Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża), 12 ta' Mejju 2026

Riżultati ewlenin

Il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin bil-ministri għad-difiża saret Brussell u kienet ippreseduta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Kaja Kallas.

Analiżi aġġornata tat-theddid

Fil-bidu tal-laqgħa tagħhom, il-ministri għad-difiża tal-UE ġew infurmati dwar l-analiżi komprensiva aġġornata tat-theddid tal-UE.

Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna

Waqt ikla ta' ħidma, il-Kunsill iddiskuta l-appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna, fil-kuntest tal-aħħar żviluppi fuq il-post u l-isforzi diplomatiċi li għaddejjin biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema appoġġata minn garanziji ta' sigurtà robusti.

Mal-ministri tal-UE ngħaqdu wkoll għal skambju informali l-ministru għad-difiża Ukren, Mykhailo Fedorov (permezz ta' konnessjoni bil-vidjo) u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Radmila Shekerinska (fiżikament).

Il-ministru għad-difiża Ukren ippreżenta l-ħtiġijiet u l-perspettivi l-aktar urġenti tal-kamp tal-battalja fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni tal-kumpaniji Ukreni fil-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

L-esperjenza tal-Ukrajna turi kemm il-gwerra moderna tevolvi malajr u t-tagħlimiet meħuda jridu jsawru d-deċiżjonijiet ta' politika tagħna. L-innovazzjoni fid-difiża jeħtieġ li ssir prijorità politika.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Id-diskussjoni ministerjali li segwiet iffokat fuq il-kooperazzjoni industrijali fil-qasam tad-difiża bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluż l-implimentazzjoni tal-komponent tad-difiża tas-Self ta' Appoġġ għall-Ukrajna, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) u strumenti oħra tal-UE.

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li l-UE qiegħda twettaq appoġġ militari lill-Ukrajna, li ser tirċievi l-ewwel żborż tas-self ta' €90 biljun f'Ġunju, iżda enfasizzat ukoll l-importanza li jitkompla l-appoġġ bilaterali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-Ukrajna. Hija ħabbret li l-ministri għad-difiża tal-UE qablu dwar il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu mobilizzati l-fondi tal-EPF, u li ser jitressqu proposti konkreti.

Ir-Rappreżentant Għoli tat aġġornament dwar il-kontribut tal-UE għall-garanziji tas-sigurtà, inkluż permezz tat-tisħiħ taċ-Ċentru Satellitari tal-UE u r-"raba' pilastru" ta' azzjonijiet li jappoġġaw l-isforzi biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, ir-riforma tas-settur tad-difiża u r-riintegrazzjoni tal-veterani, li ġie ppreżentat lill-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' April fil-Lussemburgu.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-implikazzjonijiet tagħha għad-difiża u s-sigurtà Ewropea, inkluż it-theddid u l-isfidi, id-disponibbiltà attwali tal-kapaċitajiet ta' difiża ewlenin, u l-impatt fuq il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

[L-I]strett ta' Hormuz maqbud f'żona griża bejn il-gwerra u l-paċi. Aħna nappoġġaw l-inizjattivi diplomatiċi kollha biex ikun hemm soluzzjoni u tiġi evitata aktar eskalazzjoni. L-għeluq tal-aktar korsija tat-tbaħħir importanti fid-dinja huwa insostenibbli. L-operazzjonijiet navali tal-UE fir-reġjun jista' jkollhom rwol vitali fir-restawr tal-flussi tal-enerġija u tal-kummerċ.

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Dwar il-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz, il-ministri għad-difiża tal-UE evalwaw diversi inizjattivi diplomatiċi. Ir-Rappreżentant Għoli tat aġġornament dwar l-Operazzjoni EUNAVFOR ASPIDES u l-Kunsill iddiskuta l-possibbiltà li l-operazzjoni tissaħħaħ u tiġi estiża meta l-kundizzjonijiet ikunu adatti.

Ġiet ukoll indirizzata s-sitwazzjoni fil-Libanu. Il-ministri ddiskutew l-istatus tal-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL), li l-mandat tagħha jiskadi fl-aħħar tal-2026, u l-possibbiltà ta' missjoni tal-UE.

Prontezza tad-difiża

Is-sessjoni ta' waranofsinhar intemmet b'diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-prontezza tad-difiża tal-UE, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2026.

Id-deterrenza taħdem jekk tkun kredibbli. Jekk tidher dgħajjef tistieden biss aggressjoni.

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Qabel id-diskussjoni ministerjali saret preżentazzjoni qasira mill-President tal-​Assoċjazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali, tas-Sigurtà u tad-Difiża tal-Ewropa (ASD), Micael Johansson.

Id-diskussjoni mbagħad indirizzat il-ħidma li għaddejja fuq l-oqsma ta' kapaċità prijoritarji u għal suq fl-UE kollha għat-tagħmir tad-difiża.

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat l-importanza li jitneħħew l-ostakli politiċi u operazzjonali li jnaqqsu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-aġenda tal-prontezza tad-difiża, filwaqt li l-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li l-industrija tagħti riżultati fil-ħin u fuq skala adatta.

Deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill adotta miżura ta' assistenza b'valur ta' €15-il miljun fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet militari u ta' difiża tal-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina.

Fil-marġini tal-laqgħa

Qabel il-laqgħa, il-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) – imlaqqa' fil-livell ministerjali – iddiskuta t-tisħiħ strateġiku tal-aġenzija.

Id-diskussjoni segwiet il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2025 u Marzu 2026, li appellaw għal rwol imsaħħaħ għall-EDA fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża Ewropej, ir-riċerka kollaborattiva, u l-isforzi ta' akkwist konġunt.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Mejju 2026