022, il-Kunsill:
- ikkundanna t-treġġigħ lura sistematiku mit-Taliban tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tan-nisa u l-bniet
- appella għal sforzi sostanzjali u mmirati mir-rappreżentant għoli, mill-Kummissjoni u mill-istati membri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni u jiżguraw il-parteċipazzjoni tan-nisa Afgani fid-djalogi politiċi dwar l-Afganistan
- irrikonoxxa l-importanza ta' inizjattivi biex jippromwovu l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, bħat-twaqqif tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani ffaċilitat mill-UE
- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Novembru 2022)
- Stqarrijiet u dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-bniet u n-nisa Afgani
- L-implimentazzjoni tal-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna)
- Forum tan-nisa dwar l-Afganistan
L-impenn tal-UE għall-paċi u l-istabbiltà fl-Afganistan
F'Marzu 2023, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-paċi u l-istabbiltà fl-Afganistan, u għall-appoġġ lill-poplu tal-Afganistan.
Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza u l-validità tal-punti ta' riferiment deskritti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2021 għall-politiki u l-azzjonijiet tal-kabinett temporanju maħtur mit-Taliban.
L-UE appellat għal darb'oħra lit-Taliban biex fl-interess tal-poplu Afgan:
- jirrispetta, jipproteġi u jħares id-drittijiet tal-bniedem kollha, u jindirizza l-ksur u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem
- jistabbilixxi gvern inklużiv u rappreżentattiv
- iwaqqaf lill-Afganistan milli jservi bħala bażi biex jiġi ospitat, iffinanzjat jew esportat it-terroriżmu
- jagħti aċċess umanitarju mingħajr xkiel u mingħajr diskriminazzjoni
- ikompli jippermetti vjaġġar sikur, sigur u ordnat lejn u mill-Afganistan
L-UE stqarret ukoll li huwa fl-interess tal-komunità internazzjonali kollha li l-Afganistan ikun pajjiż stabbli, biex jiġu evitati l-instabbiltà reġjonali, it-theddid tat-terroriżmu, l-ispostament furzat u l-migrazzjoni irregolari.
L-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tat-Taliban wasslu biex is-sitwazzjoni politika, ekonomika, umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem tmur drammatikament għall-agħar għall-poplu Afgan, speċjalment għan-nisa u l-bniet.
Madankollu, l-UE għadha impenjata li tkompli l-assistenza tagħha biex ittaffi l-kriżi umanitarja u soċjoekonomika severa, billi tipprovdi ħtiġijiet umanitarji u bażiċi u appoġġ għall-għajxien bħala parti minn approċċ ibbażat fuq il-prinċipji, fejn in-nisa jistgħu jipparteċipaw b'mod sinifikattiv fl-għoti ta' dan l-appoġġ u fejn in-nisa jibqgħu benefiċjarji tiegħu.
L-UE tinsab lesta wkoll li tkompli ssaħħaħ l-appoġġ għall-ġirien u s-sħab tal-Afganistan fir-reġjun usa' biex tipprevjeni effetti konsegwenzjali negattivi.
L-UE tenniet l-impenn sod tagħha li tappoġġa l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini Afgani kollha, inkluż in-nisa u l-bniet u l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi u reliġjużi fl-aspetti kollha tal-ħajja fl-Afganistan.
Appoġġ umanitarju għall-poplu Afgan
Mill-1994 'l hawn, l-UE pprovdiet madwar €2 biljun f'assistenza umanitarja lill-Afganistan. L-għan ewlieni tal-assistenza umanitarja tal-UE għall-Afganistan huwa li:
- tipprovdi assistenza li ssalva l-ħajjiet
- tiżgura l-aċċess għas-servizzi bażiċi
- tibni r-reżiljenza tal-popolazzjoni għall-kriżijiet
Bejn l-2024 u l-2025, l-UE ffinanzjat proġetti umanitarji b'valur ta' €320 miljun.
L-interventi jiffukaw fuq l-assistenza alimentari ta' emerġenza, il-kura tas-saħħa u n-nutrizzjoni, l-edukazzjoni f'emerġenzi, l-aċċess għall-ilma nadif, il-faċilitajiet tal-iġjene u tas-sanità, ir-refuġju u l-oġġetti mhux tal-ikel, u s-servizzi ta' protezzjoni, inkluż l-attivitajiet ta' tneħħija tal-mini.
L-għajnuna umanitarja tal-UE fl-Afganistan titwassal permezz ta' sħab umanitarji fuq il-post, bħal aġenziji tan-NU, organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs. Il-finanzjament jaderixxi strettament mal-prinċipji umanitarji tal-indipendenza, l-imparzjalità u n-newtralità biex jiġi żgurat li jilħaq lil dawk l-Afgani l-aktar fil-bżonn.
Biex tiffaċilita t-twassil ta' għajnuna li ssalva l-ħajja, l-UE ttrasportat aktar minn 2 240 tunnellata ta' provvisti ta' sokkors permezz ta' 41 titjira umanitarja fuq pontijiet bl-ajru lejn Kabul minn Awwissu 2021 'l hawn.
Sanzjonijiet relatati mal-Afganistan
Miżuri kontra t-Taliban
L-UE imponiet sanzjonijiet kontra dawk li jikkostitwixxu theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Afganistan, inkluż it-Taliban, flimkien ma' individwi u gruppi assoċjati magħhom.
Dawn il-miżuri jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1988 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jinkludu:
- embargo fuq l-armi
- projbizzjoni fuq l-assistenza teknika relatata ma' oġġetti u teknoloġija militari
- projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi
- iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet
Dan ir-reġim ta' sanzjonijiet bħalissa japplika għal 135 individwu u ħames entitajiet.
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (Ġurnal uffiċjali tal-UE)
- Regolament dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (Ġurnal uffiċjali tal-UE)
- Ir-riżoluzzjoni 1988 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU
Sanzjonijiet kontra l-ISIL/Da'esh u Al-Qaida
Fl-20 ta' Settembru 2016, l-UE stabbiliet qafas dedikat ta' sanzjonijiet kontra l-ISIL/Da'esh u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom.
Dawn is-sanzjonijiet awtonomi tal-UE huma komplementari għal dawk adottati taħt il-"lista tal-UE ta' terroristi", il-leġiżlazzjoni tal-UE li timplimenta r-riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Is-sanzjonijiet tal-UE jikkonsistu minn:
- projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi
- iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet
- projbizzjoni tat-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati
Dawn is-sanzjonijiet bħalissa japplikaw għal total ta' 15-il individwu u seba' gruppi.
Ara wkoll
Arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)
Għajnuna umanitarja
Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Ottubru 2025