"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-Kunsill iddiskuta r-relazzjonijiet tal-UE mal-Balkani tal-Punent wara kolazzjon informali mal-ministri għall-affarijiet barranin mis-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent.
Il-Kunsill kellu diskussjoni wiesgħa dwar kwistjonijiet attwali, inkluż żviluppi ġeopolitiċi ewlenin, interess komuni fil-promozzjoni tal-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun, u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK).
Qabel is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tal-5 ta' Ġunju 2026, il-ministri qablu li l-UE ser tkompli bl-impenn tagħha mar-reġjun, filwaqt li tieħu passi konkreti biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' affarijiet barranin, sigurtà u difiża. Dan ifisser l-inkoraġġiment tal-allinjament mal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE, il-ksib ta' sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża lil hinn minn dawk diġà konklużi mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq, u l-għoti ta' aktar appoġġ kontra t-theddid ibridu, inkluż dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ddiskutew ukoll il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, wara skambju informali ta' fehmiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna AndriiSybiha li attenda fiżikament.
L-enfasi tad-diskussjoni kienet fuq l-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna u indirizzat diversi aspetti: appoġġ finanzjarju, militari u mil-lat ta' enerġija, u garanziji ta' sigurtà tal-UE - inkluż it-tisħiħ taċ-Ċentru Satellitari tal-UE biex jiġi appoġġat il-monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied u tiġi miġġielda ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet. Il-ministri tkellmu wkoll dwar l-appoġġ għar-ritorn tat-tfal Ukreni qabel il-laqgħa ta' livell għoli tal-Koalizzjoni Internazzjonali għar-Ritorn tat-Tfal Ukreni li ser issir fl-istess jum, u affermaw mill-ġdid l-importanza ġeostrateġika tal-perkors tal-adeżjoni tal-Ukrajna.
Id-dħul tal-Ukrajna fl-UE mhuwiex karità, iżda investiment fis-sigurtà tagħna stess. U l-messaġġ tagħna lil Putin huwa ċar. Il-futur Ewropew tal-Ukrajna huwa aktar importanti għalina milli l-qerda tal-Ukrajna hija għar-Russja.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Dwar il-pressjoni fuq ir-Russja, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra 16-il individwu u seba' entitajiet oħra responsabbli għad-deportazzjoni illegali sistematika u t-trasferiment furzat ta' tfal Ukreni lejn il-Federazzjoni Russa u fit-territorji okkupati temporanjament.
Il-ministri qablu li jkomplu jaħdmu lejn miżuri aktar restrittivi li jkunu kapaċi jaqtgħu l-flussi tad-dħul tar-Russja, u ddiskutew il-kwistjoni tan-negozjati għall-paċi, li ser jerġgħu jiġu diskussi fil-laqgħa informali li jmiss tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin f'Ċipru.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill adotta mandat imsaħħaħ għall-Missjoni Konsultattiva tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM)
Il-ministri tal-UE qablu dwar l-importanza li jiġu msaħħa r-relazzjonijiet permezz tas-sigurtà, id-difiża u mezzi diplomatiċi. Il-ministri appoġġaw ukoll l-idea li jaħdmu fuq it-tisħiħ tal-miżuri restrittivi tal-UE biex jiggarantixxu l-libertà tan-navigazzjoni u ddiskutew il-possibbiltà li tissaħħaħ l-Operazzjoni ASPIDES.
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar Iżrael u l-Palestina. Il-ministri esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja f'Gaża u l-implimentazzjoni imblukkata tal-pjan ta' paċi skont l-UNSCR 2803, filwaqt li fakkru fl-importanza li tinżamm l-attenzjoni fuq il-pjan u l-involviment fih, u enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għall-għajnuna umanitarja. Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jingħata kontribut għall-irkupru rapidu ta' Gaża u li jiġu appoġġati l-isforzi ta' riforma tal-Awtorità Palestinjana.
Is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fix-Xatt tal-Punent u l-miżuri reċenti adottati mill-gvern Iżraeljan ġew indirizzati wkoll. B'mod partikolari, meta titqies il-vjolenza dejjem akbar u l-espansjoni tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent. B'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu u d-diskussjonijiet fil-Kunsill Affarijiet Barranin ta' April, ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li l-ministri kienu laħqu qbil politiku biex jimxu 'l quddiem b'sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' abitanti estremisti tal-insedjamenti u l-entitajiet li jappoġġaw l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent. Fl-istess ħin, il-ministri qablu li jieħdu aktar miżuri restrittivi kontra persuni ewlenin f'Ħamas. Il-Kunsill iddiskuta wkoll għażliet ta' politika ulterjuri, inkluż miżuri relatati mal-kummerċ li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' prodotti mill-insedjamenti.
Nimxu mill-imblokk politiku li kien hemm għal żmien twil. Il-vjolenza u l-estremiżmu għandhom il-konsegwenzi.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-ministri ttrattaw ukoll is-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fil-Libanu, fid-dawl tal-ostilitajiet kontinwi bejn Iżrael u l-Hezbollah. Huma appellaw liż-żewġ naħat biex iżommu l-waqfien mill-ġlied tas-16 ta' April u tennew l-importanza li jiġu rispettati s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Libanu.
Il-ministri ngħaqdu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada, Anita Anand għal diskussjoni informali dwar ir-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet internazzjonali ta' interess reċiproku, qabel il-laqgħa tal-Koalizzjoni Internazzjonali għar-Ritorn tat-Tfal Ukreni.
Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ġew infurmati dwar l-eżiti tal-Analiżi komprensiva aġġornata tat-Theddid tal-UE.
Affarijiet oħra u deċiżjonijiet oħra
Taħt affarijiet oħra, il-ministri semgħu:
mir-Rumanija dwar il-ksur reċenti tal-ispazju tal-ajru Rumen mid-droni Russi u dwar l-avveniment ta' livell għoli dwar il-Kuritur tal-Gass Vertikali li sar fil-marġini tal-Komunità Politika Ewropea
mill-Kroazja dwar is-Summit dwar it-Tliet Ibħra u l-Forum tan-Negozju li sar f'Dubrovnik
mill-Italja u l-Kroazja dwar il-laqgħa ministerjali informali MED9++ li saret f'Ruma fis-7 ta' Mejju 2026, li nediet Koalizzjoni għall-aċċess globali għall-fertilizzanti u s-sigurtà tal-ikel matul il-kriżi ta' Hormuz
Il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iffirmar tal-Ftehim Globali Modernizzat bejn l-UE u l-Messiku u l-Ftehim Kummerċjali Interim.
Fil-kuntest tal-impenn tal-UE li terġa' tinvolvi ruħha mas-Sirja, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tneħħi s-sospensjoni parzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja, introdott fl-2011.
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi tal-UE kontra atturi involuti f'attakki ċibernetiċi kontra l-UE u l-istati membri tagħha b'sena, sat-18 ta' Mejju 2027.
Il-Kunsill approva l-Konvenzjoni li Tistabbilixxi Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna.
Fil-marġini tal-laqgħa
Fit-tmiem il-laqgħa ta' Mejju tal-KAB, ir-Rappreżentant Għoli Kaja Kallas u l-Kummissarju għat-Tkabbir Marta Kos f'isem l-UE, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Andrii Sybiha u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada Anita Anand ospitaw flimkien il-laqgħa ta' livell għoli tal-Koalizzjoni Internazzjonali għar-Ritorn tat-Tfal Ukreni.
Ir-Rappreżentant Għoli Kaja Kallas sussegwentement ikkopresediet l-ewwel djalogu politiku ta' livell għoli bejn l-UE u s-Sirja, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Espatrijati tal-gvern tranżizzjonali Sirjan, Asaad Hassan al-Shaibani. Id-djalogu kien opportunità biex isir progress fl-involviment mill-ġdid tal-UE mas-Sirja u biex jitqiesu l-linji ta' ħidma li jistgħu jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-pajjiż.
Dan huwa sinjal importanti fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Sirja [...] L-UE mxiet malajr biex tappoġġa t-tranżizzjoni politika u r-rikostruzzjoni wara li waqa' r-reġim ta' Assad.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.